Gotiku
moviment u stil artistiku / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Gotiku kien stil ta' arti Medjevali li żviluppa fit-Tramuntana ta' Franza mir-Rumanesk fis-seklu 12 W.K., immexxi mill-iżvilupp simultanju tal-arkitettura Gotika. Infirex fil-Punent tal-Ewropa kollha, u fil-biċċa l-kbira tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Ewropa, kif ukoll fl-Ewropa Ċentrali, għalkemm qatt ma ħassar l-istil iktar klassiċi fl-Italja. Fl-aħħar tas-seklu 14 żviluppa l-istil sofistikat tal-qorti tal-Gotiku Internazzjonali, li baqa' jevolvi sal-aħħar tas-seklu 15. F'ħafna nħawi, speċjalment fil-Ġermanja, l-arti Gotika Aħħarija baqgħet għaddejja anke fis-seklu 16, qabel ma ħaditilha postha l-arti Rinaxximentali. Il-mezzi primarji fil-perjodu Gotiku kienu jinkludu l-iskulturi, il-pitturi f'panewijiet, il-ħġieġ ikkulurit, l-affreski u l-manuskritti bil-minjatura. Il-bidliet faċilment rikonoxxibbli fl-arkitettura mir-Rumanesk għall-Gotiku, u mill-Gotiku għar-Rinaxximent, tipikament jintużaw biex jiġu ddefiniti l-perjodi artistiċi fil-mezzi kollha, għalkemm l-arti figurattiva żviluppat b'pass differenti u b'bosta modi.
L-iżjed arti Gotika bikrija kienet l-iskultura monumentali, mal-ħitan tal-katidrali u l-abbaziji. Sikwit l-arti Kristjana kellha natura tipoloġika, u kienet tirrakkonta l-ġrajjiet tat-Testment il-Ġdid u tat-Testment l-Antik maġenb xulxin. Spiss kienu jintwerew xeni mill-ħajja tal-qaddisin. Ix-xbihat tal-Madonna nbidlu mill-għamla ikonika Biżantina għal omm iktar umana u premuruża, tfissed lill-Bambin Ġesù f'ħoġorha, b'imġiba raffinata ta' mara aristokratika.
F'dan il-perjodu nibtet l-arti sekolari biż-żieda tal-bliet, l-istabbiliment tal-universitajiet, iż-żieda fil-kummerċ, l-istabbiliment ta' ekonomija bbażata fuq il-flus u l-ħolqien ta' klassi tal-borgeżija li setgħet tikkummissjona x-xogħlijiet artistiċi u tkun patruna tal-arti, li wassal għall-proliferazzjoni tal-pitturi u tal-manuskritti bil-minjatura. Iż-żieda fil-litteriżmu u fl-għadd ta' letteratura vernakolari ħeġġew ir-rappreżentazzjoni ta' temi lajċi fl-arti. Bit-tkabbir tal-bliet, iffurmaw ix-xirkiet kummerċjali u spiss l-artisti kienu meħtieġa jkunu membri ta' xirka tal-pitturi. B'hekk, bis-saħħa tat-titjib fiż-żamma tar-rekords, iktar artisti huma magħrufa b'isimhom f'dan il-perjodu minn kwalunkwe perjodu preċedenti; xi artisti saħansitra ffirmaw l-opri tal-arti tagħhom.