belt fl-Ungerija From Wikipedia, the free encyclopedia
Pécs (pronunzja: /peɪtʃ/ PAYTCH, bl-Ungeriż: [peːt͡ʃ]; bil-Kroat: Pečuh; bil-Ġermaniż: Fünfkirchen, pronunzjata [fʏnfˈkɪʁçn̩]; magħrufa wkoll b'ismijiet oħra) hija l-ħames l-ikbar belt fl-Ungerija, u tinsab fuq ix-xaqlibiet tal-muntanji Mecsek fil-Lbiċ tal-pajjiż, qrib il-fruntiera mal-Kroazja u mas-Serbja. Hija ċ-ċentru amministrattiv u ekonomiku tal-Kontea ta' Baranya, u s-sede tad-Djoċesi Kattolika Rumana ta' Pécs.
Pécs | |||
---|---|---|---|
Ungerija | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Stat sovran | Ungerija | ||
County of Hungary | Kontea ta' Baranya | ||
District of Hungary | Distrett ta' Pécs | ||
Kap tal-Gvern | Attila Péterffy (en) | ||
Kodiċi postali |
7600–7636 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 46.0708°N 18.2331°E | ||
Superfiċjenti | 16,278 hectare | ||
Għoli | 153 m | ||
Fruntieri ma' | Kozármisleny (en) , Orfű (en) , Pécsudvard (en) , Keszü (en) , Cserkút (en) , Nagykozár (en) , Bogád (en) , Pellérd (en) , Kökény (en) , Pogány (en) u Martonfa (en) | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 140,330 abitanti (1 Jannar 2024) | ||
Informazzjoni oħra | |||
Kodiċi tat-telefon |
72 | ||
Żona tal-Ħin | Ħin tal-Ewropa Ċentrali, UTC+1u UTC+2 | ||
bliet ġemellati | Graz, Novi Sad, Arad, Cluj-Napoca, Fellbach, Kütahya, Lahti, Dijon, Grenoble, Lyon, Olomouc, Osijek, Seattle, Sliven, Terracina, Tucson, Tuzla, Krakovja, Pula, Beyoğlu, Shiraz, Samobor, Namuru Aix-en-Provence | ||
pecs.hu |
Il-belt tmur lura għal żmien il-qedem, ġiet insedjata miċ-Ċeltiċi u mir-Rumani, u saret sede episkopali fi żmien l-Ungerija Medjevali bikrija. Għandha l-eqdem università fil-pajjiż u hija waħda miċ-ċentri kulturali ewlenin tal-Ungerija. Il-belt għandha wirt kulturali rikk minn żmien l-okkupazzjoni Ottomana li damet 150 sena. Storikament il-belt kienet u għadha multietnika fejn bosta kulturi interaġixxew matul 2,000 sena ta' storja. Dan l-aħħar, il-belt ġiet rikonoxxuta għall-wirt kulturali tagħha, u ġiet imsemmija bħala waħda mill-bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura.
L-iżjed isem bikri għat-territorju kien l-isem Ruman ta' Sopianæ. L-isem x'aktarx oriġina mill-plural tal-kelma Ċeltika sop li tfisser "marġ". Kuntrarjament għat-twemmin popolari, l-isem ma kienx jirreferi għal belt unika, u ma hemm l-ebda traċċa ta' ħajt madwar il-belt mill-era Rumana bikrija, imma mis-seklu 4 biss.
Il-belt Medjevali ssemmiet għall-ewwel darba fit-871 bl-isem ta' Quinque Basilicae ("ħames katidrali"). L-isem jirreferi għall-fatt li meta kienu qed jibnu l-knejjes tal-belt, il-bennejja użaw il-materjal minn ħames kappelli Kristjani antiki tal-belt. F'dokumenti Latini iktar 'il quddiem, il-belt issemmiet bħala Quinque Ecclesiae ("ħames knejjes", isem identiku fit-tifsira għall-isem Ġermaniż Fünfkirchen u għall-isem Slovakk Päťkostolie).[1]
L-isem Pécs tfaċċa fid-dokumenti fl-1235 fil-kelma Pechyut (spellut illum il-ġurnata bħala pécsi út, li tfisser "triq lejn/minn Pécs") li wisq probabbli oriġinat mill-Proto-Slaviku *pęčь jew mill-Illirjan *penče, li t-tnejn ifissru ħames/ħamsa.[2] B'lingwi oħra: bil-Latin, Quinque Ecclesiae; bit-Taljan, Cinquechiese; bil-Kroat, Pečuh; bis-Serbjan, Печуј (Pečuj); bis-Slovakk, Päťkostolie; biċ-Ċek, Pětikostelí; bl-Olandiż, Vijfkerken; bil-Ġermaniż, Fünfkirchen; u bit-Tork, Peçuy.
Pécs tinsab fil-Baċir tal-Karpazji tal-Ewropa Ċentrali, fiċ-ċentru tal-Kontea ta' Baranya, fin-Nofsinhar tal-Ungerija. Hija mdawra bl-għoljiet ta' Mecsek fit-Tramuntana u bil-pjanura fin-Nofsinhar. Pécs għandha passat sinifikanti fix-xogħol tal-estrazzjoni. L-ilma dolomitiku ta' Mecsek huwa famuż għad-densità għolja ta' minerali tiegħu b'ekwilibriju kostanti.
Il-belt ta' Pécs tinsab qrib il-fruntiera mal-Kroazja u mas-Serbja. Il-parti tan-Nofsinhar tagħha hija pjuttost ċatta filwaqt li l-parti tat-Tramuntana tagħha tinsab qrib ix-xaqliba tal-muntanji Mecsek. Għandha klima favorevoli ħafna, u madwarha għandha għadd ta' boskijiet. Matul l-iljieli sħan tas-sajf, flussi ta' arja friska jinżlu mill-muntanji Mecsek u jnaddfu l-arja tal-belt.[3]
Pécs hija mdawra bil-pjanura fin-Nofsinhar (b'elevazzjoni ta' 120-130 metru), filwaqt li l-muntanji Mecsek jibqgħu telgħin sa elevazzjonijiet ta' 400-600 metru wara l-belt. L-għolja ta' Jakab, li tinsab fil-Punent tal-muntanji Mecsek, hija għolja 592 metru (1,942 pied), Tubes, eżatt fuq Pécs, hija għolja 612-il metru (2,008 pied), u Misina hija għolja 535 metru (1,755 pied).[4] Partijiet iktar għoljin tal-belt jitilgħu sa 200-250 metru (656-820 pied), l-iktar Pécsbánya, Szabolcsfalu, Vasas u Somogy. Il-boskijiet ġeneralment jibdew minn elevazzjonijiet ta' madwar 300 metru (984 pied). L-għoljiet ta' Mecsek huma kkaratterizzati b'bosta widien li jaqdu rwol ewlieni fit-titjib tal-klima tal-belt, ladarba ma hemmx lagi u xmajjar fil-qrib. L-ilmijiet jinżlu mill-għoljiet ta' Mecsek, inixxu fin-nixxiegħa ta' Pécsi taħt il-linja ferrovjarja mil-Lvant għall-Punent u eventwalment jaslu fix-xmara Danubju.
L-inħawi tal-belt ilhom abitati minn żmien il-qedem, u l-eqdem sejbiet arkeoloġiċi li nstabu għandhom 6,000 sena. Qabel żmien ir-Rumani l-inħawi kienu abitati miċ-Ċeltiċi.
Il-belt ta' Sopianae ġiet stabbilita mir-Rumani fil-bidu tas-seklu 2, f'żona popolata miċ-Ċeltiċi u mit-tribujiet Pannoni. Mis-seklu 4 saret il-belt kapitali tal-provinċja ta' Valeria u ċentru Kristjan bikri sinifikanti. In-nekropoli Kristjana bikrija minn dak iż-żmien saret Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Diċembru 2000.[5][6]
Meta l-Punent tal-Ungerija kienet provinċja tal-Imperu Ruman (imsejħa Pannonia), ir-Rumani stabbilew diversi kolonji li kienu jipproduċu l-inbid bl-isem kollettiv ta' Sopianae fejn issa hemm Pécs, fil-bidu tas-seklu 2.
Iċ-ċentru ta' Sopianae kien fejn issa hemm il-Palazz tal-Isqof. Xi partijiet tal-akkwedott Ruman għadhom viżibbli. Meta l-provinċja ta' Pannonia ġiet maqsuma f'erba' diviżjonijiet amministrattivi, Sopianae kienet il-belt kapitali tad-diviżjoni msemmija Valeria.
Fl-ewwel nofs tas-seklu 4, Sopianae saret belt Kristjana importanti. L-ewwel ċimiterji Kristjani, li jmorru lura għal dak iż-żmien, tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Sal-aħħar tas-seklu, it-tmexxija Rumana fl-inħawi ddgħajfet, l-iktar minħabba l-attakki mill-Barbari u mill-Unni.
Meta Karlu Manju wasal fl-inħawi fis-791, il-belt kienet immexxija mill-Avari. Karlu Manju, wara li ħakem l-inħawi, annetta l-belt mal-Imperu Ruman Sagru.[7] Kienet tagħmel parti mid-Djoċesi ta' Salzburg.[8]
Dokument miktub f'Salzburg fit-871 huwa l-ewwel dokument li fih tissemma l-belt Medjevali bikrija bl-isem ta' Quinque Basilicae. Matul is-seklu 9, il-belt kienet abitata mill-popli Slaviċi u mill-Avari u kienet parti mill-Prinċipat ta' Balaton, stat vassall tal-Franki.
Skont it-teorija tat-toponimi ta' György Györffy, wara li l-Ungeriżi ħakmu l-Baċir tal-Karpazji, żammew l-istil ta' ħajja seminomadiku tagħhom, u kienu jirgħu f'postijiet differenti fix-xitwa u fis-sajf. Il-kwartieri tax-xitwa ta' Árpád – ovvjament wara l-okkupazzjoni ta' Pannonia fid-900 – x'aktarx li kienu f'Pécs. Iktar 'il quddiem, meta ġie stabbilit il-Comitatus ta' Baranya, il-belt kapitali tal-comitatus ma kinitx Pécs iżda kastell fil-qrib imsejjaħ Baranyavár ("il-Kastell ta' Baranya"). Madankollu, Pécs saret ċentru reliġjuż u sede episkopali importanti. Fid-dokumenti bil-Latin, il-belt issemmiet bħala Quinque Ecclesiae. Għall-ħabta tas-sena 1000, iż-żona ġiet abitata mill-Ungeriżi (Magyar) Suwed. Il-Patt tal-Istabbiliment tad-Djoċesi ta' Pécs inħareġ fl-1009.
Id-Djoċesi Kattolika Rumana ta' Pécs ġiet stabbilita fl-1009 minn Stiefnu I, u l-ewwel università fl-Ungerija ġiet stabbilita f'Pécs fl-1367 minn Lwiġi I il-Kbir. L-ikbar università għadha tinsab f'Pécs u tilqa' madwar 34,000 student.[9]
Peter Orseolo, it-tieni re tal-Ungerija, indifen fil-katidral fl-1046. Il-pożizzjoni tal-qabar tiegħu mhix magħrufa. Dan għaliex fl-1064, meta r-Re Solomon għamel paċi ma' kuġinuh, li iktar 'il quddiem sar ir-Re Géza I, huma ċċelebraw l-Għid flimkien f'Pécs. Ftit wara, il-katidral ħa n-nar. Il-katidral attwali huwa rikostruzzjoni li saret fit-tieni nofs tas-seklu 11.
Diversi ordnijiet reliġjużi stabbilew ruħhom f'Pécs. L-Ordni Benedittina kienet l-ewwel waħda fl-1076. Fl-1181 diġà kien hemm sptar fil-belt. L-ewwel monasteru Dumnikan tal-pajjiż inbena f'Pécs fl-1238.
Ir-Re Lwiġi l-Kbir stabbilixxa università f'Pécs fl-1367 fuq parir ta' William, l-isqof ta' Pécs, li kien ukoll il-kanċillier tar-re. Din kienet l-ewwel università fl-Ungerija. Id-dokument tal-istabbiliment huwa kważi identiku, kelma b'kelma, għal dak tal-Università ta' Vjenna, fejn jiġi ddikjarat li l-università għandha d-dritt li tgħallem l-arti u x-xjenzi, bl-eċċezzjoni tat-teoloġija.
Fl-1459, Janus Pannonius, l-iżjed poeta Umanista Medjevali importanti tal-Ungerija sar l-isqof ta' Pécs. Huwa saħħaħ l-importanza kulturali tal-belt.
Pécs saret waħda miċ-ċentri kulturali u tal-arti tal-pajjiż bis-saħħa tal-isqof Janus Pannonius.[10]
Wara l-Battalja ta' Mohács (1526) fejn l-armata Ottomana għelbet l-armati tar-Re Lwiġi II, l-armati ta' Suleiman okkupaw lil Pécs. Mhux talli parti kbira mill-pajjiż kien okkupat mill-Ottomani, talli l-opinjoni pubblika kienet diviża wkoll rigward min kellu jkun ir-re tal-Ungerija. Parti miċ-ċittadini kienu jappoġġaw lil Ferdinandu tal-Asburgi, u parti oħra inkurunat lil John Zápolya f'Székesfehérvár. Iċ-ċittadini ta' Pécs kienu jappoġġaw lill-Imperatur Ferdinandu, iżda l-bqija tal-Kontea ta' Baranya kienet tappoġġa lir-Re John. Fis-sajf tal-1527 Ferdinandu rebaħ kontra l-armati ta' Szapolyai u ġie inkurunat re fit-3 ta' Novembru. Ferdinandu kellu għal qalbu l-belt minħabba l-appoġġ li kellu, u eżenta l-belt mill-ħlas tat-taxxi. Pécs ġiet rikostruwita u ffortifikata.
Fl-1529, l-Ottomani reġgħu ħakmu lil Pécs, u għamlu kampanja militari kontra Vjenna. L-Ottomani obbligaw lil Pécs taċċetta lir-Re John (li kien alleat magħhom) bħala l-mexxej. John miet fl-1540. Fl-1541, l-Ottomani okkupaw il-Kastell ta' Buda, u ordnaw lil Isabella, l-armla ta' John tagħtihom il-belt ta' Pécs, peress li l-belt kellha importanza strateġika. Iċ-ċittadini ta' Pécs iddefendew il-belt kontra l-Ottomani, u kienu leali lejn Ferdinandu. L-imperatur għen il-belt u ddefendiha minn attakki oħra tal-Ottomani, iżda l-konsulenti tiegħu pperswadewh jiffoka iktar fuq il-bliet ta' Székesfehérvár u Esztergom minflok fuq Pécs. Pécs kienet qed tħejji għall-assedju, iżda jum qabel, merċenarji Fjammingi u tal-Wallonja ħarbu mill-belt u attakkaw l-artijiet fil-qrib. L-għada f'Ġunju 1543, l-isqof innifsu mar għand l-Ottomani bl-imfietaħ tal-belt.
Wara li okkupaw il-belt, l-Ottomani ffortifikawha u kkonvertewha f'belt Ottomana. Il-knejjes Kristjani ġew ikkonvertiti f'moskej; inbnew banjijiet Torok u minareti, ġew stabbiliti skejjel Iżlamiċi tat-tagħlim tal-Koran, u minflok is-suq kien hemm bażaar. Għal mitt sena l-belt kienet gżira ta' paċi f'art mifnija bil-gwerra. Għall-ewwel kienet ċentru sanjak f'Budin Eyalet u iktar 'il quddiem f'Kanije Eyalet bħala "Peçuy".
L-era Ottomana wasslet għal bosta binjiet ikoniċi jew għeliem, fosthom il-Moskea ta' Paxà Qasim ir-Rebbieħ fil-Pjazza ta' Széchenyi, il-Qabar ta' İdris Baba, u l-Moskea ta' Yakovalı Hasan Paşa.
Il-kronista Ottoman İbrahim Peçevi (Ibrahim ta' Pécs), li x-xogħol tiegħu jifforma l-korp ewlieni ta' referenza għall-istorja Ottomana bejn l-1520 u l-1640, twieled fil-belt.
Fl-1664, in-nobbli Kroat-Ungeriż Nicholas Zrínyi wasal f'Pécs flimkien mal-armata tiegħu. Peress li l-belt kienet parti sew mit-territorji Ottomani, kienu jafu li anke jekk jirnexxilhom jokkupawha, ma kinux se jżommuha wisq fit-tul, u għalhekk ippjanaw li jisirqu r-rikkezzi tagħha biss. Huma ħarbtu l-belt u tawha n-nar iżda ma setgħux jokkupaw il-kastell. Il-belt Medjevali ta' Pécs inqerdet għalkollox, għajr il-ħajt madwar il-belt storika, bastjun wieħed (il-Barbakán), u n-network ta' mini u ta' katakombi taħt il-belt, li partijiet minnhom huma magħluqa filwaqt li partijiet oħra huma parti mis-sjieda tal-fabbrika famuża tax-xampanja Litke u llum il-ġurnata huma miftuħa għall-pubbliku. Instabu wkoll diversi monumenti Torok, fosthom tliet moskej, żewġ minareti, il-fdalijiet ta' banju fuq l-oqbra Kristjani antiki ħdejn il-katidral, u diversi djar, waħda minnhom saħansitra b'balla ta' kanun imwaħħla fil-ħajt.
Wara li l-Kastell ta' Buda nħeles minn taħt l-Ottomani fl-1686, l-armati ħakmu l-kumplament ta' Pécs. Il-gwardji li avvanzaw setgħu jidħlu fil-belt u jisirqu r-rikkezzi tagħha. Kif l-Ottomani raw li ma setgħux jibqgħu jżommu l-belt, tawha n-nar u rtiraw fil-kastell. L-armata mmexxija minn Lwiġi ta' Baden okkupat il-belt fl-14 ta' Ottubru u qerdet l-akkwedott li kien iwassal l-ilma lejn il-kastell. B'hekk l-Ottomani ma kellhom l-ebda għażla oħra għajr li jarrendu, u hekk għamlu fit-22 ta' Ottubru.
Il-belt kienet taħt il-liġi marzjali taħt il-kmand ta' Karl von Thüngen. Il-qorti ta' Vjenna riedet teqred il-belt għall-ewwel, iżda iktar 'il quddiem iddeċidiet li żżommha bħala kontrobilanċ għall-importanza ta' Szigetvár, li kienet għadha taħt tmexxija Ottomana. Bil-mod il-mod il-belt reġgħet bdiet tiffjorixxi, iżda fis-snin 90 tas-seklu 17 faqqgħu żewġ epidemiji tal-pesta u mietu ħafna nies. Fl-1688 waslu l-insedjaturi Ġermaniżi. Madwar kwart biss tal-popolazzjoni tal-belt kienu Ungeriżi, il-kumplament kienu Ġermaniżi jew Slavi tan-Nofsinhar. Ċensiment ta' min ħallas it-taxxi fl-1698 jelenka 637 familja u Janja Živković Mandić jikkonkludi li 308 familji kellhom nazzjonalità Kroata (Kroati Kattoliċi, Racs, Šokci, Bunjevci, Illirjani, Slavi, Bożnijaċi) u t-329 l-oħra kienu Ungeriżi, Ġermaniżi, Serbjani jew Griegi. Skont l-istess ċensiment, István Tabo jsemmi 171 Ungeriż, 349 Slav u 79 Ġermaniż, filwaqt li Đuro Šarošac isemmi li dak iż-żmien fil-belt kienu jgħixu 325 Kroat, 139 Ungeriż, 92 Ġermaniż, 53 Vlach u 28 Serb. Skont id-data tal-1698, is-Slavi tan-Nofsinhar kienu jirrappreżentaw iktar minn nofs il-popolazzjoni tal-belt. Minħabba li l-Ungeriżi kienu biss minoranza tal-popolazzjoni, Pécs ma kinitx tappoġġa r-rivoluzzjoni kontra l-Asburgi mmexxija minn Francis II Rákóczi, u l-armati tiegħu serqu r-rikkezzi tal-belt fl-1704.[11]
Wara l-1710 bdiet era iktar paċifika. L-industrija, il-kummerċ u l-vitikultura ffjorixxew, ġew stabbiliti l-manifatturi, u nbena muniċipju ġdid għall-belt. Il-mexxej fewdali tal-belt kien l-Isqof ta' Pécs, iżda l-belt riedet teħles mill-kontroll episkopali. L-Isqof George Klimó, raġel għaref li stabbilixxa l-ewwel librerija pubblika tal-pajjiż, kien jaqbel li jċedi d-drittijiet li kellu fuq il-belt, iżda s-Santa Sede pprojbietu milli jagħmel dan. Meta Klimó miet fl-1777, ir-Reġina Marija Tereża mill-ewwel elevat lil Pécs għal belt irjali ħielsa qabel ma ġie elett isqof ġdid. Dan sewa lill-belt 83,315-il fjorin.
Skont l-ewwel ċensiment tal-1787 mill-Ordni ta' Josef II, f'Pécs kien hemm 1,474 dar u 1,834 familja, u b'kollox kien hemm 8,853 resident, li minnhom 133 kienu patrijiet u 117 kienu nobbli.
Fl-1785, l-Akkademja ta' Győr ġiet ittrasferita f'Pécs. Din l-akkademja eventwalment evolviet fi skola tad-dritt. L-ewwel teatru tal-ġebel tal-belt inbena fl-1839. Dak iż-żmien ta' Marija Tereża u binha Josef II, fil-belt insedjaw ruħhom ukoll nies mis-Swabja tul id-Danubju, il-Ġermanja.
L-industrija żviluppat ħafna fit-tieni nofs tas-seklu 19. Sal-1848, kien hemm 1,739 ħaddiem industrijali. Uħud mill-manifatturi kienu famużi fuq livell nazzjonali. Il-fabbriki tal-ħadid u tal-karta kienu fost l-iżjed moderni ta' dak iż-żmien. L-estrazzjoni tal-faħam kienet rilevanti. Inbnew ukoll fabbrika taz-zokkor u birrerija. Dak iż-żmien il-belt kellha 14,616-il resident.
Matul ir-rivoluzzjoni tal-1848-1849, Pécs ġiet okkupata mill-armati Kroati għal żmien qasir, iżda nħelset minnhom bis-saħħa tal-armati tal-Asburgi f'Jannar 1849.
Wara l-Kompromess Awstrijak-Ungeriż tal-1867, il-belt ta' Pécs żviluppat ferm, bħall-bliet u l-irħula l-oħra kollha tal-pajjiż. Mill-1867, Pécs ġiet ikkollegata mar-raħal fil-qrib ta' Barcs permezz ta' linja ferrovjarja, u mill-1882 ġiet ikkollegata wkoll ma' Budapest. Fl-1913 ġiet stabbilita sistema tat-tramm, iżda ma baqgħetx topera mill-1960.
Lejn l-aħħar tal-Ewwel Gwerra Dinjija, il-Kontea ta' Baranya ġiet okkupata mit-truppi Serbjani, u damet sa Awwissu 1921 biex tiżgura li baqgħet parti mill-Ungerija. L-Università ta' Pressburg (illum il-ġurnata Bratislava, is-Slovakkja) ġiet ittrasferita f'Pécs wara li l-Ungerija tilfet lil Pressburg skont it-Trattat ta' Trianon.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Pécs inħatfet mit-truppi Sovjetiċi tat-Tielet Front Ukren fid-29 ta' Novembru 1944 matul l-Offensiva ta' Budapest. Il-belt ġarrbet ħsarat żgħar biss, minkejja li seħħet battalja kbira bit-tankijiet tal-gwerra xi 20-25 kilometru (12-16-il mil) fin-Nofsinhar tal-belt, qrib l-inħawi ta' Villány, meta l-Armata Ħamra avvanzat lejn l-Awstrija. Sa tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, il-maġġoranza tal-abitanti kienu nies mis-Swabja tul id-Danubju. Uħud mill-eks insedjaturi Ġermaniżi tkeċċew lejn il-Ġermanja u l-Awstrija fl-1945-1948, bis-saħħa tal-Ftehim ta' Potsdam. Il-Ġermaniżi tal-Ungerija xorta waħda għadhom minoranza fil-belt.[12]
Wara l-gwerra, l-iżvilupp reġa' qabad malajr ġmielu, u l-belt kibret u assorbiet diversi rħula fil-qrib. Fis-snin 80 tas-seklu 20, Pécs diġà kellha 180,000 abitant.[13]
Sena | Pop. | ± % |
---|---|---|
1870 | 30,821 | — |
1890 | 43,869 | +42.3 % |
1900 | 53,721 | +22.5 % |
1910 | 60,237 | +12.1 % |
1920 | 58,808 | −2.4 % |
1930 | 74,395 | +26.5 % |
1941 | 88,473 | +18.9 % |
1949 | 88,302 | −0.2 % |
1960 | 114,655 | +29.8 % |
1970 | 149,253 | +30.2 % |
1980 | 168,715 | +13.0 % |
1990 | 170,039 | +0.8 % |
2001 | 162,489 | −4.4 % |
2011 | 156,049 | −4.0 % |
2020 | 141,843 | −9.1 % |
Wara t-tmiem tal-era Soċjalista (1989-1990), Pécs u l-kontea tagħha, bħal ħafna inħawi oħra, ġew affettwati ħażin mit-tibdil: ir-rata tal-qgħad kienet għolja, il-minjieri u diversi fabbriki għalqu, u l-gwerra fl-eks Jugoslavja fis-snin 90 tas-seklu 20 affettwat it-turiżmu.
Pécs kienet ukoll iċ-ċentru tal-Grupp tal-Appoġġ Nordiku (NSG) li kien jikkonsisti minn unitajiet mid-Danimarka, min-Norveġja, mill-Iżvezja, mill-Finlandja u mill-Polonja, bħala parti mill-iskjeramenti IFOR u mbagħad SFOR tan-NATO, wara l-Ftehim ta' Dayton u wara li nkisbet il-paċi fl-eks Jugoslavja; l-ewwel unitajiet ġew skjerati f'Pécs lejn l-aħħar tal-1995 u l-bidu tal-1996. L-NSG ħadet ħsieb it-twassil tal-provvisti u tal-persunal u ħadet ħsieb kompiti loġistiċi oħra bejn il-pajjiżi parteċipanti u l-forzi skjerati tagħhom fil-Bożnija-Ħerzogovina.
Fl-1998 Pécs ingħatat l-premju tal-UNESCO "Bliet għall-Paċi" talli żammet il-minoranzi kulturali tagħha, u anke għall-attitudni tolleranti u ta' għajnuna fil-konfront tar-refuġjati tal-Gwerer tal-Jugoslavja.[14]
Fl-2007 Pécs ġiet ikklassifikata fit-tielet post, u fl-2008 ġiet ikklassifikata fit-tieni post bħala "Belt li Tgħix Fiha" (il-Premjijiet LivCom)[15] fil-kategorija ta' bliet b'bejn 75,000 u 200,000 abitant.[16]
Fl-2010, Pécs intgħażlet bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura flimkien ma' Essen u Istanbul. Il-motto tal-belt huwa "Il-Belt Mingħajr Fruntieri". Wara li ngħatat dan it-titlu, il-belt bdiet tiġi rinnovata ferm.[17] Ġew iddisinjati u rinnovati l-postijiet pubbliċi, it-toroq, il-pjazez u l-kwartieri tal-belt, u nbnew ċentri kulturali ġodda, sala ġdida tal-kunċerti, librerija ġdida u kwartier kulturali ġdid sħiħ.[18]
In-Nekropoli Kristjana Bikrija ta' Pécs (Sopianae) ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[6]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[6]
Eżempju tajjeb tal-istorja tal-belt u tal-imgħoddi interessanti tagħha joħroġ fid-dieher fil-pjazza prinċipali, fejn għad hemm il-Moskea ta' Gazi Kasim, u għalkemm ġiet ikkonsagrata bħala knisja wara li t-Torok Ottomani rtiraw sekli ilu, in-nofs qamar tal-Iżlam għadu viżibbli fuq il-koppla, u fuqu hemm salib. Tabilħaqq, Pécs hija l-iżjed belt rikka f'termini ta' arkitettura Torka, permezz tal-fdalijiet notevoli tal-Banjijiet ta' Memi Pasa u l-mawżolew ta' Idris Baba, fost l-oħrajn. Il-Moskea ta' Yakovalı Hasan Paşa, li tmur lura għal nofs is-seklu 16, għadha tiffunzjona bħala moskea attiva u hija miftuħa għall-pubbliku għajr waqt is-servizzi tal-Ġimgħa mis-2.30 sat-3.30 ta' waranofsinhar.
Dawn ta' hawn taħt huma l-attrazzjonijiet prinċipali tal-belt:
Il-maġġoranza taċ-ċittadini (84.0 %) huma Ungeriżi skont iċ-ċensiment tal-2011. Il-Ġermaniżi fil-belt huma l-ikbar minoranza (4.2 %), segwiti mir-Rom (2.0 %), mill-Kroati (1.2 %) u mir-Rumeni (0.2 %).
L-ikbar grupp reliġjuż huma l-Kattoliċi b'39.7 % Kattoliċi Rumani u 0.3 % Kattoliċi Griegi. It-tieni l-ikbar denominazzjoni huma l-Kalvinisti (5.2 %) u t-tielet huma l-Luterani (1.3 %). 27.8 % tal-popolazzjoni mhumiex reliġjużi.
Minħabba l-għadd ta' studenti internazzjonali li jistudjaw u jgħixu f'Pécs, hemm diversità notevoli ta' ċittadini mhux permanenti.
Data klimatika għal Pécs | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 1.6
(34.9) |
4.8
(40.6) |
10.3
(50.5) |
16.0
(60.8) |
20.9
(69.6) |
24.0
(75.2) |
26.3
(79.3) |
25.9
(78.6) |
22.3
(72.1) |
16.6
(61.9) |
8.8
(47.8) |
3.4
(38.1) |
15.1
(59.1) |
Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) | −1.4
(29.5) |
1.3
(34.3) |
5.6
(42.1) |
10.7
(51.3) |
15.5
(59.9) |
18.6
(65.5) |
20.5
(68.9) |
20.1
(68.2) |
16.6
(61.9) |
11.3
(52.3) |
5.1
(41.2) |
0.6
(33.1) |
10.4
(50.7) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | −4.0
(24.8) |
−1.7
(28.9) |
1.6
(34.9) |
6.0
(42.8) |
10.5
(50.9) |
13.6
(56.5) |
15.0
(59.0) |
14.7
(58.5) |
11.7
(53.1) |
7.0
(44.6) |
2.2
(36.0) |
−1.7
(28.9) |
6.2
(43.2) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 39
(1.5) |
32
(1.3) |
38
(1.5) |
55
(2.2) |
63
(2.5) |
84
(3.3) |
61
(2.4) |
63
(2.5) |
47
(1.9) |
37
(1.5) |
56
(2.2) |
44
(1.7) |
619
(24.5) |
Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 1.0 mm) | 7 | 6 | 7 | 8 | 9 | 10 | 7 | 7 | 6 | 6 | 8 | 8 | 89 |
Umdità relattiva medja (%) | 90 | 85 | 70 | 65 | 65 | 70 | 70 | 70 | 75 | 80 | 85 | 90 | 76.3 |
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar | 68.2 | 92.4 | 145.7 | 186.0 | 235.6 | 258.0 | 294.5 | 266.6 | 207.0 | 164.3 | 81.0 | 58.9 | 2,058.2 |
Sors: Climates to travel.[19] |
Storikament Pécs kienet magħrufa sew fl-Ungerija għall-industrija tagħha b'diversi fabbriki, iżda wara l-waqgħa tal-Purtiera tal-Ħadid ħafna minnhom ma felħux għat-tranżizzjoni ekonomiku u fallew (eż. Pécsi Kesztyűgyár, Pécsi Bőrgyár, Littke Pezsgőgyár, eċċ.).[20] Sa ftit snin ilu, il-belt kellha minjiera tal-faħam u tal-uranju, iżda issa baqgħet teżisti biss il-minjiera tar-ramel li tiġi operata mill-kumpanija tal-estrazzjoni Ungeriża msejħa Quartz.[21]
Il-fabbrika tal-porċellana tant famuża nazzjonalment (u sa ċertu punt internazzjonalment ukoll), Zsolnay Porcelain hija l-mimmi ta' għajnejn Pécs. Il-ħitan u s-soqfa ta' diversi binjiet pubbliċi u privati fil-belt huma mżejna bil-porċellana tal-kumpanija u b'hekk joħolqu l-pajsaġġ urban uniku ta' Pécs.
Il-Pécsi Sörfőzde (il-Birrerija ta' Pécs) hija waħda mill-erba' birreriji Ungeriżi prinċipali (l-oħrajn huma l-Birreriji ta' Dreher, Borsod u Heineken Hungária), iżda l-unika waħda minnhom b'sjieda Ungeriża għalkollox. Tipproduċi birra speċjali, li hija magħrufa għax ma tissaffiex qabel l-ibbottiljar.[22]
Il-manifattur Ungeriż tat-tessuti Rovitex Hungária, il-manifattur Amerikan tal-krejnijiet Terex[23], il-manifattur Ungeriż tal-imwieżen Pécsi Mérlegstúdió[24], il-manifattur Ungeriż tal-għamara Megyeri Bútor[25], il-manifattur Ungeriż tal-għodda għall-qtugħ FORSZ[26], il-manifattur Ġermaniż tal-iswiċċbords HB-Kapcsolószekrénygyártó (parti minn Bader Gruppe)[27], il-kumpanija Ungeriża tar-riċiklaġġ Alcufer[28], il-manifattur agrikolu Ungeriż HIDROT[29], il-manifattur Ungeriż tal-għodda tat-trobbija tal-annimali Önitató[30], il-fabbrika tat-tabakk Pécsi Dohánygyár (bis-sjieda f'idejn il-British American Tobacco), il-manifattur Ungeriż tal-ispare parti tal-karozzi Matro[31], il-manifattur Ungeriż tal-kaxxaforti Strauss Metal[32], il-manifattur Ungeriż tal-makkinarji tal-ippakkjar SOMAPAK[33], il-produttur Ungeriż tal-plastik Termoplast[34], l-Istamperija Bocz[35], il-manifattur Ungeriż tal-pikles Babina[36], il-manifattur Ungeriż tal-prodotti tal-plastik Karsai Pécs[37], u l-manifattur Ungeriż tal-metall Riner Metal[38], huma bbażati hemmhekk u għandhom faċilitajiet tal-produzzjoni fil-belt.
Hemm żvilupp gradwali tal-industrija moderna tat-teknoloġija avvanzata, pereżempju bil-kumpanija Finlandiża tal-manifattura tal-elettronika Elcoteq, li hija l-ikbar impjegatur industrijali fil-belt, flimkien mal-manifattur Ungeriż tal-elettronika Z Elektronika[39] u mal-manifattur Ungeriż tan-networks informatiċi TG Netcom.[40]
Il-kumpanija Ġermaniża tat-trasport, Dachser, għandha ċentru tal-loġistika f'Pécs.
Il-kumpanija tal-immaniġġjar u tar-riċiklaġġ tal-iskart Biokom[41] (b'sjieda f'idejn il-belt) hija responsabbli għat-trasport u għar-riċiklaġġ tal-iskart fit-territorju kollu ta' Pécs u fl-inħawi tal-madwar. L-enerġija li tintuża fl-insedjament tiġi prodotta l-iktar miż-żewġ impjanti tal-bijomassa ta' Pannonpower (parti minn Veolia) li jikkonsistu minn impjant tal-enerġija mħaddem bil-laqx tal-injam ta' 49,9 MW u minn impjant tal-enerġija mħaddem bil-prodotti agrikoli sekondarji ta' 35 MW.[42] L-ikbar għalqa b'ċelloli solari tal-pajjiż tinsab f'Pécs ukoll, bis-saħħa tal-pożizzjoni tal-belt fin-Nofsinhar u l-ammont ta' sigħat ta' xemx fil-belt, u din tista' tipproduċi madwar 10 MW ta' enerġija fis-sena. L-impjant tal-enerġija solari huwa operat minn MVM Hungarowind (parti mill-Grupp MVM).[43]
Iċ-Ċentru Expo ta' Pécs għall-Wirjiet u l-Konferenzi jipprovdi spazju għall-wirjiet u għall-konferenzi internazzjonali.
L-Università ta' Pécs ġiet stabbilita minn Lwiġi I tal-Ungerija fl-1367. Hija l-eqdem università fl-Ungerija, u hija fost l-ewwel universitajiet Ewropej. Dan l-aħħar kienet maqsuma f'żewġ entitajiet, waħda għall-Mediċina u l-Ortodontika (POTE) u oħra ikbar għal studji oħra: JPTE (Janus Pannonius Tudományegyetem).[44] Il-POTE (l-Iskola Medika tal-Università ta' Pécs, issa magħrufa bħala l-Iskola Medika) għandha programm kbir bl-Ingliż għall-mediċina ġenerali u għad-dentistrija (bi studenti mill-Amerka, mill-Asja, mill-Afrika u mill-Ewropa, inkluż bosta Skandinavi) u programm ġdid bil-Ġermaniż. Fl-1 ta' Jannar 2000, dawn iż-żewġ entitajiet ġew imwaħħda bl-isem ta' Università ta' Pécs (bl-akronimu: PTE - Pécsi Tudományegyetem - l-Università ta' Pécs). Illum il-ġurnata, l-Università ta' Pécs saret l-iżjed università internazzjonalizzata fl-Ungerija b'madwar 5,000 student internazzjonali minn total ta' madwar 20,000 student (madwar 25 %).[45]
Is-sindku attwali ta' Pécs huwa Attila Péterffy (Pécs Jövője, Öt Torony).
L-Assemblea Muniċipali lokali, eletta fl-elezzjonijiet tal-gvern lokali fl-2019, hija magħmula minn 26 membru (Sindku, 18-il kostitwenza individwali jew MEPs u seba' MEPs mil-Lista ta' Kumpens), maqsuma f'partiti u f'alleanzi politiċi kif ġej:[46]
Partit | Siġġijiet | |
---|---|---|
Pécs Jövője | 18 | |
Fidesz-KDNP-ÖPE | 7 | |
Politics Can Be Different | 1 |
Il-politiki mfassla minn Fidesz f'Pécs inkludew liġi tal-2014, li permezz tagħha huwa illegali li tgħix fil-belt mingħajr saqaf fuq rasek[47], u sejħa uffiċjali tal-2017 biex is-sidien tal-proprjetà ma jagħtux spazju lil NGO appoġġata mill-OSF.[48]
Lista ta' sindki tal-belt mill-1990:
Membru | Partit | Mandat | |
---|---|---|---|
Zoltán Krippl | SZDSZ | 1990–1994 | |
Zsolt Páva | Fidesz | 1994–1998 | |
László Toller | MSZP | 1998–2006 | |
Péter Tasnádi | MSZP | 2006–2009 | |
Zsolt Páva | Fidesz | 2009–2019 | |
Attila Péterffy | Indipendenti | 2019– |
Pécs hija kkollegata ma' Budapest permezz ta' Pusztaszabolcs, u għandha kollegamenti diretti ma' Mohács u ma' Nagykanizsa.
Iddisinjat minn Ferenc Pfaff, l-istazzjon ferrovjarju prinċipali nbena fl-1900 u sar binja elenkata fl-2008. Il-binja stess inbniet bl-istil tal-Ekklettiċiżmu Rinaxximentali, u fiha riljievi ta' James Watt u ta' George Stephenson iddisinjati minn Klein Ármin u magħmula mill-fabbrika ta' Zsolnay. Fil-pjazza quddiem l-istazzjon ferrovjarju hemm ċentru kbir ta' tranżitu, inkluż venda tal-karozzi tal-linja, waqfa tal-karozzi tal-linja u żona tat-taksis.
Bejn l-1914 u l-1960 fil-belt kien jopera t-tramm ukoll.
Il-karozzi tal-linja huma l-mezz primarju tat-trasport pubbliku fil-belt.
F'Marzu 2006 infetaħ ajruport ġdid f'Pécs, imsejjaħ l-Ajruport Internazzjonali ta' Pécs-Pogány. It-traffiku prinċipali tiegħu huwa fornut minn ajruplani żgħar mikrija.
Pécs hija ġemellata ma':[49][50]
Il-belt għandha rabta amikevoli informali ma' Peterborough, l-Ingilterra.
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.