Ani
belt Medjevali antika Armena u sit arkeoloġiku qrib Kars, it-Turkija / From Wikipedia, the free encyclopedia
Ani (bl-Armen: Անի; bil-Grieg: Ἄνιον, Ánion;[1] bil-Latin: Abnicum;[2] bit-Tork: Ani)[3] hija belt Medjevali Armena[4] li issa tinsab f'qagħda ta' fdalijiet fil-provinċja ta' Kars, it-Turkija, qrib il-fruntiera magħluqa mal-Armenja.
Bejn id-961 u l-1045, Ani kienet il-belt kapitali tar-renju Armen Bagratid li kien ikopri l-biċċa l-kbira tal-Armenja u tal-Lvant tat-Turkija kif nafuhom illum il-ġurnata. Il-belt ikonika spiss kienet imlaqqma bħala l-"Belt tal-1,001 Knisja", għalkemm l-għadd ta' knejjes kien ferm inqas. Sa llum il-ġurnata, ġew skavi 50 knisja, 33 knisja ġol-għerien u 20 kappella mill-arkeologi u mill-istoriċi.[5] Ani kienet tinsab fuq diversi rotot kummerċjali u permezz tal-bosta binjiet reliġjużi, palazzi, u fortifikazzjonijiet sofistikati kienet tispikka fost iċ-ċentri urbani kontemporanji l-oħra fir-renju Armen. Fost l-iżjed binjiet notevoli tagħha kien hemm il-Katidral ta' Ani, li huwa assoċjat mal-eżempji bikrin tal-arkitettura Gotika, u l-istudjużi jargumentaw li influwenza l-katidrali l-kbar tal-Ewropa fl-istili Gotiċi u Rumaneski bikrin; il-volti mrikkbin tiegħu ma dehrux fil-katidrali Ewropej qabel żewġ sekli wara.[6][7][8] Fl-eqqel tagħha, Ani kienet waħda mill-ikbar bliet fid-dinja[9], b'popolazzjoni ta' ferm iktar minn 100,000 ruħ.[10]
Rinomata għall-ġmiel tagħha, Ani nsterqet mill-Mongoli fl-1236. Ani qatt ma rkuprat minn terremot devastanti tal-1319, u wisq iktar, wara li nbidlu r-rotot kummerċjali reġjonali, u ġiet abbandunata sas-seklu 17.[11][12] Ani hija simbolu rikonoxxut b'mod wiesa' tal-wirt kulturali, reliġjuż, u nazzjonali għall-Armeni. Skont Razmik Panossian, Ani hija waħda mill-iżjed simboli viżibbli u "tanġibbli" tal-kobor Armen fl-imgħoddi u b'hekk hija sors ta' kburija. Fl-2016 Ani żdiedet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[13][14]