From Wikipedia, the free encyclopedia
Sir Isaac Newton (Woolsthorpe-by-Colsterworth, 4 ta' Jannar 1643 – Londra, 31 ta' Marzu 1727)[1] kien matematiku, fiżiku, astronomu u filosfu Ingliż. Figura emblematika fix-xjenzi, Newton hu l-aktar magħruf għat-teorija tal-gravità universali, u l-ħolqien u l-iżvilupp tal-kalkulu infiniteżmali li skopra kontemporanjament ma' Leibniz.
Isaac Newton | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Sir Isaac Newton ta' 46 sena | |||||||||||||
1703 - 1727 ← John Somers, 1st Baron Somers (en) - Hans Sloane (en) →
Diċembru 1701 - 1702 District: Cambridge University (en)
Jannar 1700 - 31 Marzu 1727
1696 - Jannar 1700
1689 - 1690 District: Università ta' Cambridge
1669 - 1702 | |||||||||||||
Ħajja | |||||||||||||
Twelid | Woolsthorpe Manor (en) u Woolsthorpe-by-Colsterworth (en) , 25 Diċembru 1642 (in Julian calendar), 4 Jannar 1643, 1642 | ||||||||||||
Nazzjonalità |
Renju tal-Ingilterra Gran Brittanja | ||||||||||||
Residenza | Ingilterra | ||||||||||||
Grupp etniku | L-Ingliżi | ||||||||||||
Mewt | Kensington, 20 Marzu 1727 (Julian) | ||||||||||||
Post tad-dfin | Abbazija ta’ Westminster | ||||||||||||
Familja | |||||||||||||
Missier | Isaac Newton Sr. | ||||||||||||
Omm | Hannah Ayscough | ||||||||||||
Familja |
uri
| ||||||||||||
Edukazzjoni | |||||||||||||
Alma mater |
Università ta' Cambridge The King's School, Grantham (en) (1655 - 1659) Trinity College (Ġunju 1661 - Awwissu 1665) Baċellerat tal-Arti Trinity College (April 1667 - 1668) Masters tal-Arti | ||||||||||||
Direttur tat-teżi | no value | ||||||||||||
Lingwi |
Latin Ingliż | ||||||||||||
Għalliema |
Isaac Barrow (en) Benjamin Pulleyn (en) | ||||||||||||
Studenti | |||||||||||||
Okkupazzjoni | |||||||||||||
Okkupazzjoni |
matematiku filosofu fiżiku astronomu teologu inventur alkimist politiku bniedem universali għalliem fl-università kittieb ta' saġġistika fiżiku teoretiku kimiku teologu astrologu kittieb mintmaster (en) xjenzat executive (en) | ||||||||||||
Post tax-xogħol |
Cambridge Londra | ||||||||||||
Impjegaturi | Università ta' Cambridge | ||||||||||||
Xogħlijiet importanti |
Philosophiæ Naturalis Principia Mathematica (en) Method of Fluxions (en) Opticks, or a Treatise of the Reflections, Refractions, Inflections and Colours of Light (en) | ||||||||||||
Premjijiet | |||||||||||||
Influwenzat minn | René Descartes | ||||||||||||
Sħubija | Soċjetà Rjali |
Fl-ottika, żviluppa teorija tal-kulur ibbażata fuq l-osservazzjoni li priżma jaqsam id-dawl abjad fl-ispettru viżibbli. Ivvinta wkoll it-teleskopju riflettur magħmul minn mera konkava, imsejjaħ it-teleskopju ta' Newton. Fil-mekkanika, stabbilixxa t-tliet liġijiet universali tal-moviment li huma l-prinċipji li fuqhom hi msejsa t-teorija tiegħu għall-moviment tal-korpi, teorija li daż-żmien tissejjaħ il-Mekkanika klassika.
Fil-matematika, Newton qasam ma' Gottfried Wilhelm Leibniz l-iskoperta tal-kalkulu infiniteżmali. Hu magħruf ukoll għall-ġeneralizazzjoni tal-teorema binomjali u l-invenzjoni ta' dak li hu msejjaħ il-metodu ta' Newton li jippermettilna nsibu xi approssimazzjonijiet għaż-żero (jew radiċi) ta' funzjoni ta' varjabbli waħda reali b'valuri reali. Newton wera li l-moviment tal-oġgetti fuq l-art u l-korpi ċelesti huma mmexxija mill-istess liġijiet naturali; u bl-għajnuna tal-liġijiet ta' Kepler fuq il-moviment tal-pjaneti,[2] żviluppa l-gravità universali.
Il-ktieb tiegħu f'żewġ volumi, Philosophiæ Naturalis Principia Mathematica, hu meqjus bħala wieħed mix-xogħlijiet il-kbar fl-istorja tax-xjenza. Fih hu ddeskriva l-gravità universali, ifformula t-tliet liġijiet tal-moviment u lesta l-bażi tal-mekkanika klassika. Għamel ukoll xi tiftix fl-oqsma tat-teoloġija, il-filosofija u l-alkimija.
Isaac Newton twieled Woolsthorpe-by-Colsterworth qrib Grantham, f'Lincolnshire, l-Ingilterra, minn ġenituri tar-raba'. Missieru miet tliet xhur qabel ma twieled ibnu, u meta t-tifel kellu tliet snin, ommu, Hannah Ayscough, reġgħet iżżewwġet. Kien għalhekk li mar joqgħod ma' nanntu fejn ħa ħsiebu zijuh. It-tfulija tiegħu tidher li ma kinitx hienja wisq.[3] Meta kellu ħames snin mar l-iskola primarja ta' Skillington, imbagħad meta kellu tnax beda jattendi l-iskola King's School ta' Grantham.
Baqa' hemm erba' snin sakemm ommu sejħitlu biex imur Woolsthorpe biex jintefa' fuq il-biedja u jieħu ħsieb ir-raba' tagħhom. Sadanittant ommu indunat li binha kien iżjed jinqala' għall-mekkanika milli għall-agrikultura u ħallietu jerġa' jmur l-iskola Grantham biex wara jidħol l-università. Meta kellu sbatax-il sena beda jinnamra ma' tfalja Ann Storer, il-filjastra tal-ispiżjar, William Clarke, ma' minn kien qiegħed joqgħod. Dan ħallieh jiltaqa' magħha u jitgħarrasha, imma riedu jtemm l-istudji tiegħu qabel jiżżewwiġha. Fl-aħħar, iż-żwieġ ma sarx u Newton baqa' għażeb ħajtu kollha. Voltaire kiteb li Newton ma kien jaf 'l ebda mara oħra f'ħajtu.[4]
Ta' tmintax-il sena daħal Trinity College, Cambridge fejn baqa' hemm seba' snin. Hemm studja l-aritmetika, il-ġeometrija fl-"Elementi" ta' Ewklidi u t-trigonometrija, imma kellu wkoll interess personali fl-astronomija, u l-alkimija u t-teoloġija. Ta' 25 sena ħa l-lawrja, imma kellu jieqaf mill-istudji tiegħu għal sentejn minħabba li feġġet il-marda qerrieda tal-pesta, li laqtet il-belt fl-1665, u reġa' lura lejn raħal twelidu.[5] Kien matul dan iż-żmien li Newton għamel progress kbir fil-matematika, il-fiżika u fuq kollox fl-ottika (beda jifhem li d-dawl mhux abjad imma magħmul minn spettru ta' lwien), l-iskoperti kbar kollha li spjega fis-snin ta' wara kienu l-frott ta' dawn is-sentejn.[6] Kien ukoll f'dan iż-żmien li suppost saret il-ġrajja leġġendarja tat-tuffieħa li waqgħet fuq rasu u b'hekk induna bil-liġi tal-gravità universali. Newton żied il-pass fir-riċerka; fl-1666 beda l-istudju tal-funzjonijiet derivabbli u d-derivati tagħhom ibbażat fuq ix-xogħol ta' Fermat. Ikklassifika l-funzjonijiet kubiċi u ta grafiċi korretti għalihom bl-asintoti, inflessionijiet u punti ta' dawrien. Fl-1669, kiteb fuq is-sisien tal-kalkulu infiniteżmali li sejjaħlu l-"metodu tal-flussjonijiet". Hekk Newton kien waqqaf l-analisi moderna.
Fl-stess sena 1669, Newton ħa l-katedra tal-matematika.[7] Tliet snin wara fl-età ta' 29 sena, sar membru tar-Royal Society ta' Londra, fejn iltaqa' ma' Robert Boyle, bniedem ta' influwenza kbira. Irnexxilu wkoll jiżviluppa teleskopju bil-mirja sferiċi mingħajr aberazzjoni kromatika. Is-sena ta' wara iddeċieda li jispjega fit-tul ix-xogħol tiegħu fuq id-dawl u dan għamlu famuż f'ħakka t'għajn. Minħabba din iċ-ċelebrità l-iskoperti tiegħu saru l-oġġett ta' ħafna kontroversji u ġlied li hu kien jistmerr.
Meta spjega x-xogħol tiegħu fuq id-dawl, ipprova bl-għajnuna tal-priżma li dan hu magħmul minn spettru ta' bosta kuluri u fl-1675, temm dan ix-xogħol billi spjega t-teorija korpuskulari tiegħu. Fl-1684 ikkuntatjah l-astronomu Ingliż Edmund Halley (li kien skopra l-famuża kometa msemmija għalih) dwar il-liġijiet ta' Kepler fuq l-orbiti ellittiċi tal-pjaneti. Newton tah spjegazzjoni konvinċenti ħafna u Halley ħajru jippublika x-xogħlijiet tiegħu.
Fl-1687, ippublika x-xogħol kbir tiegħu: Philosophiae naturalis principia mathematica. Dan ix-xogħol jimmarka l-bidu tal-matematizzazzjoni tal-fiżika. Fih Newton spjega l-prinċipju tal-inerzja, il-proporzjonalità bejn il-forzi u l-aċċellerazzjoni, l-ugwaljanza tal-azzjoni u r-reazzjoni, il-liġijiet tal-impatti, il-moviment tal-fluwidi, il-frugħ u l-mili tal-baħar, etċ. Imma fuq kollox spjega fih it-teorija tiegħu tal-attrazzjoni universali: Il-korpi jattiraw 'il xulxin b'forza proporzjonali għall-prodott tal-mases tagħhom u inversament proporzjonali għad-distanza bejniethom kwadrata.
Newton kien jobgħod jispjega x-xogħol tiegħu u sikwit ippublikah bosta snin wara li kien wettqu. Inqabad spiss f'argumenti ma' Robert Hooke dwar id-dawl u t-teorija tiegħu tal-gravitazzjoni. Newton stenna li Hooke imut biex jippubblika x-xogħol tiegħu fuq l-ottika. Hooke akkuża 'l Newton bi plaġju fuq it-teorija tal-inversi kwadrati, minħabba li Newton beda x-xogħol tiegħu fl-istess żmien bħalu mingħajr ma qal lil ħadd, li irrabjat mhux ftit lil Hooke.[8] Newton, filwaqt ippretenda li ma kienx jaf bir-riċerki ta' Hooke u li lanqas kien qara x-xogħol tiegħu fuq il-gravità. Illum nafu li Newton kien gideb, mhux bil-ħażen imma minħabba l-biża' li jidħol fil-ġlied.
Newton kien ibati b'personalità tturmentata u komplessa. Bejn l-1692 u l-1693, waqa' f'perjodu gravi ta' depressjoni nervuża, aktarx minħabba l-mewt ta' ommu, il-qirda tal-laboratorju tal-alkemija li kellu, u x-xogħol żejjed. Kien jgħix fi stat ta' paranoja u kien ikollu xi alluċinazzjoni. Ħa tliet snin biex jerga' jiġi f'tiegħu.[9]
Fl-1696, Newton inħatar gwardjan taz-zekka tal-Ingilterra u sena wara sar ministru taz-zekka. Newton stima li 20% mill-muniti tal-flus fiċ-ċirkulazzjoni waqt ir-Riforma Kbira monetarja tal-1696 kienu foloz.[10] Il-falsifikazzjoni tal-muniti kienet meqjusa bħala att ta' tradiment, ikkastigata bil-mewt bit-tgħallieq u l-iskwartament. Tant kien ikraħ il-kastig li t-tribunali ma kinux jagħtuh ħlief meta l-ministru seta' jagħti xhieda inkonfutabbli quddiem il-ġurati. Newton kien lest għal dan ix-xogħol.
Ġabar il-fatti u pprova t-teoriji tiegħu b'mod brillanti daqs meta kien qiegħed jipprova xi liġi xjentifika. Bejn Ġunju tal-1698 u l-Milied tal-1699, mexxa madwar 200 kontro-interrogatorji ta' xhieda, informaturi u ta' nies suspettati u kiseb l-istqarrijiet li kellu bżonn. Ma kellux id-dritt li jirrikorri għat-torturi, imma hemm xi dubji fuq il-metodi użati, l-aktar billi Newton stess ordna li jinqerdu r-rapporti tal-interrogatorji. Kien kif kien, irnexxielu jikkonvinċi 'l-ġurati: fi Frar tal-1699, għaxar priġunieri ġew ikkundanati għall-mewt.
Newton kellu l-ikbar suċċess bħala prokuratur tar-re fil-każ kontra William Chaloner. Dan kien ħalliel mill-kbar li stgħana biżżejjed biex jista' jagħmilha ta' ġentilwom. F'petizzjoni lill-parlament akkuża liz-Zekka li kienet qiegħda tagħti l-għodda lill-falzarji (akkuża li kienet saret diġà), u ppropona li jħalluh jispezzjona l-proċess taz-Zekka biex itejbu. Talab lill-parlament li jadotta l-pjani tiegħu biex isiru muniti li ma jistgħux jiġu ffalsifikati. Newton irrabja ħafna u għamel kollox biex jitkixxef kemm jista' fuq Chaloner. Sab li Chaloner stess kien imdaħħal fil-falsifikazzjoni tal-muniti u tellgħu quddiem il-qorti. L-ewwel darba Chaloner ħeles għax kellu ħafna ħbieb qawwija imma Newton reġa' tellgħu quddiem il-qorti u din id-darba kellu xhieda biżżejjed biex jiġi ikkundanat għall-mewt. Fl-23 ta' Marzu 1699, Chaloner ġie mgħallaq u skwartat.
Fl-1699 inħatar membru tal-kunsill tar-"Royal Society", fl-1703 ġie elett president tagħha u baqa' president sa mewtu. Fl-1705 kien investit bit-titlu ta' Kavallier mir-Reġina Anna, iżjed biex tippremjah għar-riformi kbar tiegħu fiz-zekka milli għax-xogħol xjentifiku tiegħu. Fl-1717 iffissa rata ta' ekwivalenza bejn il-fidda u d-deheb b'dik li hi msejħa l-"liġi tar-Reġina Anna".
Fl-1724, Isaac Newton marad. Tliet snin wara bilkemm kien għadu kemm fieq minn attakk tal-gotta meta reġa' mar Londra biex jippresiedi laqgħa tar-Royal Society. Dan il-vjaġġ għejjieh ħafna. Meta wasal lura Kensington, kellu jibqa' fis-sodda u miet fil-31 ta' Marzu tal-1727, fl-età ta' 84 sena. Kien midfun b'ċeremonji kbar f'Westminster Abbey, fejn jindifnu r-rejiet tal-Ingilterra.
Newton hu meqjus bħala wieħed mill-ikbar ġenji u għorrief tal-istorja umana. Nistgħu inqabbluh, fil-wisgħa tax-xogħol u l-iskoperti tiegħu, maż-żewġ ismijiet kbar l-oħra tax-xjenza: Arkimede u Albert Einstein.
Bejn l-1670 u l-1672, Newton studja r-rifrazzjoni tad-dawl u wera li priżma tal-ħġieġ jaqsam id-dawl abjad fi spettru ta' lwien, u li apparat b'żewġ priżmi kontra xulxin jerga' jgħaqqad l-ispettru ta' ħafna kuluri f'dawl abjad.
Isaac Newton għamel l-ewwel esperimenti tiegħu bid-dawl u d-dekompożizzjoni tiegħu fl-1666.[11] Għadda raġġ tax-xemx minn ġo priżma u kiseb qawsalla ta' kuluri tal-ispettru viżibblii. Sa dak iż-żmien kienu jaħsbu li dan jiġri għaliex il-priżma għandu l-kuluri moħbija ġo fih. Imma Newton induna li jekk jerġa' jgħaddi d-dawl minn priżma oħra imqiegħda kontra l-ewwel wieħed, il-qawsalla ta' dawl terġa' ssir dawl abjad. Din wasslitu għal konklużjoni rivoluzzjonarja: il-kulur qiegħed fid-dawl u mhux fil-ħġieġ. Jiġifieri, id-dawl abjad li naraw hu fir-realtà taħlita tal-kuluri kollha tal-ispettru li nistgħu naraw b'għajnejna. Wera wkoll li l-proprjetajiet tad-dawl ikkulurit ma jinbidlux meta jintefa' raġġ fuq xi oġġett. Newton innota li ma jimpurtax jekk id-dawl jiġix rifless, mifrux jew trażmess, hekk kif dan jibqa' dejjem l-istess lewn. Hekk sar jaf li l-kulur hu r-riżultat tal-interazzjoni bejn id-dawl li diġà għandu kulur u l-oġġetti, u mhux ħiereġ mill-oġġetti stess. Din jgħidulha t-teorija tal-kuluri ta' Newton.
Fl-1704 Newton ippubblika t-trattat tiegħu Opticks fejn, fost affarijiet oħra, spjega t-teorija korpuskolari tiegħu tad-dawl. Fiha ssopona li d-dawl hu magħmul minn korpuskoli ħfief ħafna u l-materja ordinarja hi magħmula minn korpuskoli itqal u ssuġġerixxa li dawn jistgħu jinbidlu f'xulxin. Fit-trattat spjega wkoll ir-rifrazzjoni u d-diffrazzjoni tad-dawl u t-teorija tal-kuluri.
Il-ħidma tiegħu fil-qasam tal-istrumenti ottiċi ta' żmienu kienet importanti. Fl-1671 beda jtejjeb it-teleskopju riflettur ta' James Gregory. Mix-xogħol tiegħu fuq ir-rifrazzjoni, fejn wera d-dispersjoni tal-kuluri, ikkonkluda li t-teleskopji kollha bir-rifrazzjoni ibatu bid-dispersjoni tad-dawl u dan ħajru jistinka biex jevita l-problema. It-teleskopju riflettur bil-mera konkava li ħoloq illum insejħulu t-teleskopju ta' Newton. Newton kien jitħan il-mirja hu stess u biex iqies il-kwalità tax-xbieha ottika miksuba minhom kien juża' l-fenomenu li illum insejħulu ċ-ċrieki ta' Newton. L-ewwel verżjoni tat-teleskopju riflettur tiegħu kellu mera primarja konkava. Dan l-istrument kien ħafna aħjar mit-teleskopju astronomiku ta' Galileo billi kellu dijametru ikbar mingħajr bdil fl-immaġini. Fl-istess sena, ir-Royal Society stednitu jagħti dimostrazzjoni tat-teleskopju riflettur. Dan l-interess ħajjar lil Newton biex jippublika n-noti tiegħu fuq it-teorija tal-kuluri, li żviluppa iktar tard fit-trattat fuq l-ottika. It-teleskopju wrieh fl-1672.
Kien hemm minn ma qabilx ma' Newton. Robert Hooke malli nduna li x-xogħol ta' Newton fuq l-ottika kien qrib ix-xogħol tiegħu, beda jikkritika bil-kbir ċerti ideat ta' Newton. Dan xaba' mill-argumenti kontra tiegħu u rtira minn kull diskussjoni fil-pubbliku.[12] Iż-żewġt irġiel baqgħu għedewwa tul ħajjithom.
Fl-1677, Newton reġa' beda jaħdem fuq il-mekkanika, jiġifieri l-gravità u l-effetti tagħha fuq l-orbiti tal-pjaneti. Għal dan ix-xogħol mexa mal-liġijiet ta' Kepler fuq il-moviment tal-pjaneti u kkonsulta wkoll 'il Robert Hooke u 'l John Flamsteed.[13] F'Novembru tal-1684, bagħat 'il Halley trattat qasir ta' disa' paġni bit-titlu: De motu corporum in gyrum (Moviment tal-korpi jduru), fejn wera l-Liġi tal-invers kwadrat, il-forza ċentripeta u kien fih l-ewwel ħjiel tal-Liġijiet tal-moviment ta' Newton li nsibu aktar tard fix-xogħol kbir tiegħu Philosophiae Naturalis Principia Mathematica (li llum insibuh bl-isem Principia jew Principia Mathematica) li ħareġ fil-5 ta' Lulju 1687 bl-għajnuna finanzjarja u l-inkuraġġament ta' Edmond Halley. Il-metodi tal-kalkulu li uża fih kienu l-ewwel bidu tal-kalkulu vettorjali. Fil-ktieb tiegħu, fuq żewġ volumi, Newton stabbilixxa t-tliet liġijiet universali tal-moviment li baqgħu mingħajr bdil jew titjib għal żewġ sekli. Fih uża l-kelma bil-Latin "gravitas" li tfisser piż, biex jitkellem fuq l-effetti li llum insejħulhom gravità u ddefinixxa l-liġijiet tal-gravitazzjoni universali. Fl-istess xogħol ippreżenta l-ewwel determinazzjoni analitika, ibbażata fuq il-liġijiet ta' Edmond Halley u Robert Boyle tal-veloċità tal-ħoss.
Bil-Principia, Newton sar magħruf fuq skala internazzjonali u kiseb ċirku ta' ammiraturi. Fosthom kien hemm il-matematiku ta' oriġni Żvizzera, Nicolas Fatio de Duillier, li miegħu rabba ħbiberija kbira li damet sal-1693. Meta spiċċat din il-ħbiberija, 'il Newton qabditu depressjoni qawwija.
Isaac Newton huwa fuq kollox missier il-mekkanika moderna minħabba t-tliet liġijiet tal-moviment li jġibu ismu li nagħtu hawn taħt kif nitgħallmuhom illum:
Dan tal-aħħar kultant insibuh bħala l-liġi tal-azzjoni reazzjoni.
Barra l-kontribuzzjonijet tiegħu fil-fiżika, Newton, fl-istess ħin ma' Gottfried Wilhelm von Leibniz, żviluppa l-prinċipji li waqqfu l-kalkulu infiniteżmali. Waqt li Newton ma ppubblika xejn fuq il-metodu tiegħu tal-flussjonijiet u s-suċċessjonijiet infiniti qabel l-1687, Leibniz ippubblika x-xogħol tiegħu fl-1684. Għalhekk hemm il-problema ta' min kien l-ewwel li għamel is-sejba. Però Newton fix-xogħol tiegħu, Principia, ppubblikat fl-1687, faħħar l-iskoperta ta' Leibniz waqt li rrikonoxxa li dan kien wasal għall-istess riżultati b'metodu analogu għal tiegħu.[14]
Minkejja dan, xi membri tar-Royal Society (li Newton kien membru tagħha) akkużaw lil Leibniz li kien ipplaġja lil Newton. L-argument ħareġ fil-beraħ fl-1711.[15] meta r-Royal Society fi studju stqarret li kien Newton li kien skopra l-metodu u li Leibniz kien impostur. L-argument ħassar il-ħajja ta' Newton u ta' Leibniz sakemm dan miet fl-1716.
Għal xi żmien, Newton kellu ħbiberija qawwija ma' Nicolas Fatio de Duillier li kien impressjonat ħafna bit-teorija tal-gravità. Fl-1691 dan beda jlesti verżjoni ġdida tal-Philosophiæ Naturalis Principia Mathematica imma qatt ma' spiċċaha. Il-ħbiberija birdet ħesrem fl-1694. Dak iż-żmien Duillier kellu xi korrespondenza ma' Leibniz. Ma dan kollu f'mémoire ippublikat fl-1699, Duriez għaraf lil Newton bħala l-ewwel inventur tal-kalkulu infiniteżmali.
Newton huwa magħruf għat-Teorema Binomjali valida għall-potenzi kollha. Skopra wkoll l-identitajiet ta' Newton, il-metodu ta' Newton u kklassifika l-kurvi kubiċi fil-pjan (polinomi ta' ordni tlieta b'żewġ varjabbli). Kien l-ewwel wieħed li uża indiċi frazzjonarji fil-ġeometrija analitika biex isolvi l-ekwazzjonijiet Diofantini. Stima wkoll is-somom parzjali tas-serje armonika permezz tal-logaritmi (prekursur tal-famuża formola ta' Euler) u sab formola biex jikkalkula n-numru pi (π).
Fl-1699 inħatar professur Lucasjan[16] tal-matematika fl-Università ta' Cambridge. Dak iż-żmien kull min jgħallem Cambridge jew Oxford kien irid ikun qassis fil-knisja Anglikana. Imma waħda mill-kundizzjonijiet tal-katedra Lucasjana hi li min joħodha ma jistgħax jieħu sehem attiv fil-knisja (x'aktarx biex ikun jista' juża ħinu kollu għax-xjenza). Newton allura talab li jiġi eżentat mill-ħtieġa li jkun ordnat qassis u r-Re Karlu II tah il-permess li kellu bżonn. Hekk ġew evitati l-kunflitti bejn l-opinjonijiet reliġjużi ta' Newton u l-ortodossija Anglikana.
Newton skopra l-liġi universali tal-gravità jew il-ġibda universali li hi l-kawża tal-moviment tal-pjaneti. Fl-1684 għarraf f'ittra indirizzata lil sieħbu Edmund Halley li kien solva l-problema tal-forza inversament proporzjonali għall-kwadrat tad-distanzi u dik tal-orbiti ellittiċi, miġjuba minn Kepler.[17]
Fl-1685, kiteb trattat qasir De motu corporum in gyrum (Fuq il-moviment tal-korpi jduru) li fih iddeskriva l-liġi tiegħu li tqħaqqad il-mekkanika terrestri mal-mekkanika ċelesti. Esprima din il-liġi b'mod simplifikat permezz ta' din l-espressjoni matematika:
fejn hu l-vettur ta' norma wieħed li juri d-direzzjoni tal-moviment, il-forza u kostanti tal-proporzjonalità jew il-kostanti gravitazzjonali. Minn din il-liġi ħareġ it-tliet liġijiet ta' Kepler li bihom spjega il-moviment tal-pjaneti matul l-orbita tagħhom.
Waqt li x-xemx teżerċita l-forza tal-gravità fuq il-pjaneti, bil-maqlub il-pjaneti għandhom l-istess l-effett fuq ix-xemx. Skont it-teorija tal-gravità ta' Newton, l-oġġetti kollha tal-univers jiġbdu 'l xulxin. Newton kien induna li l-moviment tal-korpi ċelesti ma kienx kostanti u dan fetaħ it-triq għall-iżvilupp sekli wara għall-prinċipju tar-relattività minn Albert Einstein. Newton kien qal li l-pjaneti ma jgħaddux iżjed minn darba mill-istess orbita.
Il-liġi tal-gravità saret is-sejba l-iżjed magħrufa ta' Newton imma hu wissa kontra l-użu tagħha biex inħarsu lejn l-univers bħala sempliċi magna jew arloġġ kbir. Qal:
"Il-gravità tispjega l-movimenti tal-pjaneti, iżda ma tistax tispjega minn ġiegħel lill-pjaneti jimxu. Alla jiggverna l-ħwejjeġ kollha u jaf kull ma hu u kull ma jista' jsir." |
Newton kiteb ukoll:
"Din is-sistema mill-isbaħ tax-xemx, pjaneti, u kometi, setgħet toħroġ biss mill-ħsieb u l-qawwa ta' Esseri intelliġenti. ... Dan l-Esseri jiggverna l-ħwejjeġ kollha, mhux bħala r-ruħ tad-dinja, iżda bħala Mulej fuq kollox; u minħabba l-qawwa tiegħu irid li jissejjaħ "Mulej Alla" παντοκρατωρ [pantokrator] jew "Mexxej Universali". ... Is-suprem Alla huwa Esseri etern, infinit, assolutament perfett[18] |
"L-oppożizzjoni għar-reliġjon hu atejiżmu fl-istqarrija u fil-prattika. L-atejiżmu hu tant bla sens u tant mistmerr mill-umanità li qatt ma kien hemm ħafna li jistqarruh[19]." |
Għalkemm hu iżjed magħruf għad-dedikazzjoni tiegħu għax-xjenza, il-Bibbja kienet l-ikbar imħabba ta' Newton. Hu ddedika aktar ħin għall-istudju tal-iSkrittura milli għax-xjenza, u qal, "Jien għandi twemmin fundamentali fil-Bibbja bħala l-Kelma t'Alla, miktuba minn dawk li kienu ispirati minnu. Nistudja l-Bibbja kuljum." Qatta' ħafna żmien jipprova jiskopri messaġġi moħbija fil-Bibbja.
Hemm opinjoni mifruxa li Newton kien Unitarjan u Arjan, u ma jaqbilx mad-domma tat-Trinità. Semma' "l-adorazzjoni ta' Kristu bħala Alla" fil-lista ta' "Idolatria" fil-pitazz teoloġiku tiegħu[20]. Hemm minoranza li huma tal-fehma li x'aktarx Newton fil-ħsieb tiegħu kien ħafna eqreb lejn kif il-Knisja Ortodossa tal-Lvant tħares lejn it-Trrinità milli kif iħarsu lejha il-knejjes Insara tal punent bħall-Kattoliċi, l-Anglikani u l-parti l-kbira tal-Protestanti[21].
Il-filosofija mekkanista ta' Newton u Boyle intlaqgħet tajjeb mill-propagandisti tar-razzjonaliżmu bħala alternattiva aċċettabbli għas-setet Panteisti u Entużjasti, u ġiet aċċettata wara xi reżistenza mill-kleru ortodoss kif ukoll mid-dissidenti bħall-Latitudinaristi[22]. Fiċ-ċarezza u s-sempliċità tax-xjenza sabu mod li bih setgħu jikkumbattu l-entużjażmu superstizzjuż ġej minn eċċess ta' emozzjoni u ta' metafiżika, kif ukoll it-theddida tal-atejiżmu[23].
L-attakki magħmula kontra l-ħsieb maġiku ta' qabel l-Illuminiżmu, u l-elementi mistiċi tal-Kristjaneżmu, kellhom is-sisien tagħhom fil-kunċett mekkaniku tal-univers ta' Boyle. Newton ipperfezzjona l-ideat ta' Boyle billi tahom provi matematiċii, u iktar importanti rnexxilu jagħmilhom popolari [24]. Newton ittrasforma d-dinja immexxija minn Alla intervenzjonista għal dinja maħluqa minn Alla li iddisinjaha fuq prinċipji razzjonali u universali[25]. Billi dawn il-prinċipji jista' jiskoprihom kulħadd, il-bniedem jista' jsegwi u jilħaq l-għanijiet tiegħu f'din il-ħajja, mhux f'li jmiss, u li jipperfezzjona ruħu bil-poteri razzjonali tiegħu stess [26]. Din il-possibbiltà li raw in-Newtonjani li jispjegaw d-dinja, kemm fiżika kif ukoll soċjali, permezz ta' kalkuli loġiċi biss, kien kruċjali għad-diżillużjoni li daħal fil-Kristjaneżmu[27].
Newton kien jara 'l Alla bħala ħallieq omnipotenti li l-eżistenza tiegħu ma setgħitx tiġi miċħuda quddiem il-grandjożità kollha tal-ħolqien[28]. Imma l-konsegwenza imprevista teoloġika ta' kif kien jara 'l Alla, kif irrimarka Leibniz, kien li Alla issa kien tneħħa kompletament mit-tmexxija tad-dinja, peress li ħtieġa ta' intervent turi biss imperfezzjoni fil-ħolqien t'Alla, li hu impossibbli għal ħallieq perfett u omnipotent[29]. Minkejja l-iskużi vagi, Alla kien tneħħa filosofikament mill-parteċipazzjoni fil-ħolqien tiegħu, u l-fehim tad-dinja issa tniżżel għal-livell tas-sempliċi raġuni tal-bniedem.
Min-naħa l-oħra, ideat Latitudinaristi u Newtonjani imbuttati sat-tarf iwasslu għall-Millenarjaniżmu, setta reliġjuża ta' nies iddedikati għall-kunċett ta' univers mekkaniku imma li jsibu fih l-istess entużjażmu u mistiċiżmu li l-Illuminiżmu tant iġġieled biex jeqred[30]. Newton stess forsi kien interessat fil- Millenarjaniżmu billi kiteb dwar il-Ktieb ta' Danjel u l-Ktieb tal-Apokalissi fil-kitba tiegħu "Osservazzjonijiet dwar il-profezziji"[31].
Il-kunċett ta' Newton tad-dinja fiżika pprovda mudell stabbli tad-dinja naturali li kien ħa jsaħaħ l-istabbilità u l-armonija fid-dinja ċivika[32].
Il-kontoversja bejn dawn iż-żewġ ġganti tax-xjenza, Newton u Leibniz, fil-bidu tas-seklu 18 kienet iddur l-iżjed madwar żewġ punti. Il-punt l-inqas importanti kien fuq l-iskoperta li għamlu fl-istess ħin tal-kalkulu infiniteżmali, il-punt l-ieħor, wisq iżjed importanti u ġej minn raġunijiet profondi, kien l-argument fuq it-teorija tal-gravità. Minħabba l-fehma tiegħu ta' univers, għal Gottfried Wilhelm von Leibniz, il-moviment tal-pjaneti madwar ix-xemx kien immexxi miċ-ċirkulazzjoni armonika ta' eter fluwidu madwarha li jkaxkar miegħu il-kwiekeb.[33] Fil-fatt, il-metafiżika tiegħu ma ħallitux jikkonċepixxi spazju vojt, għax b'dan Alla jkun ħoloq xi ħaġa imperfetta ħafna (Leibniz iċċitat f'Koyré)[33]
Fuq dan il-punt il-Karteżjani kienu qrib il-Leibnizjani, u Roger Cotes matul din il-kontroversja kien isejħilhom it-tnejn "plenisti".[33] Henry More, filosfu tal-iskola msejħa tal-Platoniċi ta' Cambridge, minkejja li kien wieħed mill-ewwel li appoġġa 'l René Descartes fl-Ingilterra, kien ukoll wieħed mill-ewwel li oppona din l-idea u ħareġ favur "l-eżistenza effettiva tal-ispazju battal".[33] B'ċertu mod More fetaħ it-triq li fl-aħħar segwa Newton.
Id-diskussjoni min-naħa favur Newton kienet immexxija[33] minn xi nies qrib tiegħu bħal Samuel Clarke u Roger Cotes. Waslet għand Leibniz u l-Karteżjani imma dawn tal-aħħar ma wiġbux, u daret fuq il-kunċett ta' Alla u fuq l-idea viċina tal-libertà u r-razzjonalità. Hu importanti li nifhmu s-sens ta' din id-diskussjoni għaliex għal Alexandre Koyré ir-rebħa ta' Newton kienet Pirika u l-premju diżastruż "Hekk il-forza tal-attrazzjoni – li għal Newton kienet il-prova li l-mekkaniżmu waħdu mhux biżżejjed, xhieda ta' qawwiet superjuri mhux mekkaniċi, wirja tal-preżenza u l-għemil ta' Alla fid-dinja – ma baqgħetx hekk iżjed imma saret forza purament naturali, proprjetà tal-materja li saħħet iżjed il-mekkaniżmu minflok dgħajfitu".[33]
Skont Alexandre Koyré[33] id-differenza bejniethom fuq l-idea ta' Alla kienet ċara għal kollox: "L-Alla ta' Leibniz ma kienx il-Mulej Newtonjan li jaħdem fuq id-dinja l-ħin kollu bħal ma għamel l-Alla tal-Bibbja fl-ewwel sitt ijiem tal-Ħolqien. Kien, jekk nazzarda nkompli il-paragun, l-Alla Bibbliku fil-jum tas-Sabat meta kien wettaq xogħlu u sab li dan jirrapreżenta …l-aħjar mid-dinjiet possibbli…". Bil-maqlub għal Leibniz, kif kiteb Samuel Clarke, għal Newton id-Dinja tista' tittejjeb[33] u meta skopra l-liġijiet tal-ġibda universali ma sab l-ebda ħtieġa li dawn huma kif inhuma. Sempliċiment qal x'inhuma.
Dan it-tiftix mill-Leibnitzjani għal-liġijiet meħtieġa, skont Samuel Clarke, jinnegaw il-libertà tal-aġenti. Fir-raba' tweġiba lil Leibnitz, kiteb hekk: "Id-dutrina li nsibu hawn twassal għan-Neċessità u l-Fatalità, meta nissoponu li l-Mottivi għandhom l-istess effett fuq Aġent intelliġenti bħall-użin fuq il-miżien…. Imma l-Esseri intelliġenti huma Aġenti; m'humiex sempliċiment passivi u l-Mottivi ma jaġixxux fuqhom kif jaġixxu l-użin fuq il-miżien. Għandhom qawwa attiva…."[33]
Leibniz u ċerti Karteżjani Franċiżi bħal Nicolas Malebranche, kellhom l-idea li bir-raġuni tiegħu il-bniedem "jista' jsib xhieda tal-aħjar li Alla jista' jagħmel".[34] Bil-kuntrarju, għal Newton u n-Newtonjani, ir-raġuni aktarx tfittex u tosserva l-fatti u tispjegahom milli tipprova ssib spjegazzjonijiet totali. Newton kiteb fil-Philosophiæ Naturalis Principia Mathematica "Jien nispjega sa hawn il-fenomeni tas-sema u dawk tal-baħar permezz tal-forza tal-gravità, imma mkien ma nagħti l-kawża tal-gravità."
Matul ħajjet Newton, l-istudju tal-kimika kien għadu fi tfulitu, u għalhekk meta Newton iddeskriva l-istudji sperimentali tiegħu uża lingwaġġ eżoteriku u terminoloġija vaga li hi assoċjata mal-alkimija. Kellhom jgħaddu għexieren ta' snin wara mewtu qabel ma saru l-esperimenti fl-istekjometrija, parti mix-xogħol pijunier ta' Antoine Lavoisier, u l-kimika analitika, bin-nomenklatura tagħha, saret tixbah il-kimika kif nafuha llum.
Ħafna mill-kitba ta' Newton fuq l-alkimija x'aktarx inħarqet meta l-laboratorju qabad in-nar. Għalhekk il-ħidma tigħu f'dan il-qasam setgħet kienet ikbar milli nafu biha issa. Barra minn dan, 'il Newton qabditu depressjoni nervuża fiż-żmiem li kien qiegħed jaħdem fl-alkimija. Xi wħud jaħsbu li kienet effett psikoloġiku li oriġinarjament l-alkimija kienet maħluqa biex ikollha waqt li oħrajn jgħidu li kienet xi sura ta' avvelenament kimiku (forsi bil-merkurju, ċomb, jew xi materjal ieħor).
Il-kitba ta' Newton iġġiegħlna naħsbu li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-ħidma tiegħu fl-alkimija seta' kien is-sejba tal-Ħaġar Filosofali (materjal li kienu jemmnu li kien jibdel metalli mhux prezzjużi fid-deheb), u forsi naqra inqas, l-iskoperta tal-wisq mixtieq Eliżir tal-Ħajja.[35]
Xi tipi ta' alkimija kienu pprojbiti fl-Ingilterra matul il-ħajja ta' Newton, minħabba xi prattikanti bla skrupli li kienu jwegħdu lill-benefatturi għonja riżultati li qatt ma setgħu jintlaħqu biex jisolħulhom il-flus. Il-gvern Ingliż kien jibża' wkoll li jekk jinstab il-Ħaġar Filosofali, id-deheb imbagħad jitlef il-valur tiegħu, u għalhekk għamel pieni ħorox għal min jipprattika l-alkimija. F'ċerti każi il-kastig għall-prattika tal-alkimija bla permess kien ikun tgħallieq fuq forka ndurata imżejna bil-karti kuluriti.
Newton apposta ma ppubblikax il-ħidma tiegħu fil-qasam tal-alkimija għal din ir-raġuni u forsi minħabba l-biża' li x-xjenzati l-oħra jiflu u jikkritikaw ix-xogħol tiegħu. Kulħadd kien jaf li Newton kien jieħu għalih malajr meta jikkritikawh bħal ma ġara fil-bosta drabi li kkritikah Robert Hooke, u hu stess ammetta li ma tantx ried jippubblika informazzjoni sostanzjali fuq il-kalkulu qabel l-1693. Min-natura tiegħu kien perfezzjonista u ma kienx ikun irid jippubblika materjal li kien iħoss li mhuwiex komplut għal kollox, kif tixhed il-qabża ta' tletin sena mindu meta suppost għaraf l-kalkulu fl-1666 sa meta ppubblika x-xogħol komplut fl-1704, li kellu jwassal għall-polemika infami bejnu u bejn Leibniz.
Fl-1936, ġabra ta' xogħlijiet ta' Isaac Newton li qatt ma ġew ippubblikati, telgħu għall-irkant f'Sotheby, Londra. Din kienet ta' ċertu Gerard Wallop, id-disa' Earl ta' Portsmouth, u għalhekk huma magħrufin bħala l-"Portsmouth Papers". 'Il fuq minn terz minn dawn il-manuskritti hu fuq l-alkimija. Meta miet Newton, dan il-materjal intilef billi l-eredi tiegħu ma qisux tajjeb għall-pubblikazjoni u s-sejba tiegħu fl-1936 kienet sensazzjonali. Fl-irkant bosta mid-dokumenti nxtraw mill-ekonomista John Maynard Keynes, li matul ħajtu kien ġemma ħafna mill-kitbiet ta' Newton fuq l-alkimija.
Isaac Newton ta ismu lil dawn:
It-teoriji ta' Newton baqgħu s-suġġett ta' kontroversji u polemiċi xjentifiċi matul is-seklu 18. Mill-1734, dawk li jżommu mas-sistema ta' Newton bdew jissejħu Newtonjani, bil-kontra tal-Karteżjani.
Il-poeta Ingliż, Alexander Pope (1688-1744) kiteb epitaffju fuq Newton li baqa' famuż:[37]
"Il-liġijiet tan-Natura kienu fil-lejl moħbija. Qal Alla "jkun hemm Newton" u nkixfu bid-dija." |
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.