From Wikipedia, the free encyclopedia
Tebe (bl-Għarbi: طيبة, bil-Grieg Antik: Θῆβαι, Thēbai), magħrufa fost l-Eġizzjani tal-qedem bħala Waset, kienet belt Eġizzjana antika max-xmara Nil madwar 800 kilometru (500 mil) fin-Nofsinhar tal-Mediterran. Il-fdalijiet tagħha jinsabu fi ħdan il-belt Eġizzjana moderna ta' Luxor. Tebe kienet il-belt prinċipali tar-raba' diviżjoni tal-Eġittu ta' Fuq (id-diviżjoni tax-Xettru) u kienet il-belt kapitali tal-Eġittu għal perjodi twal matul l-epoki tar-Renju Nofsani u r-Renju l-Ġdid. Kienet qrib Nubja u d-Deżert tal-Lvant, b'bosta riżorsi minerali ta' valur u rotot kummerċjali siewja. Kienet ċentru reliġjuż u l-iżjed belt venerata matul bosta perjodu tal-istorja Eġizzjana tal-qedem. Is-sit ta' Tebe jinkludi diversi nħawi kemm fix-xatt tal-Lvant tan-Nil, fejn hemm it-tempji ta' Karnak u ta' Luxor u fejn kien hemm il-belt, kif ukoll fix-xatt tal-Punent, fejn kien hemm nekropoli b'ċimiterji rjali u kumplessi funebri privati u rjali kbar. Fl-1979, il-fdalijiet u n-nekropoli ta' Tebe tal-qedem ġew ikklassifikati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
L-isem Eġizzjan antik għal Tebe kien wꜣs.t, "il-Belt tal-wꜣs", ix-xettru tal-faragħuni, ħatar twil b'ras ta' annimal u b'bażi li tofroq fi tnejn. Mill-aħħar tar-Renju l-Ġdid, Tebe kienet magħrufa bl-Eġizzjan antik bħala niwt-'imn, "il-Belt ta' Amun", il-kap tat-Trijade ta' divinitajiet ta' Tebe, flimkien ma' Mut u Khonsu. Dan l-isem ta' Tebe jidher fil-Bibbja bħala "Nōʼ ʼĀmôn" (נא אמון) fil-Ktieb ta' Nahum[2] u bħala "No" (נא) fil-Ktieb ta' Eżekjel[3] u Ġeremija.[4][5]
Xi kultant Tebe jingħad li hija l-forma Latinizzata tal-Grieg Antik: Θῆβαι, li min-naħa l-oħra hija l-forma Griega tal-Eġizzjan demotiku tꜣ jpt ("it-tempju"), b'referenza għal jpt-swt; it-tempju li issa huwa magħruf bl-isem Għarbi tiegħu, Karnak ("villaġġ iffortifikat"), fix-xatt tal-Grigal tal-belt. Madankollu, peress li Omeru jirreferi għall-metropoli b'dan l-isem, u peress li l-kitba demotika ma tfaċċatx qabel għadd ta' snin oħra, l-etimoloġija hija kemxejn dubjuża. Diġà minn żmien l-Ilijade ta' Omeru, il-Griegi kienu jiddistingwu lil Tebe tal-Eġittu bħala "Tebe tal-Mitt Daħla" (Θῆβαι ἑκατόμπυλοι, Thēbai hekatómpyloi), għad-differenza tat-"Tebe tas-Seba' Daħliet" (Θῆβαι ἑπτάπυλοι, Thēbai heptápyloi) f'Boeotia, il-Greċja.
Fl-interpretatio graeca, Amun ġie spjegat bħala Żews Ammon. Għaldaqstant l-isem ġie tradott bil-Grieg bħala Diospolis, "il-Belt ta' Żews". Sabiex tiġi distinta mill-bosta bliet oħra b'dan l-isem, kienet magħrufa bħala d-"Diospolis il-Kbira" (Διόσπολις Μεγάλη, Diospolis Megálē; bil-Latin: Diospolis Magna). L-ismijiet Griegi bdew jintużaw b'mod iktar mifrux wara l-ħakma tal-Eġittu minn Alessandru l-Kbir, meta l-pajjiż tmexxa mid-dinastija Tolemajka tal-Maċedonja.
Tebe kienet tinsab tul ix-xtut tax-xmara Nil fil-parti tan-nofs tal-Eġittu ta' Fuq, madwar 800 kilometru fin-Nofsinhar tad-delta. Fil-biċċa l-kbira tagħha nbniet fuq il-pjanuri tax-xmara tal-wied tan-Nil tul lilwa kbira tal-istess xmara. B'konsegwenza naturali ta' dan, il-belt ġiet stabbilita f'assi mill-Grigal għal-Lbiċ, b'mod parallel mal-kanal kontemporanju tax-xmara. Tebe kellha erja ta' 93 km2 (36 mil kwadru), li kienet tinkludi partijiet mill-Għoljiet ta' Tebe fil-Punent li kienu jlaħħqu sa massimu ta' 420 metru (1,378 pied) fl-Għolja sagra ta' al-Qurn. Fil-Lvant kien hemm id-Deżert tal-Lvant muntanjuż bil-wadis tiegħu li kienu jnixxu fil-wied. Fost dawn il-wadis, l-iżjed sinifikanti kien Wadi Hammamat qrib Tebe. Dan kien jintuża bħala rotta kummerċjali fuq l-art li kienet tibqa' sejra sal-kosta tal-Baħar l-Aħmar.
Irħula fil-qrib fir-raba' distrett tal-Eġittu ta' Fuq kienu Per-Hathor, Madu, Djerty, Iuny, Sumenu u Imiotru.
Skont George Modelski, Tebe kellha madwar 40,000 abitant fl-2000 Q.K. (meta mqabbla mas-60,000 abitant f'Memphis, l-ikbar belt fid-dinja f'dak iż-żmien). Sal-1800 Q.K., il-popolazzjoni ta' Memphis naqset għal madwar 30,000 abitant, u b'hekk Tebe saret l-ikbar belt fl-Eġittu f'dak iż-żmien. L-istoriku Ian Morris stima li sal-1500 Q.K., Tebe x'aktarx li kibret bħala l-ikbar belt fid-dinja, b'popolazzjoni ta' madwar 75,000 ruħ. Żammet din il-pożizzjoni sal-ħabta tad-900 Q.K., meta qabżitha Nimrud (fost bliet oħra).[6]
Il-fdalijiet arkeoloġiċi ta' Tebe joffru xhieda notevoli dwar iċ-ċivilizzazzjoni Eġizzjana fl-aqwa tagħha. Il-poeta Grieg Omeru ddeskriva l-ġid ta' Tebe fid-Disa' Ktieb tal-Ilijade (għall-ħabta tas-seklu 8 Q.K.): "... f'Tebe tal-Eġittu, it-Tebe tal-Mitt Daħla, hemm munzelli ta' ingotti prezzjużi jleqqu fix-xemx".[7][8]
Iktar minn sittin festival annwali kienu jiġu ċċelebrati f'Tebe. L-iżjed festivals importanti fosthom, skont it-Test Ġeografiku ta' Edfu, kienu: il-Festa mill-Isbaħ ta' Opet, il-Festival ta' Khoiak, il-Festival ta' I Shemu, u l-Festival ta' II Shemu. Festival popolari ieħor kien il-Festival Sabiħ tal-Wied li kien qisu xi Halloween.[9]
Tebe kienet abitata minn madwar it-3200 Q.K. Kienet magħrufa wkoll bħala l-belt kapitali ta' Waset, ir-raba' distrett tal-Eġittu ta' Fuq. F'dak iż-żmien kienet għadha post kummerċjali żgħir, filwaqt li Memphis kienet ir-residenza rjali tal-faragħuni tar-Renju l-Antik. Għalkemm ma fadal l-ebda binja f'Tebe li hija eqdem minn partijiet tal-kumpless tat-Tempju ta' Karnak li x'aktarx li jmorru lura għar-Renju Nofsani, il-parti t'isfel ta' statwa tal-faragħun Nyuserre tal-ħames dinastija nstabet f'Karnak. Statwa oħra li kienet iddedikata mill-faragħun Senusret tat-12-il dinastija jaf insterqet u reġgħet intużat, peress li l-istatwa fiha cartouche ta' Nyuserre fuq iċ-ċintorin tagħha. Peress li jidhru seba' mexxejja mir-raba' sas-sitt dinastiji fuq il-lista tal-faragħuni ta' Karnak, x'aktarx li kien hemm mill-inqas tempju wieħed fl-inħawi ta' Tebe fi żmien ir-Renju l-Antik.
Sal-2160 Q.K., nisel ġdid ta' faragħuni (id-disa' u l-għaxar dinastiji) ikkonsolidaw il-kontroll tal-Eġittu t'Isfel u tal-partijiet tat-Tramuntana tal-Eġittu ta' Fuq mill-belt kapitali tagħhom f'Herakleopolis Magna. Nisel rivali (il-ħdax-il dinastija), ibbażat f'Tebe, irrenja fil-kumplament tal-Eġittu ta' Fuq. Milli jidher il-mexxejja ta' Tebe kienu dixxendenti tal-prinċep ta' Tebe, Intef il-Kbir. X'aktarx li n-neputi tiegħu Intef I kien l-ewwel wieħed fil-familja li f'ħajtu ħa titlu parzjalment ta' faragħun, għalkemm il-poter tiegħu ma kienx estiż iktar lil hinn mir-reġjun ġenerali ta' Tebe.
Finalment sal-ħabta tal-2050 Q.K., iben Intef III, Mentuhotep II (li jfisser "Montu s-sodisfatt"), ħa lil Herakleopolis bil-forza u reġa' unifika l-Eġittu taħt mexxej wieħed, u b'hekk beda l-perjodu issa magħruf bħala r-Renju Nofsani. Mentuhotep II irrenja għal 51 sena u bena l-ewwel tempju funebri f'Deir el-Bahri, li x'aktarx serva bħala ispirazzjoni għat-tempju ikbar u li nbena iktar 'il quddiem ħdejh minn Hatshepsut fit-18-il dinastija. Wara dawn l-avvenimenti, il-11-il dinastija ma tantx damet teżisti, peress li għaddew inqas minn għoxrin sena bejn il-mewt ta' Mentuhotep II u dik ta' Mentuhotep IV, li mietu f'ċirkostanzi misterjużi.
Matul it-12-il dinastija, Amenemhat I ittrasferixxa s-sede tal-poter lejn it-Tramuntana f'Itjtawy. Tebe baqgħet tistagħna bħala ċentru reliġjuż peress li l-alla lokali Amun kulma jmur beda jsir prominenti fl-Eġittu kollu. L-eqdem fdalijiet ta' tempju ddedikat lil Amun imorru lura għar-renju ta' Senusret I. Fir-Renju Nofsani, Tebe kienet diġà raħal b'daqs konsiderevoli. L-iskavi madwar it-Tempju ta' Karnak urew li r-raħal tar-Renju Nofsani kellu pjanta qisha grilja. Il-belt kienet mill-inqas twila kilometru u kellha erja ta' 50 ettaru. Instabu wkoll il-fdalijiet ta' żewġ binjiet li x'aktarx kienu palazzi.[10]
Mill-bidu tal-aħħar parti tat-12-il dinastija, grupp ta' Kananiti bdew jinsedjaw in-naħa tal-Lvant tad-delta tan-Nil. Eventwalment stabbilew l-14-il dinastija f'Avaris għall-ħabta tal-1805 Q.K. jew għall-ħabta tal-1710 Q.K. B'hekk, l-Asjatiċi stabbilew eġemonija fuq il-maġġoranza tar-reġjun tad-delta, u serqu dawn it-territorji mill-influwenza tat-13-il dinastija li sadanittant kienet laħqet minflok it-12-il dinastija.[11]
It-tieni mewġa ta' Asjatiċi msejħa Hyksos (minn Heqa-khasut, jiġifieri "mexxejja ta' artijiet barranin", kif l-Eġizzjani kienu jsejħu lill-mexxejja tagħhom) emigraw fl-Eġittu u għelbu liċ-ċentru tal-poter tal-Kananiti f'Avaris, u bdew il-15-il dinastija hemmhekk. Ir-rejiet Hyksos kisbu l-kontroll ukoll tal-Eġittu t'Isfel fil-bidu tat-Tieni Perjodu Intermedju (1657-1549 Q.K.). Meta l-Hyksos ħadu lil Memphis matul jew ftit wara r-renju ta' Merneferre Ay (għall-ħabta tal-1700 Q.K.), il-mexxejja tat-13-il dinastija ħarbu lejn in-Nofsinhar u marru f'Tebe, li saret il-belt kapitali.[12]
Il-prinċpijiet ta' Tebe (issa magħrufa bħala s-16-il dinastija) kellhom kontroll stabbli tar-reġjun fil-qrib, filwaqt li l-Hyksos avvanzaw mid-delta lejn in-Nofsinhar sal-Eġittu Nofsani. Iċ-ċittadini ta' Tebe rreżistew l-avvanzata ulterjuri tal-Hyksos billi laħqu ftehim biex ikun hemm tmexxija paċifika bejniethom. Il-Hyksos kienu kapaċi jbaħħru 'l fuq lil hinn minn Tebe biex jagħmlu kummerċ maċ-ċittadini ta' Nubja u ċ-ċittadini ta' Tebe ġabu l-merħliet magħhom fid-delta mingħajr avversarji. L-istatus quo kompla sa meta l-mexxej Hyksos, Apophis (il-15-il dinastija) insulta lil Seqenenre Tao (is-17-il dinastija) ta' Tebe. Wara ftit l-armati ta' Tebe avvanzaw lejn l-artijiet immexxija mill-Hyksos. Tao miet f'battalja u ibnu Kamose ħa l-kmand tal-kampanja militari f'idejh. Wara l-mewt ta' Kamose, ħuh Ahmose I kompla minfloku sa ma ħakem lil Avaris, il-belt kapitali tal-Hyksos. Ahmose I keċċa lill-Hyksos mill-Eġittu u l-Lvant u ħataf l-artijiet li qabel kienu mmexxija minnhom.[13]
Ahmose I stabbilixxa era ġdida għall-unifikazzjoni tal-Eġittu b'Tebe bħala l-belt kapitali. Il-belt baqgħet il-belt kapitali matul il-biċċa l-kbira tat-18-il dinastija (ir-Renju l-Ġdid). Saret ukoll iċ-ċentru ta' servizz ċivili professjonali ġdid, fejn kien hemm talba ikbar għall-iskribi u għal-litterati peress li l-arkivji rjali bdew jimtlew bil-kontijiet u bir-rapporti.[14] Fil-belt il-ftit favoriti ta' Nubja ġew edukati mill-ġdid permezz tal-kultura Eġizzjana, sabiex iservu bħala amministraturi tal-kolonja.[15]
Bl-Eġittu stabilizzat mill-ġdid, ir-reliġjon u ċ-ċentri reliġjużi ffjorixxew speċjalment Tebe. Pereżempju, Amenhotep III alloka ħafna mill-ġid enormi tiegħu mit-tributi barranin għat-tempji ta' Amun.[16] L-alla ta' Tebe, Amun, sar divinità statali prinċipali u kull proġett tal-kostruzzjoni beda jipprova jkun aħjar minn ta' qablu sabiex tiġi pproklamata l-glorja ta' Amun u tal-faragħuni nfushom. Thutmose I (li rrenja fl-1506-1493 Q.K.) beda l-ewwel espansjoni kbira tat-Tempju ta' Karnak. Iktar 'il quddiem, it-tkabbir kolossali tat-tempju sar in-norma fir-Renju l-Ġdid kollu.[17]
Ir-Reġina Hatshepsut (li rrenjat fl-1479-1458 Q.K.) għenet lill-ekonomija ta' Tebe tiffjorixxa permezz tat-tiġdid tan-networks kummerċjali, primarjament il-kummerċ fil-Baħar l-Aħmar bejn il-port ta' Al-Qusayr f'Tebe, Elat u l-art ta' Punt. Is-suċċessur tagħha Thutmose III ġab miegħu f'Tebe parti kbira mir-rikkezzi tal-gwerra li oriġinaw minn postijiet imbegħda, saħansitra minn Mittani. It-18-il dinastija laħqet il-quċċata tagħha matul ir-renju tal-proneputi Amenhotep III (li rrenja fl-1388-1350 Q.K.). Minbarra li sebbaħ it-tempji ta' Amun, Amenhotep żied il-kostruzzjoni f'Tebe għal livelli mingħajr preċedent. Fix-xatt tal-Punent, huwa bena t-tempju funebri enormi u l-palazz-belt enormi ta' Malkata b'lag artifiċjali faċċata ta' 364 ettaru. Fil-belt proprja huwa bena t-Tempju ta' Luxor u t-Triq tal-Isfinġijiet li twassal sat-Tempju ta' Karnak.
Għal perjodu qasir fir-renju ta' iben Amenhotep III, Akhenaten (li rrenja fl-1351-1334 Q.K.), Tebe għaddiet minn żminijiet diffiċli; il-belt ġiet abbandunata mill-qorti, u l-qima ta' Amun ġiet proskritta. Il-belt kapitali ġiet ittrasferita lejn il-belt il-ġdida ta' Akhetaten (Amarna fl-Eġittu modern), nofs triq bejn Tebe u Memphis. Wara mewtu, ibnu Tutankhamun irritorna l-belt kapitali lejn Memphis, iżda t-tiġdid tal-proġetti tal-kostruzzjoni f'Tebe pproduċa tempji u santwarji saħansitra iktar glorjużi.[18]
Bil-wasla tad-19-il dinastija, is-sede tal-gvern ġiet ittrasferita lejn id-delta. Tebe żammet id-dħul u l-prestiġju tagħha matul ir-renji ta' Seti I (li rrenja fl-1290-1279 Q.K.) u ta' Ramesses II (li rrenja fl-1279-1213 Q.K.), li xorta waħda baqgħu jirresjedu għal parti minn kull sena f'Tebe. Ramesses II wettaq proġetti estensivi tal-kostruzzjonif il-belt, fosthom statwi u obeliski, it-tielet ħajt madwar it-Tempju ta' Karnak, żidiet fit-Tempju ta' Luxor, u r-Ramesseum, it-tempju funebri grandjuż tiegħu. Il-kostruzzjonijiet ġew iffinanzjati mill-fosos il-kbar tal-qmuħ (li nbnew madwar ir-Ramesseum), li kkonċentraw it-taxxi miġbura mill-Eġittu ta' Fuq;[19] u mid-deheb mill-ispedizzjonijiet lejn Nubja u d-Deżert tal-Lvant. Matul ir-renju ta' Ramesses li dam 66 sena, l-Eġittu u Tebe kisbu livell għoli ta' prosperità li laħaq jew saħansitra qabeż l-ogħla livell li kien intlaħaq taħt Amenhotep III.[20]
Il-belt baqgħet fuq wiċċ l-idejn sal-bidu tal-20 dinastija. Il-Papiru l-Kbir ta' Harris jiddikjara li Ramesses III (li rrenja fl-1187-1156) għamel donazzjoni ta' 86,486 skjav u patrimonji enormi lit-tempji ta' Amun. Ramesses III rċieva tributi mill-popli kollha ta' taħtu, inkluż il-popli ta' mal-baħar u l-Libjani Meshwesh. Madankollu, l-Eġittu kollu kien qed jesperjenza problemi finanzjarji, u dan joħroġ fid-dieher fl-avvenimenti fil-villaġġ ta' Deir el-Medina f'Tebe. Fil-25 sena tar-renju tiegħu, il-ħaddiema f'Deir el-Medina bdew jistrajkjaw għall-paga u hemmhekk feġġew irvelli ġenerali fost il-klassijiet soċjali kollha. Sussegwentement, konfoffa fil-Ħarem li ma rnexxietx wasslet għall-ġustizzjar ta' bosta membri li ħadu sehem fil-konfoffa, inkluż uffiċjali u nisa minn Tebe.[21]
Iktar 'il quddiem, taħt ir-Ramessidi, Tebe qabdet it-triq tan-niżla peress li l-gvern waqgħa f'diffikultajiet ekonomiċi gravi. Matul ir-renju ta' Ramesses IX (li rrenja fl-1129-1111 Q.K.), għall-ħabta tal-1114 Q.K., sensiela ta' investigazzjonijiet dwar is-serq mill-oqbra rjali fin-nekropoli tal-Punent ta' Tebe żvelaw provi ta' korruzzjoni fil-karigi għoljin, wara akkuża li tressqet mis-sindku tax-xatt tal-Punent kontra l-kollega tiegħu fil-Punent. Il-mumji rjali misruqa tressqu minn post għall-ieħor u finalment ġew iddepożitati mill-patrijiet ta' Amun f'qabar-xaft f'Deir el-Bahri u fil-qabar ta' Amenhotep II. Is-sejba ta' dawn iż-żewġ moħbiet fl-1881 u fl-1898, rispettivament, kienet wieħed mill-avvenimenti l-kbar tal-iskoperti arkeoloġiċi moderni. L-amministrazzjoni ħażina f'Tebe wasslet għal rewwixti.
Kulma jmur il-kontrol tal-affarijiet lokali bdiet tgħaddi iktar f'idejn il-Patrijiet Għoljin ta' Amun, tant li matul it-Tielet Perjodu Intermedju, Il-Patrijiet Għoljin ta' Amun kellu poter assolut fin-Nofsinhar, bħala kontrobilanċ għar-rejiet tal-21 u tat-22 dinastiji li rrenjaw mid-delta tan-Nil. Iż-żwiġijiet irranġati bejn id-dinastiji u l-adozzjoni saħħew ir-rabtiet bejniethom, u l-bniet tar-rejiet Taniti saru d-divinità mara ta' Amun f'Tebe, u b'hekk setgħu jeżerċitaw iktar poter. L-influwenza politika ta' Tebe battiet biss fil-Perjodu Aħħari.[22]
Sal-ħabta tas-750 Q.K., l-influwenza tal-Kuxiti (minn Nubja) bdiet tikber f'Tebe u fl-Eġittu ta' Fuq. Fis-721 Q.K., ir-Re Shabaka tal-Kuxiti rebaħ kontra l-forzi kkombinati ta' Osorkon IV (it-22 dinastija), Peftjauawybast (it-23 dinastija) u Bakenranef (l-24 dinastija), u reġa' wassal għall-unifikazzjoni tal-Eġittu. Matul ir-renju tiegħu kien hemm ammont sinifikanti ta' kostruzzjonijiet li seħħew madwar l-Eġittu kollu, speċjalment fil-belt ta' Tebe, li għamilha l-belt kapitali tar-renju tiegħu. Fit-Tempju ta' Karnak huwa ordna li tinbena statwa tal-granit roża tiegħu nnifsu liebes il-kuruna doppja tal-Eġittu magħrufa bħala l-Pschent. Taharqa wettaq bosta proġetti notevoli f'Tebe (fosthom il-Kjosk fit-Tempju ta' Karnak) u f'Nubja qabel ma l-Assirjani bdew il-gwerra kontra l-Eġittu.
Fis-667 Q.K., attakkat mill-armata tar-re Assirjan Ashurbanipal, Taharqa abbanduna l-Eġittu t'Isfel u ħarab lejn Tebe. Tliet snin wara mewtu, in-neputi jew il-kuġin tiegħu Tantamani ħataf lil Tebe, invada lill-Eġittu t'Isfel u għamel assedju kontra Memphis, għalkemm abbanduna t-tentattivi tiegħu li jaħkem il-pajjiż fis-663 Q.K. u rtira lejn in-Nofsinhar.[23] L-Assirjani komplew jissieltu kontrih u ħadu lil Tebe, li żdiedet mal-lista twila ta' bliet li ġew misruqa u meqruda mill-Assirjani, kif kiteb Ashurbanipal stess:
Il-belt, kollha kemm hi, ħkimtha bl-għajnuna ta' Ashur u Ishtar. Ħadt il-fidda, id-deheb, il-ħaġar prezzjuż, il-ġid kollu tal-palazz, id-drapp lussuż, l-għażel prezzjuż, iż-żwiemel grandjużi, l-irġiel u n-nisa superviżuri, żewġ obeliski tal-elektrum mill-isbaħ li jiżnu 2,500 talent, u l-bibien tat-tempji li qaċċadt mill-bażijiet tagħhom, u ġarrejthom lejn l-Assirja. B'dan il-ġid tqil kollu, tlaqt minn Tebe. Kontra l-Eġittu u kontra Kush olzajt il-lanza tiegħi u wrejt is-setgħa tiegħi. B'idejja mimlija rritornajt lejn Nineveh, qawwi u sħiħ.[24]
Tebe qatt ma reġgħet kisbet l-importanza politika li kellha qabel, iżda baqgħet ċentru reliġjuż importanti. L-Assirjani laħħqu lil Psamtik I (664-610 Q.K.), li kiseb il-poter fuq Tebe fis-656 Q.K. u organizza l-adozzjoni ta' bintu stess, Nitocris I, bħala werrieta tal-Mara divina ta' Amun hemmhekk. Fil-525 Q.K., Cambyses II mill-Persja invada lill-Eġittu u sar faragħun, u wassal għas-subordinazzjoni tar-renju bħala satrapija tal-Imperu l-Kbir tal-Akamenidi.[25]
Ir-relazzjoni t-tajba ta' Tebe mal-poter ċentrali fit-Tramuntana ntemmet meta l-faragħuni Eġizzjani nattivi finalment ġew sostitwiti mill-Griegi, immexxija minn Alessandru l-Kbir. Huwa żar Tebe matul ċelebrazzjoni tal-Festival ta' Opet. Minkejja ż-żjara inizjali tiegħu, Tebe saret ċentru li xejn ma kien favurih. Lejn l-aħħar tas-seklu 3 Q.K., Hugronaphor (Horwennefer), x'aktarx ta' oriġini Nubjana, mexxa rewwixta kontra t-Tolomej fl-Eġittu ta' Fuq. Is-suċċessur tiegħu, Ankhmakis, kellu l-kontroll ta' partijiet kbar mill-Eġittu ta' Fuq sal-185 Q.K. Din ir-rewwixta ġiet appoġġata mill-patrijiet ta' Tebe. Wara li r-rewwixta ġiet imrażżna fil-185 Q.K., Tolomew V, li kien jeħtieġ l-appoġġ tal-patrijiet, ħafrilhom.
Nofs seklu wara, iċ-ċittadini ta' Tebe reġgħew għamlu rewwixta, u tellgħu lil ċertu Harsiesi fuq it-tron fil-132 Q.K.. Harsiesi, wara li bill subgħajh fil-fondi tal-bank irjali ta' Tebe, ħarab is-sena ta' wara. Fil-91 Q.K., reġgħet faqqgħet rewwixta oħra. Fis-snin ta' wara, Tebe battiet fis-setgħa tagħha, u l-belt ġiet imġarrfa.[26]
Matul l-okkupazzjoni tar-Rumani (30 Q.K.-641 W.K.), il-komunitajiet li kien għad fadal baqgħu raggruppati madwar il-pilastri tat-Tempju ta' Luxor. Tebe saret parti mill-provinċja Rumana ta' Thebais, li iktar 'il quddiem inqasmet f'Thebais Superior, iċċentrata fil-belt, u Thebais Inferior, iċċentrata f'Ptolemais Hermiou. Leġjun Ruman ġie stazzjonat fit-Tempju ta' Luxor fiż-żmien tal-kampanji militari Rumani f'Nubja. Il-kostruzzjoni ma waqfitx għalkollox, iżda l-belt baqgħet tmajna. Fis-seklu 1 W.K., Strabo ddeskriva li Tebe kienet irrelegata għal sempliċi villaġġ.[27]
Tebe l-Antika u n-Nekropoli tagħha ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Iż-żewġ tempji l-kbar — it-Tempju ta' Luxor u t-Tempju ta' Karnak —u l-Wied tar-Rejiet u l-Wied tal-Irġejjen huma fost l-ikbar kisbiet tal-Eġittu tal-qedem.
Mill-25 ta' Ottubru 2018 sas-27 ta' Jannar 2019, il-Mużew ta' Grenoble organizza wirja ta' tliet xhur dwar il-belt ta' Tebe u r-rwol tan-nisa fil-belt f'dak iż-żmien, bl-appoġġ tal-Louvre u l-British Museum.
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.