Logħob Olimpiku
avveniment sportiv b'kompetizzjonijiet sportivi / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Logħob Olimpiku jew Olimpjadi fil-qasir (bil-Franiċiż: Jeux olympiques) huwa avveniment sportiv b'kompetizzjonijiet sportivi tas-sajf u x-xitwa li fih jipparteċipaw eluf ta' atleti minn madwar id-dinja. Il-Logħob Olimpiku huwa kkunsidrat bħala l-iktar kompetizzjoni sportiva prominenti fid-dinja b'iktar minn 200 pajjiżi parteċipanti. Dawn il-Logħob isiru kull erba' snin, bil-Logħob tas-sajf u l-Logħob tax-xitwa jaletrnaw bejniethom kull sentejn.
Il-ħolqien ta' dan l-avveniment ġie ispirat mil-Logħob Olimpiku Antik, li kienu jsiru fil-belt ta' Olimpja, fil-Greċja, bejn it-8 seklu q.K. u r-4 seklu q.K. Il-Baruni Pierre de Coubertin ifforma l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) fl-1894, u l-ewwel Logħob moderni saru f'Ateni fl-1896. Il-KOI jiggverna u jmexxi l-moviment Olimpiku, bil-Karta Olimpika tiddeskrivi l-istruttura u l-awtorità.
L-evoluzzjoni tal-Moviment Olimpiku matul is-sekli 20 u 21 irriżulta f'numru ta' bidliet fil-Logħob Olimpiku. Fost dawn kien hemm il-ħolqien tal-Logħob Olimpiku tax-xitwa għal sports fuq is-silġ u dak xitwi, il-Logħob Paralimpiku għal atleti b'diżabilità, u l-Logħob Olimpiku taż-Żgħażagħ għal atleti żgħażagħ. Il-Logħob Olimpiku tat-Truxa (Deaflympics) u l-Olimpjadi Speċjali huma wkoll approvati mill-KOI.
Il-Moviment Olimpiku jikkonsisti minn federazzjonijiet sportivi internazzjonali (FI), Kumitati Olimpiċi Nazzjonali (KON) u kumitati organizzattivi għal Logħob Olimpiku speċifiku. Bħala l-awtorità tal-kompetizzjoni, il-KOI huwa responsabbli li jagħżel il-belt ospitanti għal kull Logħob, u jorganizza u jagħti l-fondi skont il-Karta Olimpika. Il-KOI jiddetermina wkoll il-programm Olimpiku, bil-lista ta' sports li se jintlagħabu fil-Logħob. Hemm diversi riti u simboli Olimpiċi, fosthom il-bandiera u t-torċ Olimpiku, kif ukoll iċ-ċerimonji tal-ftuħ u l-għeluq. 'Il fuq minn 13-il elf atleta jikkompetu fil-Logħob Olimpiku tas-sajf u x-xitwa f'33 dixxiplina sportiva u f'madwar 400 avveniment. Dawk li jikklassifikaw fl-ewwel, it-tieni u t-tielet post jingħtaw midalja Olimpika tad-deheb, fidda u bronż, rispettivament.