Vasco da Gama
esploratur Portugiż From Wikipedia, the free encyclopedia
Vasco da Gama, l-Ewwel Konti ta' Vidigueira (pronunzja bil-Portugiż Ewropew: [ˈvaʃku ðɐ ˈɣɐ̃mɐ][1][2]; twieled fl-1469 – miet fl-24 ta' Diċembru 1524), kien esploratur Portugiż u l-ewwel Ewropew li wasal sal-Indja bil-baħar.[3]
Vasco da Gama | |||
---|---|---|---|
![]() | |||
5 Settembru 1524 - 24 Diċembru 1524 ← Duarte de Menezes - Henrique de Meneses → | |||
Ħajja | |||
Twelid | Sines, 1469, c. 1460 | ||
Nazzjonalità | Renju tal-Portugall | ||
Mewt | Kochi, 24 Diċembru 1524 | ||
Post tad-dfin |
Monasteru tal-Ġlormini Knisja ta' Santa Engrácia Knisja ta' San Franġisk | ||
Kawża tal-mewt | kawżi naturali (malarja) | ||
Familja | |||
Missier | Estêvão da Gama | ||
Omm | Izabel Sodre | ||
Konjuga/i | Catarina de Ataíde | ||
Ulied |
uri
| ||
Aħwa |
uri
| ||
Edukazzjoni | |||
Lingwi | Portugiż | ||
Okkupazzjoni | |||
Okkupazzjoni |
esploratur vjaġġatur tad-dinja baħħar uffiċjal navali | ||
Grad | ammirall |
L-ewwel vjaġġ tiegħu lejn l-Indja mill-Kap tat-Tama t-Tajba (bl-Ingliż: Cape of Good Hope) fl-1497-1499 kien l-ewwel wieħed li kkollega l-Ewropa u l-Asja permezz ta' rotta oċeanika, u li kkollega l-Oċean Atlantiku u l-Oċean Indjan, għaldaqstant kkollega l-Punent mal-Orjent. Inġenerali dan jitqies bħala stadju importanti fl-istorja dinjija, peress li mmarka l-bidu ta' fażi ta' multikulturaliżmu globali permezz tat-trasport marittimu.[4] L-iskoperta ta' Da Gama tar-rotta bil-baħar lejn l-Indja wittiet it-triq għal era ta' imperjaliżmu globali u ppermettiet lill-Portugiżi jistabbilixxu imperu kolonjali li dam fit-tul tul ir-rotta mill-Afrika sal-Asja. Il-vjolenza u t-teħid tal-ostaġġi użata minn da Gama u dawk ta' warajh taw reputazzjoni brutali lill-Portugiżi fost ir-renji indiġeni tal-Indja u stabbilew mudell għall-kolonjaliżmu tal-Punent fl-Epoka tal-Esplorazzjoni.[5] L-ivvjaġġar tul ir-rotta oċeanika ppermettiet lill-Portugiżi jevitaw li jbaħħru mill-Mediterran li kien miżgħud taqbid u mill-Peniżola tal-Arabja li kienet tant perikoluża dak iż-żmien. Is-somma tad-distanzi koperti fil-vjaġġi 'l hemm u 'l hawn wasslet biex din l-ispedizzjoni kienet l-itwal vjaġġ oċeaniku li qatt kien sar sa dak iż-żmien.[6]
Wara deċennji sħaħ fejn il-baħrin ippruvaw jaslu sal-Indji, b'tant eluf ta' ħajjiet u għexieren ta' bastimenti mitlufa minħabba l-għarqiet u l-attakki, da Gama żbarka f'Kozhikode fl-20 ta' Mejju 1498. L-aċċess bla oppożizzjoni għar-rotot tal-ħwawar Indjani ta spinta lill-ekonomija tal-Imperu Portugiż, li qabel kien ibbażat tul il-parti tat-Tramuntna u l-parti kostali tal-Punent tal-Afrika. Għall-ewwel, il-ħwawar prinċipali li nkisbu mix-Xlokk tal-Asja kienu l-bżar u l-kannella, iżda f'qasir żmien ġew inklużi prodotti oħra, li kollha kienu ġodda għall-Ewropa. Il-Portugall żamm monopolju kummerċjali ta' dawn il-prodotti bażiċi għal diversi deċennji. Għadda saħansitra seklu sħiħ qabel qawwiet Ewropej oħra, l-ewwel ir-Repubblika Olandiża u l-Ingilterra, u mbagħad Franza u d-Danimarka, ma rnexxielhom jisfidaw il-monopolju kummerċjali u s-supremazija navali tal-Portugall fir-Rotta tal-Kap tal-Lvant.
Da Gama mexxa tnejn mill-Armadas tal-Indja Portugiża, l-ewwel u r-raba'. Din tal-aħħar kienet l-ikbar waħda u salpat għall-Indja erba' snin wara li rritorna mill-ewwel vjaġġ. Fl-1524, bħala kumpens għall-kontributi tiegħu, da Gama nħatar bħala Gvernatur tal-Indja, bit-titlu ta' Viċirè, u sar nobbli bħala l-Ewwel Konti ta' Vidigueira fl-1519. Huwa baqa' rinomat bħala figura ewlenija fl-istorja tal-esplorazzjoni, u ngħata ġieħ madwar id-dinja kollha permezz ta' mfakar tal-esplorazzjonijiet u tal-kisbiet tiegħu. Il-poeżija epika nazzjonali Portugiża Os Lusíadas inkitbet minn Luís de Camões biex tagħtih ġieħ. F'Marzu 2016, eluf ta' artefatti u fdalijiet nawtiċi ġew irkuprati mill-vapur mgħerreq Esmeralda, wieħed mill-armadas ta' da Gama, li nstab lil hinn mill-kosta tal-Oman.[7]
Ħajja bikrija

Vasco da Gama twieled fl-1469 fir-raħal ta' Sines, wieħed mill-ftit portijiet marittimi tul il-kosta tal-Alentejo fil-Lbiċ tal-Portugall, x'aktarx f'dar qrib il-Knisja ta' Nossa Senhora das Salas.[3]
Missier Vasco da Gama kien Estêvão da Gama, li fis-snin 60 tas-seklu 15 kien kavallier tal-familja ta' Infante Ferdinand, id-Duka ta' Viseu.[8] Huwa tela' fil-ġerarkija tal-Ordni Militari ta' Santiago. Estêvão da Gama nħatar alcaide-mór (gvernatur ċivili) ta' Sines fis-snin 60 tas-seklu 15, kariga li baqa' jokkupa sal-1478; imbagħad wara kompla bħala kollettur tat-taxxi u detentur tal-commendas tal-Ordni fir-reġjun.
Estêvão da Gama żżewweġ lil Isabel Sodré, bint João Sodré (magħruf ukoll bħala João de Resende), minn familja b'konnessjonijiet tajbin ta' oriġini Ingliża.[9] Missierha u l-aħwa tagħha, Vicente Sodré u Brás Sodré, kellhom konnessjonijiet mal-familja ta' Infante Diogo, id-Duka ta' Viseu, u kienu figuri prominenti fl-Ordni Militari ta' Kristu. Vasco da Gama kien it-tielet mill-ħames subien ta' Estêvão da Gama u Isabel Sodré – f'ordni (probabbli) skont l-etajiet: Paulo da Gama, João Sodré, Vasco da Gama, Pedro da Gama u Aires da Gama. Vasco kellu wkoll oħtu waħda magħrufa, Teresa da Gama, li żżewġet lil Lopo Mendes de Vasconcelos.[10]
Ma tantx nafu wisq dwar il-ħajja bikrija ta' da Gama. L-istoriku Portugiż Teixeira de Aragão jissuġġeriuxxi li studja fir-raħal iktar 'il ġewwa ta' Évora, fejn x'aktarx li tgħallem il-matematika u n-navigazzjoni. Intqal ukoll li studja taħt Abraham Zacuto, astrologu u astronomu, iżda l-bijografu ta' da Gama Subrahmanyam isostni li dan it-tagħrif huwa dubjuż.[11]
Għall-ħabta tal-1480, da Gama segwa lil missieru (iktar milli l-familja Sodrés) u ssieħeb fl-Ordni ta' Santiago.[12] Il-kap tal-Ordni ta' Santiago kien il-Prinċep Ġwanni, li tela' fuq it-tron fl-1481 bħala r-Re Ġwanni II tal-Portugall. Ġwanni II kellu għall-qalbu l-Ordni, u l-prospetti ta' Vasco da Gama u ta' missieru żdiedu ferm.
Fl-1492, Ġwanni II bagħat lil Vasco da Gama fuq missjoni lejn il-port ta' Setúbal u sal-Algarve biex jissekwestra xi vapuri Franċiżi bħala ritaljazzjoni għall-ksur taż-żamma ta' paċi kontra t-trasport marittimu Portugiż – kompitu li da Gama wettaq malajr u b'mod effettiv.[13]
Esplorazzjoni qabel da Gama

Mill-bidu tas-seklu 15, l-ispedizzjonijiet Portugiżi organizzati mill-Prinċep Enriku n-Navigatur kienu qed isalpaw lejn in-Nofsinhar tal-kosta Afrikana, primarjament sabiex ifittxu għar-rikkezzi tal-Punent tal-Afrika (b'mod partikolari d-deheb u l-iskjavi).[14] Kienu kabbru ferm l-għarfien marittimu Portugiż, iżda ma tant kellhom wisq qligħ għall-isforzi tagħhom. Wara l-mewt ta' Enriku fl-1460, il-monarkija Portugiża ma tantx uriet interess li tkompli b'dan l-isforz, u fl-1469, illiċenzjat dan l-isforz Afrikan ittraskurat lil konsorzju privat ta' merkanti ta' Liżbona mmexxi minn Fernão Gomes. Fi żmien ftit snin, il-kaptana ta' Gomes wessgħu l-għarfien Portugiż lil hinn mill-Golf tal-Guinea, u għamlu kummerċ bit-trab tad-deheb, bil-bżar melegueta, bl-avorju u bl-iskjavi sub-Saħarjani. Meta l-ftehim li kellu Gomes wasal biex jiġġedded fl-1474, il-Prinċep Ġwanni (iktar 'il quddiem ir-Re Ġwanni II), staqsa lil missieru Afonso V tal-Portugall biex ma jġeddidx il-ftehim u jkompli jieħu ħsieb kollox hu.[15]

Malli sar re fl-1481, Ġwanni II tal-Portugall beda jwettaq bosta riformi twal. Sabiex jeħles mid-dipendenza tal-monarkija fuq in-nobbiltà fewdali, Ġwanni II kellu bżonn isaħħaħ it-teżor irjali; u kkunsidra l-kummerċ irjali bħala l-muftieħ biex jikseb dak l-għan. Fir-renju ta' Ġwanni II, il-kummerċ tad-deheb u tal-iskjavi fil-Punent tal-Afrika tkabbar ferm. Huwa kien ħerqan li jbill subgħajh fil-qligħ kbir tal-kummerċ tal-ħwawar bejn l-Ewropa u l-Asja, li kien isir l-iktar fuq l-art. Dak iż-żmien, dan il-kummerċ kien prattikament monopolju tar-Repubblika ta' Venezja, li kienet topera rotot fuq l-art mill-portijiet tal-Lvant u Eġizzjani, mill-Baħar l-Aħmar sas-swieq tal-ħwawar tal-Indja. Ġwanni II stabbilixxa objettiv ġdid għall-kaptana tiegħu: li jsibu rotta bil-baħar sal-Asja billi jbaħħru madwar il-kontinent Afrikan.[16]
Sakemm Vasco da Gama għalaq xi 20 sena, il-pjanijiet tar-re kienu bdew jitwettqu. Fl-1487, Ġwanni II qabbad żewġ spjuni, Pero da Covilhã u Afonso de Paiva, fir-rotot fuq l-art mill-Eġittu sal-Lvant tal-Afrikao u sal-Indja, biex jgħarrxu għad-dettalji tas-swieq tal-ħwawar u tar-rotot kummerċjali. L-iżvolta ġiet ftit wara, meta l-kaptan ta' Ġwanni II Bartolomeu Dias reġa' lura mill-vjaġġ madwar il-Kap tat-Tama t-Tajba fl-1488, wara li esplora saħansitra sax-Xmara tal-Ħut (Rio do Infante) fejn illum il-ġurnata hemm l-Afrika t'Isfel u wara li vverifika li l-kosta mhux magħrufa kienet tibqa' sejra lejn il-Grigal.[16]
Kien meħtieġ esploratur li seta' juri r-rabta bejn is-sejbiet ta' Dias u dawk ta' da Covilhã u de Paiva, u jikkollega dawn is-segmenti separati f'rotta kummerċjali li potenzjalment tqalla' ħafna flus san-naħa l-oħra tal-Oċean Indjan.
L-ewwel vjaġġ

Fit-8 ta' Lulju 1497, Vasco da Gama mexxa flotta ta' erba' vapuri b'ekwipaġġ ta' 170 ruħ minn Liżbona. Id-distanza tal-vjaġġ madwar l-Afrika sal-Indja u lura kienet itwal mit-tul tal-ekwatur. In-navigaturi kienu jinkludu l-iżjed li kellhom esperjenza fil-Portugall, Pero de Alenquer, Pedro Escobar, João de Coimbra, u Afonso Gonçalves. Mhuwiex magħruf fiċ-ċert kemm kien hemm nies fl-ekwipaġġ ta' kull vapur iżda bejn wieħed u ieħor ġew lura 55 ruħ, u ntilfu żewġ vapuri. Tnejn mill-bastimenti kienu karrakki, li nbnew apposta għall-vjaġġ; l-oħrajn kienu karavella u bastiment tal-provvisti.[17]
L-erba' bastimenti kienu:
- São Gabriel, taħt il-kmand ta' Vasco da Gama; karrakka ta' 178 tunnellata, b'tul ta' 27 metru, b'wisa' ta' 8.5 metri, b'pixka ta' 2.3 metri, u b'qlugħ ta' 372 m2
- São Rafael, taħt il-kmand ta' ħuh Paulo da Gama; ta' daqs simili għas-São Gabriel
- Berrio (laqam, uffiċjalment is-São Miguel), karavella ħarira iżgħar mill-ewwel żewġ bastimenti, taħt il-kmand ta' Nicolau Coelho
- Bastiment tal-provvisti b'isem mhux magħruf, taħt il-kmand ta' Gonçalo Nunes, li ġie mgħerreq fil-Bajja ta' Mossel (São Brás) fl-Afrika t'Isfel.[18]
Vjaġġ sal-Kap tal-Lvant

L-ispedizzjoni salpat minn Liżbona fit-8 ta' Lulju 1497. Segwiet ir-rotta tal-esploraturi pijunieri bikrin tul il-kosta tal-Afrika minn Tenerife u Cabo Verde. Wara li laħaq il-kosta li llum il-ġurnata tagħmel parti minn Sierra Leone, da Gama baqa' sejjer lejn in-Nofsinhar fl-oċean miftuħ, qasam l-ekwatur u baqa' sejjer lejn in-Nofsinhar tal-Atlantiku skopert minn Bartolomeu Dias fl-1487.[19] Din ir-rotta kienet suċċess u fl-4 ta' Novembru 1497, l-ispedizzjoni żbarkat fil-kosta Afrikana. Għal iktar minn tliet xhur il-bastimenti kien baħħru għal iżjed minn 10,000 kilometru (6,000 mil) fl-oċean miftuħ, bil-bosta l-itwal vjaġġ 'il bogħod mill-art li kien qatt sar sa dak iż-żmien.[20]
Sas-16 ta' Diċembru, il-flotta kienet għaddiet mix-Xmara l-Kbira tal-Ħut (il-Kap tal-Lvant, l-Afrika t'Isfel) – fejn kien xeħet l-ankra Dias – u baħħret f'ilmijiet li qabel ma kinux magħrufa mill-Ewropej. Peress li kien wasal il-Milied, da Gama u l-ekwipaġġ tiegħu semmew il-kosta Natal, li bil-Portugiż għandha l-konnotazzjoni tat-"twelid ta' Kristu".
Mozambique
Vasco da Gama dam mit-2 sad-29 ta' Marzu 1498 qrib il-gżira ta' Mozambique. It-territorju kkontrollat mill-Għarab tul il-kosta tal-Lvant tal-Afrika kien parti integrali min-network kummerċjali fl-Oċean Indjan. Peress li kien qed jibża' li l-popolazzjoni lokali tkun ostili għall-Kristjani, da Gama għamilha ta' Musulman u kiseb udjenza quddiem is-Sultan tal-Mozambique. Bil-merkanzija miżera li kellu x'joffri, l-esploratur ma rnexxilux jipprovdi rigal adattat għas-sultan. F'qasir żmien il-popolin lokali saru suspettużi rigward da Gama u l-ekwipaġġ tiegħu. Imġiegħel minn folla ostili jaħrab mill-Mozambique, da Gama telaq mill-port, u rritalja billi spara l-kanuni tiegħu lejn il-kosta.[21]
Mombasa
Qrib il-kosta fejn illum il-ġurnata hemm il-Kenja, l-ispedizzjoni bdiet tipprattika l-piraterija, u serqet xi bastimenti merkantili Għarab li ġeneralment kienu bastimenti kummerċjali mhux armati u mingħajr kanuni kbar. Il-Portugiżi saru l-ewwel Ewropej li żaru l-port ta' Mombasa mis-7 sat-13 ta' April 1498, iżda ntlaqgħu b'ostilità u wara ftit telqu.
Malindi

Vasco da Gama baqa' sejjer lejn it-Tramuntana, u fl-14 ta' April 1498 wasal fil-port iktar amikevoli ta' Malindi, fejn il-mexxejja tal-post kienu f'kunflitt mal-mexxejja ta' Mombasa. Hemmhekk l-ispedizzjoni nnutat għall-ewwel darba l-evidenza ta' merkanti Indjani. Da Gama u l-ekwipaġġ tiegħu rreklutaw is-servizzi ta' pilota li uża l-għarfien tiegħu dwar l-irjieħ tal-monsoons biex jiggwida l-ispedizzjoni għall-kumplament tar-rotta sa Kozhikode, li tinsab tul kosta tal-Lbiċ tal-Indja. Is-sorsi ma jaqblux dwar l-identità tal-pilota, u jiddeskrivuh Kristjan, Musulman u minn Gujarat. Ġrajja tradizzjonali partikolari tiddeskrivi l-pilota bħala n-navigatur Għarbi famuż Ibn Majid, iżda rakkonti kontemporanji oħra jsostnu li Majid kien xi mkien ieħor, u ma setax ikun f'dawk l-inħawi dak iż-żmien. L-ebda wieħed mill-istoriċi Portugiżi ta' dak iż-żmien ma jsemmi lil Ibn Majid. Vasco da Gama telaq minn Malindi u salpa lejn l-Indja fl-24 ta' April 1498.[22]
Kozhikode

Il-flotta waslet f'Kappadu ħdejn Kozhikode (bl-Ingliż: Calicut), fil-Kosta ta' Malabar (illum il-ġurnata l-istat ta' Kerala fl-Indja), fl-20 ta' Mejju 1498. Ir-Re ta' Kozhikode, is-Samudiri (iż-Żamorin), li dak iż-żmien kien qed joqgħod fit-tieni belt kapitali tiegħu f'Ponnani, reġa' lura lejn Kozhikode malli waslitlu l-aħbar li waslet flotta barranija. In-navigatur intlaqa' bl-ospitalità tradizzjonali, inkluż purċissjoni grandjuża ta' mill-inqas 3,000 Nair armat, iżda intervista maż-Żamorin ma waslet għall-ebda riżultat konkret. Meta l-awtoritajiet lokali staqsew lill-flotta ta' da Gama, "X'ġabkom hawn?", huma wieġbu li kienu ġew biex "ifittxu lill-Kristjani u l-ħwawar".[23] Ir-rigali li da Gama bagħat liż-Żamorin bħala doni minn Dom Manuel – erba' mantelli ta' drapp aħmar dagħmi, sitt kpiepel, erba' friegħi tal-qroll, tnax-il almasares, kaxxa b'seba' reċipjenti tar-ram isfar, senduq zokkor, żewġ btieti biż-żejt u ġarra għasel – kienu trivjali, u ma rnexxilhomx jimpressjonaw. Filwaqt li l-uffiċjali ta' Żamorin kienu qed jistagħġbu għaliex ma kienx hemm deheb jew fidda, il-merkanti Musulmani li kienu jqisu lil da Gama bħala r-rivali tagħhom issuġġerew li kien biss pirata ordinarju u mhux ambaxxatur irjali.[24] It-talba ta' Vasco da Gama għal permess biex iħalli lil xi ħadd warajh inkarigat mill-merkanzija iżda li ma setax ibigħ ma ġietx aċċettata mir-Re, li insista li da Gama kellu jħallas id-dazju – preferibbilment bid-deheb – bħal kwalunkwe merkant ieħor, u b'hekk ir-relazzjoni bejniethom marret għall-agħar. Irritat minn dan l-aġir, da Gama ħa miegħu xi Nair u 16-il sajjied (mukkuva) bil-forza.[25]
Ritorn

Vasco da Gama telaq minn Kozhikode fid-29 ta' Awwissu 1498. Ħerqan li jbaħħar lura d-dar, huwa injora l-għarfien lokali dwar l-irjieħ tal-monsoons li kienu qed jonfħu tul il-kosta. Il-flotta inizjalment baħħret lejn it-Tramuntana tul il-kosta Indjana, u mbagħad xeħtet l-ankri fil-gżira ta' Anjediva għal xi żmien. Finalment reħewlha lejn l-Oċean Indjan u qasmu fit-3 ta' Ottubru 1498. Madankollu, minħabba li l-monsoon tax-xitwa, kien vjaġġ tal-waħx. Fil-vjaġġ inizjali, meta baħħret bl-irjieħ tal-monsoon tas-sajf, il-flotta ta' da Gama qasmet l-Oċean Indjan fi 23 jum biss; iżda fil-vjaġġ tar-ritorn peress li kienet qed tbaħħar kontra r-riħ, il-vjaġġ dam 132 jum.

Da Gama reġa' lemaħ l-art fit-2 ta' Jannar 1499, hu u jbaħħar qrib il-belt kostal ta' Mogadishu fis-Somalja, li dak iż-żmien kienet taħt l-influwenza tal-Imperu ta' Ajuran fil-Qarn tal-Afrika. Il-flotta ma waqfitx hemmhekk, iżda meta għaddew qrib Mogadishu, il-persuna anonima li kienet tikteb id-djarju tal-ispedizzjoni kitbet li kienet belt kbira bi djar ta' erba' jew ħames sulari u b'palazzi kbar fiċ-ċentru, kif ukoll bosta moskej b'minareti ċilindriċi.[26]
Il-flotta ta' da Gama finalment waslet f'Malindi fis-7 ta' Jannar 1499 f'qagħda terribbli – madwar nofs l-ekwipaġġ kien miet matul il-vjaġġ, u ħafna mill-bqija kienu morda bl-iskorbut. Minħabba li ma kellux biżżejjed membri tal-ekwipaġġ għal tliet bastimenti, da Gama ordna li s-São Rafael jiġi mgħerreq 'il barra mill-kosta tal-Lvant tal-Afrika, u l-ekwipaġġ tqassam bejn iż-żewġ bastimenti li kien għad fadal, is-São Gabriel u l-Berrio. Minn hemm 'il quddiem, it-tbaħħir mexa iktar ħarir. Sal-bidu ta' Marzu waslu fil-Bajja ta' Mossel, qasmu l-Kap tat-Tama t-Tajba fid-direzzjoni opposta fl-20 ta' Marzu, u waslu fil-kosta tal-Punent tal-Afrika sal-25 ta' April.
Ir-rakkont tad-djarju tal-ispedizzjoni jieqaf hawn ħesrem. Mir-rikostruzzjoni minn sorsi oħra, milli jidher komplew lejn Cabo Verde, fejn il-Berrio ta' Nicolau Coelho ssepara mis-São Gabriel ta' Vasco da Gama u baħħar waħdu.[27] Il-Berrio wasal f'Liżbona fl-10 ta' Lulju 1499 u Nicolau Coelho ta l-aħbar personalment lir-Re Manwel I u lill-qorti rjali, imbagħad mar Sintra. Sadanittant, lura f'Cabo Verde, ħu Vasco da Gama, Paulo da Gama, kien marad sew. Da Gama ddeċieda li jibqa' miegħu fil-gżira ta' Santiago u ta s-São Gabriel lil João de Sá biex jieħu l-bastiment lura l-Portugall. Is-São Gabriel taħt Sá wasal f'Liżbona lejn l-aħħar ta' Lulju u jew il-bidu ta' Awwissu. Da Gama u ħuh il-marid eventwalment twasslu lura l-Portugall fuq karavella ta' Guinea, iżda Paulo da Gama miet matul il-vjaġġ. Da Gama żbarka fil-Gżejjer Ażores biex jidfen lil ħuh fil-Monasteru ta' San Franġisk f'Angra do Heroismo, u baqa' ftit iktar hemm biex iderri l-luttu. Eventwalment twassal minn karavella tal-Ażores lejn Liżbona fid-29 ta' Awwissu 1499 (skont Barros), jew fil-bidu ta' Settembru (fit-8 jew fit-18 tax-xahar skont sorsi oħra). Minkejja l-burdata ta' sogħba, da Gama ngħata merħba ta' eroj u ngħata bosta unuri, inkluż purċissjoni trijonfali u festivitajiet pubbliċi. Ir-Re Manwel kiteb żewġ ittri fejn iddeskriva l-ewwel vjaġġ ta' da Gama, f'Lulju u f'Awwissu 1499, ftit wara r-ritorn tal-bastimenti. Girolamo Sernigi wkoll kiteb tliet ittri fejn iddeskriva l-ewwel vjaġġ ta' da Gama ftit wara r-ritorn tal-ispedizzjoni.[28]

L-ispedizzjoni kienet swiet ħafna – intilfu żewġ vapuri u iktar minn nofs l-ekwipaġġ. Ma rnexxilhiex twettaq ukoll il-missjoni prinċipali tagħha li tiżgura trattat kummerċjali ma' Kozhikode. Minkejja dan, il-kwantitajiet żgħar ta' ħwawar u ta' merkanzija oħra li nġabu lura fuq iż-żewġ bastimenti wrew il-potenzjal ta' qligħ kbir għall-kummerċ futur. Vasco da Gama ġustament ġie ċċelebrat talli fetaħ rotta diretta bil-baħar lejn l-Asja. Ir-rotta tiegħu ġiet segwita kull sena minn hemm 'il quddiem mill-Armadas tal-Indja Portugiża.[29]
Il-kummerċ tal-ħwawar kien assi ewlieni għat-teżor irjali Portugiż, u ftit wara kien hemm konsegwenzi oħra. Pereżempju, il-vjaġġ ta' da Gama kien għamilha ċara li l-kosta tal-Lvant tal-Afrika, il-Contra Costa, kienet essenzjali għall-interessi Portugiżi; il-portijiet tagħha pprovdew ilma tax-xorb, provvisti, injam, u tarzniet għat-tiswijiet tal-bastimenti, u servew ukoll bħala postijiet imkennija fejn il-bastimenti kienu jsorġu u jistennew il-maltemp jgħaddi. Riżultat sinifikanti kienet il-kolonjalizzazzjoni ta' Mozambique mill-monarkija Portugiża.
Premjijiet

F'Diċembru 1499, ir-Re Manwel I tal-Portugall ippremja lil Vasco da Gama bir-raħal fewdali ereditarju ta' Sines (ir-raħal li missieru Estêvão fl-imgħoddi kellu bħala commenda). Dan spiċċa kien premju kkumplikat, għaliex Sines kien għadu proprjetà tal-Ordni ta' Santiago.[30] Il-mexxej tal-Ordni, Jorge de Lencastre, x'aktarx li approva l-premju – wara kollox, da Gama kien kavallier tal-Ordni ta' Santiago, wieħed minnhom, u qrib ħafna ta' Lencastre stess. Iżda l-fatt li Sines ingħata mir-re pprovoka lil Lencastre li rrifjuta bħala prinċipju, sabiex ma jħeġġiġx lir-re jagħmel premjijiet oħra simili li kienu proprjetà tal-Ordni. Da Gama qatta' s-snin ta' wara jipprova jkollu lil Sines taħt il-pussess tiegħu, sforz li ġelldu minn ma' Lencastre u eventwalment wassal biex da Gama jabbanduna l-Ordni ta' Santiago li tant kienet għall-qalbu, u jsir membru tar-rivali, l-Ordni ta' Kristu fl-1507.
Sadanittant, da Gama ikkuntenta b'pensjoni rjali ereditarja sostanzjali ta' 300,000 reis. Huwa ngħata t-titlu nobbli perpetwu ta' Dom (sinjur) għalih, għal ħutu u għad-dixxendenti tagħhom. Fit-30 ta' Jannar 1502, da Gama ngħata t-titlu ta' Almirante dos mares de Arabia, Persia, India e de todo o Oriente ("Ammirall tal-Ibħra tal-Arabja, il-Persja, l-Indja u l-Orjent Kollu") – titlu elaborat li oriġina mit-titlu elaborat ta' Kastilja li kellu Kristofru Kolombu (evidentement, Manwel x'aktarx li ħaseb li ladarba Kastilja kellha "Ammirall tal-Ibħra Oċeaniċi", mela allura l-Portugall missu kellu wieħed ukoll). Ittra rjali oħra, datata Ottubru 1501, tat lil da Gama d-dritt personali li jintervjeni u jeżerċita rwol determinanti fi kwalunkwe flotta futura li kellha l-ħsieb li ssalpa lejn l-Indja.[31]
Għall-ħabta tal-1501, Vasco da Gama żżewweġ lil Catarina de Ataíde, bint Álvaro de Ataíde, l-alcaide-mór ta' Alvor (Algarve), u nobbli prominenti permezz tar-relazzjoni mal-familja setgħana Almeida (Catarina kienet primakuġina ta' Dom Francisco de Almeida).[32]
It-tieni vjaġġ

L-ispedizzjoni ta' wara, it-Tieni Armada tal-Indja, varata fl-1500 taħt il-kmand ta' Pedro Álvares Cabral kellha l-missjoni li tfassal trattat maż-Żamorin ta' Kozhikode u li tistabbilixxi fabbrika Portugiża fil-belt. Madankollu, Pedro Cabral daħal f'kunflitt max-xirkiet lokali tal-merkanti Għarab, bir-riżultat li l-fabbrika Portugiża ġiet attakkata f'rewwixta u mietu sa 70 Portugiż. Cabral ta t-tort tal-inċident liż-Żamorin u bbumbardja l-belt. B'hekk faqqgħet gwerra bejn il-Portugall u Kozhikode.
Vasco da Gama invoka l-ittra rjali tiegħu u ħa f'idejh il-kmand tar-Raba' Armada tal-Indja, li kienet skedata li ssalpa fl-1502, bl-għan espliċitu ta' tpattija kontra ż-Żamorin biex jiġi obbligat iċedi għat-termini Portugiżi. Il-flotta armata sa snienha ta' ħmistax-il vapur u 800 ruħ telqet minn Liżbona fit-12 ta' Frar 1502. F'April ġiet segwita minn flotta oħra ta' ħames bastimenti mmexxija minn kuġinuh, Estêvão da Gama (iben Aires da Gama), li laħqet magħhom fl-Oċean Indjan. Ir-Raba' Armada kienet tassew armada tal-familja da Gama. Tnejn miz-zijiet tiegħu ta' naħa t'ommu, Vicente Sodré u Brás Sodré, ġew iddeżinjati minn qabel biex jikkmandaw flotta navali tal-għassa fl-Oċean Indjan, filwaqt li l-aħwa tar-rispett Álvaro de Ataíde (ħu l-mara ta' Vasco da Gama) u Lopo Mendes de Vasconcelos (miżżewweġ lil Teresa da Gama, oħt Vasco da Gama) kienu kaptana ta' bastimenti fil-flotta prinċipali.
Fil-vjaġġ tat-tluq, il-flotta ta' da Gama għamlet kuntatt mal-port kummerċjali tad-deheb ta' Sofala fil-Lvant tal-Afrika u wasslet biex is-Sultanat ta' Kilwa jkun tribut biss u ħadet somma sostanzjali ta' deheb.[33]

Inċident tal-vapur bil-pellegrini
Malli waslet l-Indja f'Ottubru 1502, il-flotta ta' da Gama interċettat lil Mirim, vapur bil-pellegrini Musulmani f'Madayi li kien qed jivvjaġġa minn Kozhikode sal-Mekka. Skont id-deskrizzjoni fid-dettall tax-xhud Thomé Lopes u tal-kittieb tal-kronaka Gaspar Correia, da Gama seraq il-vapur b'iżjed minn 400 pellegrin abbord, inkluż 50 mara, sakkar il-passiġġieri, lis-sid u lil ambaxxatur mill-Eġittu u ħaraqhom ħajjin. Huma offrew il-ġid tagħhom bħala "rahan tal-iskjavi Kristjani kollha fir-Renju ta' Fez u ferm iktar" iżda xorta waħda nqatlu. Da Gama nemmes fejn kienu msakkrin il-pellegrini u ra lin-nisa jġibu d-deheb u l-ġojjelli tagħhom, bit-trabi f'idejhom biex jitkarrbu għall-ħniena. Il-ħajjiet ta' għoxrin tifel u tifla ġew salvati bl-obbligu ta' konverżjoni għall-Kristjaneżmu.[34]
Kozhikode

Wara l-waqfa f'Cannanore, Gama mexxa l-flotta tiegħu lejn Kozhikode, u talab għal kumpens għat-trattament ta' Cabral. Peress li kien jaf x'kien ġara rigward id-destin tal-vapur bil-pellegrini, iż-Żamorin adotta attitudni konċiljatorja fil-konfront tal-Portugiżi u esprima r-rieda tiegħu li jiffirma trattat ġdid, iżda da Gama staqsa lir-re Induista biex ikeċċi lill-Musulmani kollha minn Kozhikode qabel il-bidu tan-negozjati, li ma ntlaqgħetx.[35] Madankollu, fl-istess żmien iż-Żamorin bagħat messaġġ lill-vassall ribelluż tiegħu, ir-Raja ta' Cochin biex iħeġġeġ il-kooperazzjoni u l-ubbidjenza biex jilqa' għat-theddida Portugiża; u l-mexxej ta' Cochin bagħat dan il-messaġġ lil da Gama, li saħħaħ l-opinjoni tiegħu li l-Indjani kienu qed jippruvaw jaħdmuh.[36] Wara li talab għat-tkeċċija tal-Musulmanai minn Kozhikode liż-Żamorin Induista, dan tal-aħħar bagħat il-patri għoli Talappana Namboothiri (l-istess persuna li kienet wasslet lil da Gama sar-residenza taż-Żamorin fl-ewwel vjaġġ tiegħu f'Kozhikode f'Mejju 1498) għat-taħditiet. Da Gama sejjaħlu spjun, ordna li x-xofftejn u l-widnejn tal-patri jinqatgħulu, jitwaħħlulu par widnejn ta' kelb ma' rasu, u jintbagħat 'l hemm.[37] Il-flotta Portugiża mbagħad ibbumbardjat il-belt mhux iffortifikata għal kważi jumejn sħaħ mill-baħar, u kkawżaw ħsarat estensivi. Huwa qabad ukoll diversi bastimenti tar-ross u qata' l-idejn, il-widnejn u l-imniħrijiet tal-ekwipaġġ tagħhom, u bagħtuhom b'nota liż-Żamorin, fejn da Gama ddikjara li kien lesta li jkollu relazzjonijiet ta' ħbiberija jekk iż-Żamorin iħallas għall-oġġetti li seraq mill-feitoria kif ukoll għall-porvli u għall-balal tal-kanuni.[38][39]

Battalja navali
It-trattament vjolenti ta' da Gama malajr wassal biex il-kummerċ tul il-Kosta ta' Malabar tal-Indja, li fuqu kienet tiddependi Kozhikode, jistaġna. Iż-Żamorin bagħat flotta qawwija ta' bastimenti militari biex jisfida l-armada ta' da Gama, iżda da Gama rnexxielu jirbħilha f'battalja navali quddiem il-port ta' Kozhikode.
Cochin
Da Gama għabba l-bastimenti bil-ħwawar f'Cochin u f'Cannanore, li kienu renji żgħar fil-qrib li kienu fi gwerra maż--Żamorin. L-alleanzi magħhom kienu ġew żgurati minn flotot Portugiżi preċedenti. Ir-Raba' Armada telqet mill-Indja fil-bidu tal-1503. Da Gama ħalla warajh għadd żgħir ta' karavelli taħt il-kmand ta' zijuh, Vicente Sodré, biex joqogħdu għassa mal-kosta Indjana, sabiex ikomplu jfixklu l-kummerċ ta' Kozhikode, u jipproteġu l-fabbriki Portugiżi f'Cochin u f'Cannanore mit-tpattijiet inevitabbli taż-Żamorin.

Vasco da Gama reġa' lura l-Portugall f'Settembru 1503, u effettivament falla fil-missjoni tiegħu li jwassal biex iż-Żamorin ibaxxi rasu u jċedi. Dan il-falliment, u l-falliment sussegwenti ta' zijuh Vicente Sodré li jipproteġi l-fabbrika Portugiża f'Cochin, x'aktarx li wasslet biex da Gama ma jingħatax iktar premjijiet. Meta r-Re Portugiż Manwel I tal-Portugall iddeċieda li jaħtar l-ewwel gvernatur u Viċirè tal-Indja Portugiża fl-1505, da Gama ġie injorat apposta, u l-kariga ngħatat lil Francisco de Almeida.
Intervall
Fiż-żewġ deċennji ta' wara, Vasco da Gama għex ħajja kwieta, 'il bogħod mill-qorti rjali u mwarrab mill-kwistjonijiet marbuta mal-Indja. It-tentattivi tiegħu li jerġa' jintogħġob minn Manwel I (inkluż li jsir membru tal-Ordni ta' Kristu fl-1507), ma tantx taw frott. Almeida, Afonso de Albuquerque u, iktar 'il quddiem, Albergaria u Sequeira, ġew ippreferuti mir-re għall-Indja.

Wara li Ferdinand Magellan abbanduna l-monarkija ta' Kastilja fl-1518, Vasco da Gama hedded li jagħmel l-istess ħaġa, u b'hekk ir-re ħa passi biex iżommu l-Portugall u jevita t-tħammir il-wiċċ li l-"Ammirall tal-Indji" tiegħu stess imur Spanja.[40] Fl-1519, wara snin sħaħ jinjora l-petizzjonijiet tiegħu, ir-Re Manwel I finalment ħaffef biex jagħti titlu fewdali lil Vasco da Gama, u ħatru bħala l-Ewwel Konti ta' Vidigueira, titlu maħluq permezz ta' digriet irjali f'Évora fid-29 ta' Diċembru, wara ftehim ikkumplikat ma' Dom Jaime, id-Duka ta' Braganza, li ċedilu l-irħula ta' Vidigueira u ta' Vila dos Frades bi ħlas. Id-digriet iggarantixxa lil Vasco da Gama u lill-werrieta tiegħu d-dħul u l-privileġġi kollha relatati[41], u b'hekk da Gama ġie stabbilit bħala l-Ewwel Konti Portugiż li ma twilidx f'familja rjali.[42]
It-tielet vjaġġ u l-mewt

Wara l-mewt tar-Re Manwel I fl-aħħar tal-1521, ibnu u s-suċċessur, ir-Re Ġwanni III tal-Portugall ħa ħsieb jirrieżamina l-gvern Portugiż 'il barra mill-art kontinentali tal-pajjiż. Wara li ta dahru lill-klikka l-antika ta' Albuquerque (li dak iż-żmien kienet irrappreżentata minn Diogo Lopes de Sequeira), Ġwanni III ried jibda mill-ġdid. Vasco da Gama reġa' tfaċċa fuq ix-xena politika bħala konsulent importanti tar-re għall-ħatriet u għall-istrateġija l-ġodda tiegħu. Huwa kien tal-fehma li t-theddida Spanjola l-ġdida għall-Gżejjer Maluku kienet prijorità, iżda Vasco da Gama kien kontra l-ossessjoni bl-Arabja li kienet xi ħaġa fissa tul il-perjodu Manwelin, li baqgħet it-tħassib dominanti ta' Duarte de Menezes, il-gvernatur ta' dak iż-żmien tal-Indja Portugiża. Menezes kien ukoll inkompetenti u korrott, u għalhekk soġġett għal bosta ilmenti. B'hekk, Ġwanni III ddeċieda li jaħtar lil Vasco da Gama stess biex minflok Menezes, fiduċjuż li l-maġija ta' ismu u tal-memorja ta' għemilu x'aktarx li jimpressjonaw l-awtorità tiegħu fl-Indja Portugiża, u b'hekk jieħu ħsieb il-ġestjoni tat-tranżizzjoni għal gvern u strateġija ġodda.
Permezz tal-ittra tal-ħatra tiegħu ta' Frar 1524, Ġwanni III ta lil Vasco da Gama t-titlu privileġġat ta' "Viċirè", u b'hekk sar it-tieni gvernatur Portugiż biss li kellu dak it-titlu (l-ewwel wieħed kien Francisco de Almeida fl-1505).[43] It-tieni iben tiegħu, Estêvão da Gama nħatar simultanjament bħala Capitão-mor do Mar da Índia ("Kaptan-Maġġur tal-Baħar Indjan", kmandant tal-flotta navali tal-għassa fl-Oċean Indjan), minflok ħu Duarte, Luís de Menezes. Bħala kundizzjoni finali, da Gama kiseb mingħand Ġwanni III tal-Portugall l-impenn li jaħtarlu lill-ulied subien kollha tiegħu suċċessivament bħala kaptana Portugiżi ta' Malacca.
Meta salpa f'April 1524, bi flotta ta' erbatax-il vapur, Vasco da Gama ħa bħala l-bastiment ewlieni tiegħu l-karrakka kbira famuża Santa Catarina do Monte Sinai fl-aħħar vjaġġ tagħha sal-Indja, flimkien ma' tnejn mill-ulied subien tiegħu, Estêvão u Paulo. Wara vjaġġ ta' tħabit (erba' jew ħamsa mill-vapuri ntilfu tul ir-rotta), huwa wasal l-Indja f'Settembru. Vasco da Gama minnufih invoka l-poteri għoljin tiegħu ta' viċireġġent biex jimponi ordni ġdid fl-Indja Portugiża, u ssostitwixxa l-uffiċjali antiki kollha bil-ħatriet tiegħu. Madankollu, da Gama laqqat il-malarja ftit wara l-wasla tiegħu, u miet fil-belt ta' Cochin jum qabel il-Milied fl-1524, tliet xhur wara l-wasla tiegħu. Skont l-istruzzjonijiet irjali, minflok da Gama laħaq gvernatur tal-Indja wieħed mill-kaptana li kienu ġew miegħu, Henrique de Menezes (l-ebda relazzjoni ma' Duarte). Ulied Da Gama Estêvão u Paulo tilfu l-karigi tagħhom minnufih u ngħaqdu mal-flotta tar-ritorn fil-bidu tal-1525 (flimkien ma' Duarte de Menezes u Luís de Menezes).[44]
Ġisem Vasco da Gama għall-ewwel kien indifen fil-Knisja ta' San Franġisk fil-Forti ta' Kochi, fil-belt ta' Kochi, iżda l-katavru tiegħu ġie rritornat lejn il-Portugall fl-1539. Il-katavru ta' Vasco da Gama ndifen f'Vidigueira f'tebut imżejjen bid-deheb u bil-ġojjelli.
Il-Monasteru tal-Ġlormini f'Belém, li mbagħad sar in-nekropoli tad-dinastija rjali Portugiża ta' Aviz, inbena fil-bidu tal-1500 ħdejn il-punt tat-tluq tal-ewwel vjaġġ ta' Vasco da Gama, u l-kostruzzjoni tiegħu ġie ffinanzjat minn taxxa fuq il-profitti tal-Armadas tal-Indja Portugiża ta' kull sena. Fl-1880, il-fdalijiet ta' da Gama u dawk tal-poeta Luís de Camões (li ċċelebra l-ewwel vjaġġ ta' da Gama fil-poeżija epika tiegħu tal-1572) ġew ittrasferiti f'oqbra mnaqqxin ġodda fin-navata tal-knisja tal-monasteru, ftit metri biss 'il bogħod mill-oqbra tar-rejiet Manwel I u Ġwanni III, li da Gama kien qeda.
Żwieġ u dixxendenti

Vasco da Gama u martu Catarina de Ataíde kellhom sitt subien u bint waħda:[45]
- Dom Francisco da Gama, li wiret it-titli ta' missieru bħala t-Tieni Konti ta' Vidigueira u t-Tieni "Ammirall tal-Ibħra tal-Indja, tal-Arabja u tal-Persja". Huwa baqa' l-Portugall.
- Dom Estevão da Gama, wara l-mandat qasir tiegħu tal-1524 bħala kaptan tal-għassa Indjana, inħatar għal mandat ta' tliet snin bħala kaptan ta' Malacca, mill-1534 sal-1539 (inkluż l-aħħar sentejn tal-mandat ta' ħuh iż-żgħir Paulo). Sussegwentement inħatar bħala l-11-il gvernatur tal-Indja mill-1540 sal-1542.
- Dom Paulo da Gama (li kellu l-istess isem bħal zijuh), il-kaptan ta' Malacca mill-1533 sal-1534, inqatel f'azzjoni navali 'l barra minn Malacca.
- Dom Cristovão da Gama, il-kaptan ta' Malacca mill-1538 sal-1540; ġie nnominat bħala suċċessur f'Malacca, iżda ġie ġustizzjat minn Ahmad ibn Ibrahim matul il-gwerra bejn l-Etjopja u Adal fl-1542.
- Dom Pedro da Silva da Gama, li nħatar bħala kaptan ta' Malacca mill-1548 sal-1552.
- Dom Álvaro de Ataíde da Gama, li nħatar bħala kaptan tal-flotta ta' Malacca fis-snin 40 tas-seklu 16, u kaptan ta' Malacca stess mill-1552 sal-1554.
- Dona Isabel de Ataíde da Gama, l-unika bint, iżżewġet lil Dom Ignacio de Noronha, iben l-Ewwel Konti ta' Linhares.
In-nisel maskili tiegħu ġie estint fl-1735, meta s-Seba' Konti ta' Vidigueira, Dom Vasco Baltasar José Luís Gama miet, u kellu bint waħda biss minn martu Dona Maria José da Gama, li wirtet il-patrimonju ta' Vidigueira. Għalhekk, it-titlu nobbli baqa' jintuża min-nisel femminili tiegħu.[46]
Intergenerazzjonijiet
- Dom Vasco da Gama, it-Tielet Konti ta' Vidigueira, persunal militari u tan-nobbiltà, iben Francisco (it-Tieni Konti) u n-neputi ta' Vasco da Gama.
- Dom Francisco da Gama, ir-Raba' Konti ta' Vidigueira, il-Viċirè (1597-1600) u l-gvernatur (1622-1628) tal-Indja, iben Vasco (it-Tielet Konti) u l-proneputi ta' Vasco da Gama.
Legat

Vasco da Gama huwa wieħed mill-iżjed esploraturi famużi u ċċelebrati mill-Epoka tal-Iskoperti. Bħal kull min ġie wara Enriku n-Navigatur, huwa kien responsabbli għas-suċċess tal-Portugall bħala qawwa ta' kolonizzazzjoni bikrija. Apparti l-fatt tal-ewwel vjaġġ innifsu, kienet it-taħlita astuta ta' politika u ta' gwerra tiegħu fin-naħa l-oħra tad-dinja li wasslu biex il-Portugall ikollu pożizzjoni prominenti fil-kummerċ tal-Oċean Indjan. Wara l-ewwel vjaġġ ta' da Gama, il-monarkija Portugiża rrealizzat li l-iżgurar ta' postijiet tal-għassa tul il-kosta tal-Lvant tal-Afrika kien vitali għaż-żamma tar-rotot kummerċjali nazzjonali sal-Lvant Mbiegħed.
Madankollu, il-fama tiegħu tinkludi wkoll inċidenti u attitudnijiet bħala dawk tal-inċident famuż tal-vapur bil-pellegrini Musulmani.
Il-poeżija epika nazzjonali Portugiża, Lusíadas, ta' Luís Vaz de Camões, tittratta fid-dettall il-vjaġġi ta' Vasco da Gama.[47]
Il-opra grandjuża tal-1865 L'Africaine: Opéra en Cinq Actes, komposta minn Giacomo Meyerbeer minn librett ta' Eugène Scribe, b'mod prominenti tinkludi l-karattru ta' Vasco da Gama. Madankollu, l-avvenimenti ta' ġo fiha huma fittizji. It-titlu li għażel Meyerbeer għall-opra kien Vasco da Gama. Produzzjoni tal-1989 tal-opra fis-San Francisco Opera kienet tinkludi lit-tenur famuż Plácido Domingo fir-rwol ta' da Gama.[48] Il-kompożitur tas-seklu 19 Louis-Albert Bourgault-Ducoudray ikkompona opra fl-1872 ibbażata fuq il-ħajja u l-kisbiet fuq il-baħar ta' da Gama.

Il-belt portwali ta' Vasco da Gama f'Goa issemmiet għalih, l-istess bħall-krater Vasco da Gama fuq il-Qamar. Hemm tliet klabbs tal-futbol fil-Brażil, inkluż Club de Regatas Vasco da Gama u Vasco Sports Club f'Goa li ssemmew għalih. Hemm knisja f'Kochi, Kerala msejħa l-Knisja ta' Vasco da Gama, u residenza privata fil-gżira ta' Saint Helena. Is-subborg ta' Vasco f'Cape Town issemma għalih ukoll.
Xi postijiet fil-Parque das Nações ta' Liżbona ssemmew għall-esploratur, fosthom il-Pont ta' Vasco da Gama, it-Torri ta' Vasco da Gama u l-istabbiliment kummerċjali taċ-Centro Comercial Vasco da Gama.[49] L-Oceanário fil-Parque das Nações għandu mascot ta' bugħaddas imsejjaħ "Vasco" għall-esploratur.[50]
Vasco da Gama kien l-uniku esploratur fil-ġabra finali ta' Os Grandes Portugueses. Minkejja li l-lista finali kienet tinkludi nies oħra tal-Epoka tal-Iskoperti, l-ebda wieħed minnhom għajr da Gama ma kien esploratur jew navigatur.
Il-Flotta Navali Portugiża għandha klassi ta' frejgati msemmija għalih. B'kollox hemm tliet frejgati Vasco da Gama ta' dik il-klassi, u l-ewwel waħda għandha ismu wkoll.
Il-gvern Portugiż stabbilixxa żewġ monumenti tan-navigazzjoni, is-Salib ta' Dias u s-Salib da Gama, biex ifakkar lil da Gama u lil Bartolomeu Dias li kienu l-ewwel esploraturi Ewropej moderni li waslu sal-Kap tat-Tama t-Tajba. Meta jiġu allinjati, dawn is-slaleb jindikaw is-Sikka ta' Whittle, blata perikoluża għall-bastimenti eżatt taħt wiċċ l-ilma f'False Bay.
Il-mużiċista tal-Afrika t'Isfel Hugh Masekela rreġistra kanzunetta antikolonjali msejħa "Colonial Man" (Raġel Kolonjali), li tinkludi fil-lirika "Vasco da Gama ma kienx ħabib tiegħi", u kanzunetta oħra msejħa "Vasco da Gama (Il-Baħri)". Iż-żewġ kanzunetti ġew inklużi fl-album tal-1976 tiegħu msejjaħ Colonial Man.

Vasco da Gama jidher bħala antagonista fil-film Indjan Urumi. Il-film tar-reġista Santosh Sivan juri l-atroċitajiet u l-progress tal-istabbiliment tal-Imperu Portugiż li għamel da Gama fl-Indja.
F'Marzu 2016, arkeologi li kienu qed jaħdmu lil hinn mill-kosta tal-Oman identifikaw bastiment mgħerreq li x'aktarx kien dak tal-Esmeralda mill-flotta tal-1502-1503 ta' da Gama. Il-bastiment mgħerreq inizjalment ġie skopert fl-1998. Iktar 'il quddiem saru skavi bejn l-2013 u l-2015 permezz ta' sħubija bejn il-Ministeru għall-Wirt u l-Kultura tal-Oman u Blue Water Recoveries Ltd., kumpanija tal-irkupru tal-bastimenti mgħerrqa. Il-bastiment ġie identifikat permezz ta' artefatti bħal munita Portugiża zzekkata għall-kummerċ mal-Indja (waħda minn żewġ muniti biss ta' dan it-tip li qatt eżistew) u balal tal-ġebel tal-kanuni mnaqqxin x'aktarx bl-inizjali ta' Vincente Sodré, iz-ziju tan-naħa ta' omm da Gama u l-kmandant tal-Esmeralda".[51]
Biblijografija
- Ames, Glenn J. (2004). Vasco da Gama: Renaissance Crusader. Longman. ISBN 978-0-321-09282-3.
- Ames, Glenn J. (2007). The Globe Encompassed: The Age of European Discovery, 1500–1700. Prentice Hall. ISBN 978-0-13-193388-0.
- Castanhoso, M. de (1898) Dos feitos de D. Christovam da Gama em Ethiopia Lisbon: Imprensa nacional. online Corrêa, Gaspar (2001). The Three Voyages of Vasco da Gama, and His Viceroyalty. Adamant Media Corporation. ISBN 978-1-4021-9543-3. Facsimile reprint of an 1869 edition by the Hakluyt Society, London.
- Diffie, Bailey W.; Winius, George D. (1977). Foundations of the Portuguese Empire 1415-1580. University of Minnesota Press. Disney, Anthony; Booth, Emily (2000). The Indian Ocean in World History. New Delhi and New York: Oxford University Press.
- Fernández-Armesto, Felipe (2001). Civilizations. Basingstoke and Oxford: Macmillan. ISBN 978-0-7432-0248-0.
- Fernández-Armesto, Felipe (2006). Pathfinders: A Global History of Exploration. W.W. Norton. pp. 177–181. ISBN 978-0-393-06259-5.
- Jayne, Kingsley Garland (1910). Vasco Da Gama and His Successors 1460 to 1580. London: Meuthen & Co. Ltd. ISBN 978-0-548-00895-9.
- Panikkar, K.M. (1959). Asia and Western Dominance: A Survey of the Vasco da Gama Epoch of Asian History, 1498–1945 (new ed.). London: Allen & Unwin. ASIN B000Q5T6X6.
- Parry, J. H. (1981). Age of Reconnaissance. University of California Press. Ravenstein, E. G.; ed. and trans. (1898). A Journal of the First Voyage of Vasco da Gama, 1497–1499. Londra: Hakluyt Society. (maħruġ mill-ġdid minn Cambridge University Press, 2010. ISBN 978-1-108-01296-6)
- Russell-Wood, A.J.R. (1993). A World on the Move: The Portuguese in Africa, Asia, and America, 1415–1808. Macmillan. ISBN 978-0-312-09427-0.
- Scammell, G. V. (1981). The World Encompassed. University of California Press. ISBN 9780520044227.
- Subrahmanyam, Sanjay (1997). The Career and Legend of Vasco da Gama. Cambridge University Press. ISBN 978-0-521-47072-8.
- Teixeira de Aragão, A.C. (1887) Vasco da Gama e a Vidigueira: um estudo historico. Liżbona: Sociedade de Geografia de Lisboa online
- Towle, George Makepeace (c. 1878). Vasco da Gama, his voyages and adventures. Boston: Lothrop, Lee & Shepard.
Iktar qari
- Vasco da Gama (Ernst Georg Ravenstein, Gaspar Corrêa, Alvaro Velho) [2011] Viartis ISBN 978-1-906421-04-5
- Vasco da Gama: Renaissance Crusader (Glen J.Ames) [2004] Longman ISBN 0-321-09282-1
- The Career and Legend of Vasco da Gama (Sanjay Subrahmanyam) [1997] Cambridge University Press ISBN 978-0-521-47072-8
- Chisholm, Hugh, ed. (1911). "Gama, Vasco da" . Encyclopædia Britannica. Vol. 11 (11th ed.). Cambridge University Press. pp. 433–434.
Referenzi
Wikiwand - on
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.