![cover image](https://wikiwandv2-19431.kxcdn.com/_next/image?url=https://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/e/eb/Happy_Valentines_Day.jpg/640px-Happy_Valentines_Day.jpg&w=640&q=50)
Kelma
l-iżgħar element lingwistiku li jista' jitlissen waħdu b'kontenut semantiku jew pragmatiku / From Wikipedia, the free encyclopedia
Fil-linwistika, kelma ta’ lingwa mitkellma tista’ tiġi definita bħala l-iżgħar sekwenza ta’ fonemi li wieħed jista’ jlissen b’mod iżolat b’tifsira oġġettiva jew prattika. F’ħafna lingwi, il-kelmiet jikkorrispondu wkoll għal sekwenzi ta’ grafemi ("ittri") fis-sistemi standard tal-kitba tagħhom li jkunu delimitati minn spazji usa’ mill-ispazju normali ta’ bejn l-ittri fi ħdan l-istess kelma, jew b’konvenzjonijiet grafiċi oħra.[1] Il-kunċett ta’ "kelma" s-soltu jiġi distint minn dak ta’ morfema, li hija l-iżgħar unità ta’ kelma b’tifsira, anke jekk waħedha ma tgħoddx bħala kelma.
![Thumb image](http://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/e/eb/Happy_Valentines_Day.jpg/640px-Happy_Valentines_Day.jpg)
F’bosta lingwi, in-nozzjoni ta’ x’inhi "kelma" tista’ tiġi mgħallma fi ħdan it-tagħlim tas-sistema tal-kitba. Dan japplika għall-Malti, u għall-biċċa l-kbira tal-lingwi li jinkitbu b’alfabeti li oriġinaw mill-alfabeti Latini jew Griegi tal-qedem.
Għad ma hemmx konsensus fost il-lingwisti dwar x’inhi d-definizzjoni proprja ta’ "kelma" f’lingwa mitkellma li tkun indipendenti mis-sistema tal-kitba tagħha, u lanqas dwar id-distinzjoni preċiża bejnha u “morfema”. Din il-kwistjoni għadha tiġi dibattuta b’mod partikolari għaċ-Ċiniż u għal lingwi oħra tal-Lvant tal-Asja u Afro-Asjatiċi.[2]
Fl-ortografija Maltija, is-sekwenzi ta’ ittri "blat", "alla", "beka", "ma’", u "tista’" jitqiesu bħala kelmiet b’morfema waħda, filwaqt li "blatiet", "allat", "bekkej", u "tistax" huma kelmiet magħmula minn żewġ morfemi jew iktar ("blat"+"iet", "alla"+"t", "bek"+"kej", u "tista"+"x"). Fil-Malti u f’ħafna lingwi oħra, il-morfemi li jsawru kelma ġeneralment jinkludu mill-inqas għerq wieħed u possibbilment xi affissi ("-iet", "-x", eċċ.). Il-kelmiet li jkollhom iktar minn għerq wieħed jissejħu kelmiet komposti.
Il-kelmiet jiġu kkombinati biex jiffurmaw elementi oħra tal-lingwa, fosthom frażijiet ("blata ħamra", "raġel jimbuttak"), propożizzjonijiet ("Jien kilt frotta"), u sentenzi ("Jien kilt frotta, imma ma xbajtx").