Remove ads
post żgħir, binja żgħira jew kamra fejn jinġabru l-Kristjani għall-qima; tista' tkun binja għaliha jew parti minn binja oħra bħal knisja From Wikipedia, the free encyclopedia
Kappella hija post ta' talb u ta' qima tal-Kristjaneżimu li s-soltu jkun relattivament żgħir u distint minn knisja. It-terminu ‘kappella' għandu iktar minn tifsira waħda. L-ewwel nett, spazji żgħar bl-artal tagħhom fi ħdan knisja spiss jissejħu kappelli. Imbagħad, kappella hija post ta' qima, xi kultant mhux ta' duttrina speċifika[1], li tkun parti minn binja jew minn kumpless bi skop ewlieni ieħor, mhux bilfors reliġjuż, bħal ngħidu aħna skola, kulleġġ, sptar, palazz jew dar aristokratika kbira, kastell, kwartier tas-suldati, ħabs, stabbiliment funebri, ċimiterju, ajruport, jew bastiment militari jew kummerċjali.[2] It-tielet, il-kappelli huma postijiet żgħar ta' qima, li jkunu mibnijin bħala siti għalihom minn knisja jew minn monasterju, pereżempju f'żoni remoti. Karatteristika ta' dawn it-tipi kollha ta' kappelli sikwit tkun li l-ebda kleru ma jkun resident permanenti jew mehmuż b'mod speċifiku mal-kappella.
Fl-aħħar nett, għal raġunijiet storiċi, it-terminu ‘kappella' jintuża wkoll minn denominazzjonijiet indipendenti jew nonkonformisti għall-postijiet ta' qima tagħhom fil-Gran Brittanja, anke meta jkunu kbar u fil-prattika joperaw bħala knisja parrokkjali.[3][4]
L-ewwel postijiet Kristjani ta' qima, illum il-ġurnata spiss jissejħu kappelli, peress li ma kinux binjiet għalihom iżda iktar kompartiment jew kamra apposta fi ħdan binja oħra. Il-biċċa l-kbira tal-knejjes il-kbar kellhom xi artal sekondarju wieħed jew iktar, li meta kien jinsabu fi spazju distint spiss kienu jissejħu kappella. Fit-tradizzjoni Ortodossa Russa, il-kappelli kienu jinbnew taħt il-bibien tal-bliet, fejn il-maġġoranza tan-nies setgħu jżuruhom. L-iktar eżempju famuż huwa l-Kappella Iberika.
Għalkemm il-kappelli spiss jirreferu għal postijiet Kristjani ta' qima, sikwit jinsabu wkoll fis-sinagogi tal-Lhud u mhux neċessarjament ikunu jintużaw minn denominazzjoni speċifika. Fl-Ingilterra, fejn il-Knisja tal-Ingilterra hija stabbilita bil-liġi, il-kappelli mingħajr denominazzjoni speċifika jew interreliġjuża f'tali istituzzjonijiet jistgħu xorta waħda jkunu kkonsagrati mill-isqof Anglikan lokali. Il-kappelli mingħajr denominazzjoni speċifika spiss ikunu jinsabu fi ħdan istituzzjoni mhux reliġjuża bħal sptar, ajruport, università jew ħabs. Ħafna installazzjonijiet militari jaf ikollhom kappelli għall-persunal militari tagħhom, normalment taħt it-tmexxija ta' kappillan militari.[5]
L-ewwel postijiet Kristjani ta' qima ma kinux binjiet għalihom iżda iktar xi kompartiment għalih fi ħdan binja, bħal xi kamra f'dar ta' xi individwu. Fihom persuna jew tnejn setgħu jitolbu mingħajr ma jkunu parti minn kongregazzjoni. In-nies li jħobbu jmorru fil-kappelli jaf iħossuhom iktar fil-paċi u fil-ġabra, 'il bogħod mill-istress tal-ħajja, waħedhom milli fil-preżenza ta' ħafna nies madwarhom.
Il-kelma ‘kappella', bħall-kelma “kappillan” assoċjata magħha, oriġinat mil-Latin.[6] Iktar speċifikament, il-kelma ‘kappella' ġejja mir-relikwa ta' San Martin ta' Tours. Skont ġrajjiet tradizzjonali, San Martin, meta kien għadu suldat, ċarrat il-mantar militari tiegħu min-nofs biex jagħti parti minnu lil tallab fil-bżonn. In-nofs l-ieħor libsu fuq spallejh bħal kappa żgħira (bil-Latin: capella). Skont il-ġrajjiet, it-tallab kien Kristu nnifsu, u San Martin ħass il-vokazzjoni, u l-ewwel sar patri, imbagħad sar superjur tal-patrijiet, u mbagħad sar isqof. Din il-kappa spiċċat f'idejn ir-rejiet Franki, u żammewha magħhom bħala relikwa fil-ħafna battalji tagħhom. It-tinda li kienu jżommu l-kappa fiha kienet tissejjaħ proprju capella u l-qassisin li kienu jiċċelebraw il-quddiesa ta' kuljum fit-tinda kienu magħrufin bħala l-capellani. Dawn il-kelmiet baqgħu jintużaw sa llum il-ġurnata bit-tifsiriet kif nafuhom illum.
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.