Katidral ta' Amiens
katidral f'Amiens, Franza / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Bażilika-Katidral tal-Madonna ta' Amiens (bil-Franċiż: Basilique Cathédrale Notre-Dame d'Amiens), jew sempliċement il-Katidral ta' Amiens, huwa knisja Kattolika Rumana. Il-katidral huwa s-sede tal-Isqof ta' Amiens.[1] Jinsab fuq għolja żgħira fuq ix-xmara Somme f'Amiens, il-belt kapitali amministrattiva tar-reġjun ta' Picardie ta' Franza, madwar 120 kilometru (75 mil) fit-Tramuntana ta' Pariġi.
Il-katidral inbena kważi kollu bejn l-1220 u madwar l-1270, perjodu tassew qasir għal katidral Gotiku, u b'hekk għandha unità mhux tas-soltu fl-istil. Il-Katidral ta' Amiens huwa eżempju klassiku tal-istil Gotiku Superjuri tal-arkitettura Gotika. Għandu wkoll xi karatteristiċi tal-istil Rayonnant ta' wara fit-twieqi għoljin imkabbrin tal-kor, li ġew miżjuda f'nofs is-snin 50 tas-seklu 13.[2]
Il-bennejja tiegħu ppruvaw jimmassimizzaw id-dimensjonijiet interni sabiex jgħollu il-binja kemm jistgħu u jidħol iktar dawl. B'riżultat ta' dan, il-Katidral ta' Amiens huwa l-ikbar wieħed fi Franza[3], u fih 200,000 metru kubu, jiġifieri kbir biżżejjed bih ġo fih joqogħdu żewġ katidrali bid-daqs tal-Katidral ta' Notre Dame ta' Pariġi.[4]
Il-katidral tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[5] Għalkemm tilef il-biċċa l-kbira tal-ħġieġ ikkulurit oriġinali tiegħu, il-Katidral ta' Amiens huwa rinomat għall-kwalità u għall-kwantità ta' skulturi Gotiċi bikrin tas-seklu 13 fil-faċċata prinċipali tal-Punent u fil-portal tat-transett tan-Nofsinhar, kif ukoll għall-kwantità kbira ta' skulturi polikromatiċi minn perjodi iktar 'il quddiem fuq ġewwa tal-binja.