Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Punent tal-Asja
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Punent tal-Asja / From Wikipedia, the free encyclopedia
L-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) iddeżinjat 98 Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Punent tal-Asja, li hawnhekk tirreferi għal 18-il pajjiż/stat membru: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Bahrain, Ċipru, il-Georgia, l-Iran, l-Iraq, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, l-Oman, il-Palestina, l-Arabja Sawdija, is-Sirja, it-Turkija, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Qatar u l-Jemen. Filwaqt l-Eġittu huwa parzjalment fil-Punent tal-Asja, is-Siti ta' Wirt Dinji tiegħu huma elenkati fl-Afrika minflok. Il-Kuwajt huwa l-unika pajjiż fir-reġjun li ma għandu l-ebda Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.
F'dan ir-reġjun l-Iran għandu l-ikbar ammont ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO b'24 sit. L-ewwel siti li tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mir-reġjun kienu Persepolis, il-Pjazza ta' Naqsh-e Jahan, Esfahan, u Tchogha Zanbil, fl-Iran, u l-Belt Antika ta' Damasku fis-Sirja.
Kull sena, il-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO jista' jiddeżinja siti ġodda fil-lista, jew ineħħi s-siti li ma jissodisfawx iktar il-kriterji tal-għażla tal-UNESCO. L-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali. Is-siti "mħallta" huma siti li jissodisfaw kriterji bħala sit kulturali u bħala sit naturali.[1][2]
Il-Kumitat tal-Wirt Dinji jista' jispeċifika wkoll li sit jinsab fil-periklu, u jikkwota "kundizzjonijiet li jheddu l-istess karatteristiċi tal-għażla tal-UNESCO li wasslu biex is-sit jitniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO".[3] F'dan ir-reġjun attwalment hemm seba' siti fil-periklu; il-Forti ta' Bahla kien tniżżel bħala sit fil-periklu fl-imgħoddi, u kien hemm ukoll diversi każijiet ta' siti li tqiesu biex jitniżżlu bħala siti fil-periklu iżda finalment ma tniżżlux.