speċi ta' pjanta mill-familja Capparaceae From Wikipedia, the free encyclopedia
Capparis spinosa, imsejħa wkoll pjanta tal-kappar jew arbuxell tal-kappar[1] hija pjanta perenni li għandha weraq tondi ta' lewn aħdar skur u fjuri kbar bojod.[2][3][4]
Kappar | |
---|---|
Stat ta' konservazzjoni | |
Riskju minimu (IUCN 3.1) | |
Klassifikazzjoni xjentifika | |
Renju | Plantae |
Ordni | Brassicales (en) |
Familja | Capparaceae (en) |
Ġeneru | Capparis (en) |
speċi | Capparis spinosa Linnaeus, 1753
|
Informazzjoni ġenerali | |
Sors | caper (en) u caper berry (en) |
Din il-pjanta hija magħrufa l-aktar għall-blanzuni tal-fjuri li jittieklu (kappar) u l-frotta tal-kappar li tintuża bħala ħwawar mal-ikel.[5] Kemm il-kappar u l-frott tal-kappar huma ġeneralment ikkunsmati b'mod immellaħ u ppreservati fis-salmura[5] Speċi oħra ta' Capparis bħal Capparis orientalis tintuża wkoll flimkien ma' C. spinosa għall-blanzuni jew il-frott tagħhom. Partijiet oħra tal-pjanta tal-kappar jintużaw fil-manifattura ta' prodotti mediċinali u kożmetiċi.[6]
Capparis spinosa tikber kważi fil-pajjiżi Mediterranji kollha, iżda mhuwiex ċert jekk din il-pjanta hijiex indiġena għal dan ir-reġjun.[7] Il-familja ta' Capparis spinosa, il-Capparaceae, setgħet oriġinat fit-tropiċi u aktar tard infirxet u stabbiliet ruħha fir-reġjun tal-Mediterran.[8]
L-istatus tassonomiku ta' din l-ispeċi huwa kontroversjali u mhux stabbilit. L-ispeċi fi ħdan il-ġeneru Capparis huma varjabbli ħafna, u fl-istorja evoluzzjonarja tal-ġeneru Capparis kien hemm ħafna ibridi interspeċifiċi li kienu komuni.[9] Għalhekk, xi awturi jqisu li taħt l-isem C. spinosa hemm ħafna speċijiet distinti.[10] Filwaqt li speċijiet ta' kappar oħra huma varjetajiet jew sottospeċijiet,[11][12] xi awturi huma wkoll tal-fehma li t-takson C. spinosa huwa ibridu bejn iż-żewġ speċijiet; Capparis orientalis u Capparis sicula. [13]
Fil-gżejjer Maltin, l-ispeċi tal-ġeneru Capparis li huma preżenti fis-selvaġġ huma protetti bil-ligi Maltija [14]
Il-pjanta għandha forma ta' arbuxell b'ħafna friegħi, b'weraq oħxon f'forma ovali ta' lewn aħdar ileqq. Il-weraq huwa rranġat b'mod li jalterna tul iz-zokk. Filwaqt li l-fjuri huma kbar, kompluti, fragranti b'riħa ħelwa u jagħtu fl-għajn, b'erba' sepali u petali bojod b'lewn li jagħti għar-roża fl-abjad, b'ħafna stamini twal ta' kulur vjola, u b'stigma waħda li ġeneralment togħla sew 'il fuq mill-istamini.[15]
Capparis spinosa hija mifruxa madwar il-Baċir tal-Mediterran kollu, fil-Peniżola Għarbija, u partijiet mill-Punent tal-Asja u l-Asja ċentrali.[16]
Fin-Nofsinhar tal-Ewropa tinstab fin-Nofsinhar ta' Spanja u tal-Portugall, fil-Lvant ta' Spanja inklużi l-Gżejjer Baleariċi, in-naħa ta' Franza li qegħda mal-kosta tal-Mediterran inkluża Korsika, fl-Italja inklużi l-gżejjer ta' Sqallija u ta' Sardenja, fil-gżejjer Dalmazjani tal-Kroazja, fl-Albanija, fil-Greċja u fil-Gżejjer Griegi, fil-Punent u fin-Nofsinhar tat-Turkija, f'Ċipru u fuq il-Peniżola tal-Krimea fl-Ukrajna. Fi Spanja din il-pjanta tinstab tikber sa 1,300 metru ta' elevazzjoni mil-livell tal-baħar.[7][13]
Filwaqt li fl-Afrika tinstab fit-Tramuntana tal-Afrika kollha u fil-Muntanji Atlas tal-Marokk, fejn tikber mal-livell tal-baħar sa 2,000 metru ta' elevazzjoni, tinstab ukoll fit-Tramuntana tal-Alġerija (Kabylie, iż-żona kostali tal-Alġerija, Bouzaréa, u Oran) u l-Muntanji Hoggar tas-Saħara Alġerina, fit-Tramuntana tas-Saħara tat-Tuneżija, u Cyrenaica fil-Libja.[13]
Fil-Punent tal-Asja tinstab tul il-Lvant tal-Mediterran mil-Libanu, san-Nofsinhar tal-Peniżola tas-Sinaj fl-Eġittu. Tinstab ukoll fin-Nofsinhar tal-Kawkasu fl-Armenja, fl-Ażerbajġan, fil-Ġeorġja, u l-Grigal tat-Turkija.[13] Fil-Peniżola Għarbija, tinstab fl-Oman, fil-Jemen inkluż f'Socotra, u fil-provinċja ta' Asir fl-Arabja Sawdija. Fl-Asja ċentrali tikber fil-muntanji taċ-ċentru tal-Afganistan, il-medda t'isfel tal-Karakoram fit-Tramuntana tal-Pakistan u f'Ladakh, kif ukoll fit-Taġikistan, fil-Kirgiżistan u fil-Lvant tal-Użbekistan.[13]
L-arbuxxell tal-kappar jeħtieġ klima semiarida jew niexfa. L-arbuxxell tal-kappar evolva serje ta' mekkaniżmi li jnaqqsu l-impatti ta' livelli għoljin tar-radjazzjoni, temperatura għolja ta' kuljum, u ilma tal-ħamrija insuffiċjenti fuq il-weraq u l-pjanta inġenerali matul il-perjodu tat-tkabbir tagħha.[17][18]
L-arbuxell tal-kappar għandu reazzjoni interessanti għal żidiet f'daqqa fl-umdità; din tifforma bħal daqqiet fuq wiċċ il-werqa. Din il-formazzjoni ma tagħmilx ħsara, peress li l-pjanta tadatta malajr għall-kundizzjonijiet il-ġodda u tipproduċi weraq mhux affettwat.[19]
L-arbuxxell tal-kappar juri wkoll karatteristiċi ta' adattament għall-ħamrija mhux għammiela.[20] Din l-ispeċi għandha proporzjon għoli ta' għeruq/rimjiet u l-preżenza ta' mikorriżi li jservu sabiex tassorbi kemm tista' minerali minn ħamrija mhux għammiela. Razez differenti ta' batterji li jipproduċu n-nitroġenu ġew iżolati mir-riżosfera tal-arbuxxell tal-kappar, u nstab li dawn il-batterji għandhom rwol fiż-żamma ta' riżervi għoljin ta' elementi li jnaqqsu t-tkabbir tal-pjanta.[21]
L-arbuxxell tal-kappar ġie introdott bl-għan ta' kultivazzjoni f'xi pajjiżi Ewropej f'dawn l-aħħar erba' deċennji.[22] L-importanza ekonomika tal-kultivazzjoni tal-pjanta tal-kappar wasslet għal żieda sinifikanti fiż-żona li qiegħda taħt kultivazzjoni u livelli ta' produzzjoni matul l-aħħar tas-snin tmenin. Iż-żoni ewlenin tal-produzzjoni jinstabu f'ambjenti ħorox f'pajjiżi bħall-Iraq, il-Marokk, ix-Xlokk tal-Peniżola Iberika, it-Turkija, il-gżira Griega ta' Santorini, u l-gżira Taljana ta' Pantelleria, u l-Gżejjer Eolji, speċjalment Salina.[22] Il-kappar minn Pantelleria u l-gżira tal-Eolji huma rikonoxxuti bħala prodotti Ewropej IĠP.[23] Din il-pjanta tal-kappar żviluppat mekkaniżmi speċjali sabiex tgħix f'kundizzjonijiet Mediterranji u l-introduzzjoni f'artijiet semiaridi tista' tgħin biex tevita t-tfixkil tal-ekwilibriju ta' dawk l-ekosistemi fraġli kif ukoll toħloq l-industrija ta' din il-pjanta għall-kultivazzjoni f'dan ir-reġjun.[24]
Perjodu ta' ħsad ta' tliet xhur huwa meħtieġ għall-profitt, kif ukoll xemx diretta għal żmien twil matul il-ġurnata tul il-perjodu tat-tkabbir biex tiġi żgurata produzzjoni għolja.[22] L-arbuxxell tal-kappar jista' jiflaħ temperaturi ta' aktar minn 40 °C fis-sajf, iżda huwa sensittiv għas-silġ matul il-perjodu veġetattiv tiegħu.[25] L-arbuxxell tal-kappar jista' jgħix f'temperaturi baxxi fil-forma ta' zokk imneżża' mill-weraq, kif jiġri fl-għoljiet tal-Alpi.[6] Xi tħawwil f'reġjuni Taljani u Arġentini wrew li l-arbuxxelli tal-kappar jifilħu għar-riħ qawwi mingħajr problemi ta' xejn. Dan iseħħ minħabba l-arkitettura dekumbenti tal-pjanta u l-konsistenza korjaċeja tal-weraq f'xi popolazzjonijiet.[26][27]
Id-distribuzzjonijiet magħrufin ta' kull speċi jistgħu jintużaw sabiex tiġi identifikata l-oriġini tal-kappar li jkun manifatturat kummerċjalment.[7][28]
L-arbuxxell tal-kappar hija speċi rupikoloża.[29] Hija mifruxa f'żoni tal-blat u titkabbar fuq tipi differenti tal-ħamrija, inklużi l-alfisols, ir-regosols, u l-litosols.[30] F'postijiet oħra tal-Ħimalaja, C. spinosa jittollera tafal, ħama u ħamrija tal-wiċċ ramlija, blat jew żrar, li għandu kontenut ta' inqas minn 1 % materja organika. Il-kappar jikber ukoll fuq blat vojt, xquq fil-ġebel, u fl-għaram tar-ramel fil-Pakistan, f'irdumijiet tal-ġebla tal-ġir nexfin tar-reġjun Adrijatiku, f'ekosistemi kostali niexfa tal-Eġittu, il-Libja, it-Tuneżija u l-Marokk f'żoni tranżizzjonali bejn l-għadajjar tal-melħ mal-kosta u d-deżerti kostali tal-Eġittu.[13][31] Tikber ukoll spontanjament fix-xquq tal-ħitan ta' fortizzi Rumani antiki, fuq il-Ħajt tal-Punent tal-Muntanja tat-Tempju f'Ġerusalemm u fuq is-swar tal-kastell ta' Santa Bárbara (Alicante, Spanja).[32][33] Il-pjanti tal-kappar li jikbru b'suċċess huma dominanti fuq is-swar medjevali magħmulin mill-ġebla tal-franka ta' Alcudia u s-swar ta' Palma (Majorka, Spanja).[32] Dan wassal għal problemi serji għall-ħarsien tal-monumenti, peress li din il-pjanta saret invażiva u tkabbar il-fili fil-ġebel bl-għeruq tagħha minn fejn jista' jidħol l-ilma tax-xita ġol-monument u ssirlu aktar ħsara.[33]
Il-kappar jista' jitkabbar faċilment minn żerriegħa friska miġbura minn frott misjur u mħawla f'taħlita apposta biex tinżera ż-żerriegħa fiha. In-nebbieta jibdew jidhru minn ġimagħtejn sa erba' ġimgħat wara ż-żriegħ. Żrieragħ li huma qodma u maħżuna jidħlu fi stat ta' rqad u jkollhom bżonn perjodu kiesaħ ta' stratifikazzjoni sabiex jiġġerminaw. L-embrijuni vijabbli fiż-żerriegħa jiġġerminaw fi żmien tlieta sa erbat ijiem wara t-tneħħija parzjali tal-kisjiet tal-qoxra taż-żerriegħa iebsa. [34] Il-kisi taż-żerriegħa u l-muċilaġni madwar iż-żrieragħ jistgħu jkunu adattamenti ekoloġiċi sabiex jiġi evitat it-telf tal-ilma miż-żerriegħa u jikkonservaw il-vijabbiltà taż-żerriegħa matul l-istaġun niexef sakemm jiġġerminaw meta jerġa' jasal l-istaġun tax-xita fil-ħarifa.[35]
Il-propogazzjoni bil-biċċiet jevita varjabbiltà għolja fil-produzzjoni u fil-kwalità tal-kappar. Madankollu, pjanti mkabbra minn qatgħat huma aktar dgħajfin għan-nixfa matul l-ewwel snin ta' ħajjithom wara t-tħawwil. L-arbuxxell tal-kappar għandu tip ta' injam li diffiċli biex ikabbar l-għeruq, għalhekk l-propagazzjoni b'suċċess teħtieġ konsiderazzjoni tal-fatturi staġjonali u bijologiċi tal-post.[36] Hemm ċans akbar ta' suċċess bit-tnissil u l-produzzjoni tal-għeruq meta jintuża injam ta' sena, u dejjem jiddependi skont il-perjodu tal-ħsad u l-materjal tat-tħawwil użat.[36] Il-propagazzjoni minn qatgħat taz-zokk huwa l-metodu l-aktar użat għat-tkabbir tal-varjetajiet "Mallorquina" u "Italiana" fi Spanja u "Nocella" fil-Gżejjer Eolji, speċjalment f'Salina. Il-qatgħat taz-zkuk tal-injam iebsin ivarjaw fit-tul minn 15 sa 50 cm, u l-wisa' tal-qatgħat jista' jvarja minn 1.0 cm sa 2.5 cm.[37] Metodu ieħor huwa li jinġabru z-zkuk minn Frar sal-bidu ta' Marzu, iz-zkuk jiġu trattati b'funġiċida bħal Captan jew Captafol u jkunu stratifikati barra jew f'kamra f'temperatura ta' 3-4 °C, miksijin bir-ramel jew b'kontenitur tal-plastik. L-umdità għandha tiġi mħarsa bir-reqqa u miżmuma f'livell għoljin sakemm il-pjanti jkunu kabbru l-għeruq u jitħawlu.[38][39] Bl-użu ta' biċċiet li jkunu għadhom ħodor u ma sarux bl-injam iebes jistgħu jiġu miġbura u mħawla matul Awwissu u Settembru, għalkemm b'dan il-metodu jkun hemm rati baxxi ta' suċċess (taħt it-30 %). Il-biċċiet b'zokk artab jinqatgħu f'April minn rimjiet li jkun għandhom bejn 25 u 30 jum. Kull biċċa għandu jkun fiha mill-inqas żewġ nodi u tkun twila bejn 6 cm sa 10 cm. Il-biċċiet li jkunu fil-bażi li jmissu mal-ħamrija u dawk li jinstabu fin-nofs taz-zokk huma aħjar għat-tnissil bil-biċċa mill-biċċiet taz-zokk li jkunu tat-tarf tar-rimja minn fejn iz-zokk jagħmel weraq ġdid. Imbagħad, il-biċċiet li jkunu għamlu l-għeruq u saru pjanti ġodda, imsejħin żraġen, jitħawlu f'serra li żżomm kemm is-sħana kif ukoll l-umdità. Iż-żraġen jistgħu jiġu mħawla fi spazju ta' 150 sa 200 pjanta f'metru kwadru (m2).[24]
It-temperaturi medji fiż-żoni taħt kultivazzjoni huma aktar minn 14 °C (57 °F) matul is-sena. Dawn jikkonsistu fi klima b'rebbiegħa bix-xita reġolari u sajf sħun u niexef, li huma fatturi klimatiċi tajbin għat-tkabbir tal-kappar. [40] L-arbuxxell tal-kappar huwa perenni, jittollera n-nixfa u għalhekk jintuża għat-tisbieħ tal-ġonna u toroq minħabba li l-għeruq tal-kappar inaqqsu milli tintilef il-ħamrija mal-ilma. Barra minn hekk tintuża għar-riġenerazzjoni tal-ekosistemi degradati bħal għoljiet tal-blat wieqfa, għaram tar-ramel jew ekosistemi fraġli semiaridi li huma ekoloġikament fraġli.[41][42]
It-tħawwil tal-kappar jibqa' produttiv bejn 25 sa 30 sena. [43] Għalhekk, il-proprjetajiet fiżiċi tal-ħamrija bħat-tip ta' ħamrija u l-fond tal-ħamrija huma partikolarment importanti. L-arbuxxelli tal-kappar jistgħu jiżviluppaw sistemi ta' għeruq estensivi u jikbru l-aħjar f'ħamrija fonda, li ma tkunx stratifikata, imma tat-tip medja; ma tkunx la aċidiża u lanqas alkalina. Il-ħrit isir bil-moħriet qabel mal-arbuxxelli tal-kappar jiġu stabbiliti.[42] Il-kultivazzjoni tal-kappar tista' titjieb permezz ta' ħrit fil-fond fejn il-ħamrija tinħadem f'fond ta' bejn 0.6 sa 1 m. F'Pantelleria, it-tħaffir ta' ħofor għal kull arbuxxell tal-kappar permezz ta' gaffa nstab li kien l-aktar mezz effettiv biex jiġi kkultivat il-kappar f'ħamrija tal-blat. Jintużaw żewġ disinji tat-tħawwil, il-kwadru/rettangolu u s-sistema ta' windbreakers ħajjin. L-ispazjar bejn arbuxxell u l-ieħor huwa ddeterminat mill-ekosistema u mill-ispeċi tal-post, il-fertilità tal-ħamrija, it-tagħmir użat u l-metodu ta' irrigazzjoni sakemm il-pjanti ma jitħallewx jikbru mingħajr għajnuna tal-bniedem.[44]
Il-blanzuni tal-kappar normalment jinġabru kull filgħodu waqt żmien il-ħsad.[5] Minħabba li l-iżgħar blanzuni għandhom iktar valur monetarju, il-ġbir ta' kuljum huwa tipiku sabiex il-blanzuni żgħar jinġabru mill-ewwel qabel ma dawn jikbru aktar.[5][45]
Il-kappar jista' ukoll jinġabar minn arbuxxelli li jikbru fis-selvaġġ, f'liema każ huwa meħtieġ li tkun taf li l-pjanta mhix waħda mill-ispeċijiet velenużi ta' Capparis u pjanti oħrajn li jidhru morfoloġikament simili.[5][46] L-arbuxxell tal-kappar normalment ikollu xewk mgħawweġ li jista' jobrox il-ġilda tan-nies li jaħsdu l-blanzuni, għalkemm ġew żviluppati ftit varjetajiet bla xewk li jiffaċilitaw il-ġbir tal-kappar mill-arbuxxell.[5]
Il-blanzun tal-kappar immellaħ u tas-salmura (imsejjaħ sempliċement "kappar") jintuża bħala ħwawar mal-ikel. Il-kappar huwa ingredjent komuni fil-kċina Mediterranja, speċjalment fl-ikel Ċiprijott, Taljan, Grieg, Eoljan u Malti.[5] Il-frott mhux matur tal-arbuxxell tal-kappar jiġi ppreparat bl-istess mod u kkummerċjalizzat bħala "frott tal-kappar". Frott kompletament matur mhuwiex ippreferut, peress li fih ħafna żerriegħa iebsa.[45]
Il-blanzuni, meta jkunu saru u lesti sabiex jinġabru jkunu ta' lewn aħdar skur taż-żebbuġa u jvarja fid-daqs minn taħt seba' millimetri (0.28 pulzieri) għal aktar minn erbatax-il millimetru (0.55 pulzieri). Il-kappar jitħalla fis-salmura tal-melħ jew f'soluzzjoni ta' melħ u ħall wara li jinġabar u mbagħad jitbattal. It-togħma tal-kappar hija intensa, xi kultant deskritta bħala simili għall-bżar iswed jew għall-mustarda. Din it-togħma hija żviluppata hekk kif il-glukokapparin, molekula tal-glikosida, tiġi rilaxxata minn kull blanzun tal-kappar.[5] Din ir-reazzjoni enżimatika twassal għall-formazzjoni tar-rutin, spiss meqjusin bħala tikek bojod kristallizzati fuq l-uċuħ tal-blanzuni tal-kappar individwali.[47]
Il-kappar huwa ingredjent distintiv fil-kċina Taljana, speċjalment fit-tisjir Sqalli, Eoljan u fir-reġjuni tan-Nofsinhar tal-Italja. Huwa użati regolarment fl-insalati, insalati tal-għaġin, platti tal-laħam u zlazi tal-għaġin. Eżempji ta' użu fil-kċina Taljana huma fil-platti ta' tiġieġ imsajjar stil piccata u fl-ispaghetti alla puttanesca.[48]
Il-kappar huwa ingredjent fiz-zalza tartar u servut mas-salamun kiesaħ affumikat jew platti tas-salamun vulkanizzat, speċjalment lox jew krema tal-ġobon. Il-kappar u l-frotta tal-kappar huma kultant alternattiva minflok iż-żebbuġ biex iżejnu cocktail Martini.[49][50]
Il-kappar huwa mibjugħ skont id-daqs tiegħu, bl-iżgħar daqsijiet ikunu l-aktar mixtieqa: non-pareil (sa 7 mm), surfini (7–8 mm), kapuċini (8-9 mm), capotes (9–11 mm), fini (11–13 mm), u grusas (14+ mm). Jekk il-blanzun tal-kappar ma jinġabarx, dan jiffjorixxi u jipproduċi l-frotta tal-kappar.[5] Fil-Greċja l-frott jitpoġġa fis-salmura u mbagħad jisserva bħala meze.[51]
Il-weraq tal-kappar, fil-Greċja u f'Ċipru, jintuża partikolarment fl-insalati u fil-platti bil-ħut. Il-weraq jitgħalla jew jiġi ppreservat f'vażetti bis-salmura bħall-blanzuni tal-kappar.[5]
Il-weraq imnixxef tal-kappar jintuża wkoll bħala sostitut għat-tames fil-manifattura tal-ġobon ta' kwalità tajba. [52]
Il-kappar fis-salmura tal-laned u l-vażetti jikkonsisti f'84 % ilma, 5 % karboidrati, 2 % proteini, u 1 % xaħam. Il-kappar ippreservat huwa partikolarment għoli fis-sodju minħabba l-ammont ta' melħ miżjud mas-salmura. F'porzjon tipiku ta' 28 gramma (uqija waħda), il-kappar jipprovdi 6 kcal (kalorija) u 35 % tal-Valur ta' Kuljum (Daily value (DV) bl-Inġliż) għas-sodju, mingħajr nutrijenti oħra f'ammont sinifikanti. F'ammont ta' mitt gramma, il-kontenut tas-sodju huwa 2,960 mg jew 197 % DV, bil-vitamina K (23 % DV), ħadid (13% DV), u riboflavin (12 % DV) għandhom ukoll livelli apprezzabbli.[53]
Il-kappar ippreservat huwa sors ta' polifenoli, inklużi l-flavonojdi quercetin (173 mg għal kull 100 g) u kaempferol (131 mg għal kull 100 g),[54] kif ukoll tal-antoċijanini.[55][56]
Il-kappar kultant jintuża għall-kożmetika u għall-prodotti kożmetiċi.[5]
Evidenza arkeobotanika turi li l-pjanta tal-kappar kienet tintuża fir-reġjun tal-Mediterran u l-Mesopotamja sa mill-perjodu tard tal-Paleolitiku.[13]
Il-kappar kien jintuża fil-Greċja tal-qedem bħala karminattiv u fdalijiet arkeoloġiċi ta' dan il-perjodu nstabu fil-forma ta' żrieragħ karbonizzati u rarament bħala blanzuni tal-fjuri u frott mill-perjodi arkajka u klassika. Athenaeus f'Deipnosophistae jagħti ħafna attenzjoni lill-kappar, kif jagħmlu Plinju x-Xiħ (NH XIX, XLVIII.163) u Teofrastu.[57][58]
Etimoloġikament, il-kelma kappar u l-qraba tiegħu f'diversi lingwi Ewropej jistgħu jiġu rintraċċati lura għal-Latin Klassiku capparis, "kappar", misluf mill-Grieg κάππαρις, kápparis, li l-oriġini tiegħu (bħal dik tal-pjanta) mhix magħrufa. Iżda probabbilment hija Asjatika. Teorija oħra torbot il-kelma kápparis mal-isem tal-gżira ta' Ċipru (Κύπρος, Kýpros), fejn il-pjanta tal-kappar tikber b'mod abbundanti.[59][60]
Fi żminijiet Bibbliċi, kien maħsub li l-frotta tal-kappar għandha proprjetajiet afrodisjaċi.[61] Fil-fatt, il-kelma Ebrajka aviyyonah (אֲבִיּוֹנָה) għall-frotta tal-kappar hija marbuta mill-qrib mal-għerq Ebrajk אבה (avah), li jfisser "xewqa".[62] Il-kelma tissemma darba fil-Bibbja, fil-ktieb ta' Koħèlet, f'vers 12:5.
Il-Verżjoni biblika tar-re Ġakbu hija tradotta u bbażata fuq l-għerq Ebrajk (u forsi t-tifsira metaforika):[63]
...il-ġurat sa jkun ta' piż u x-xewqa se tittaffa. (12:5 KJV)
Traduzzjonijiet antiki, tas-Settanta, il-Vulgata, il-Peshitta u l-Aquila, jirrendu l-kelma b'mod aktar konkret bħala κάππαρις "frotta tal-kappar".[61] Għalhekk fi traduzzjoni idjomatika moderna tiġi (2004):
...il-ġurat jitlef ir-rebbiegħa tiegħu,
u l-frotta tal-kappar m'għandha l-ebda influwenza. (12:5 HCSB)
F'verżjonijiet moderni oħra, bħal fil-Verżjoni Internazzjonali Ġdida (New International Version (NIV) bl-Inġliż) tintuża l-kelma "xewqa" (12:5 NIV), filwaqt li fil-Bibbja Standard Amerikana Ġdida (New American Standard Bible (NASB) bl-Ingliż) tintuża "frotta tal-kappar" (12:5 NASB), l-istess kif tinstab fil-verżjoni Lhudija tal-1917 mill-Jewish Publication Society (12:5).
Il-frott (abiyyonot) kien jittiekel, skont ir-responsabbiltà lejn id-dieċma u r-restrizzjonijiet tal-'Orlah. Fil-Mishnah u t-Talmud, il-frott huwa distint mill-weraq tal-kappar, alin, rimjiet, temarot, [64] u l-blanzuni tal-kappar imsejħa capperisin, (innota x-xebh bejn il-kelma capperisin u Kappar); [65] li kollha kienu jittieklu bħala rekwiżit tal-barka, u ddikjarati li huma l-frott tal-pjanta ẓelaf jew kappar. [64] Il-“capperisin” imsemmija fit-Talmud fil-fatt qed jirreferu għall-qoxra li kienet tipproteġi lill-“abiyyonot” hekk kif kienet tikber. [66]
Fit-Talmud Bavli hemm miktub dwar kif is-sepali tal-kappar jintużaw bħala ikel minflok il-frott tal-kappar, kemm ġewwa u barra l-art ta' Iżrael, kif ukoll fis-Sirja.[64]
Il-kappar ukoll jissemma fl-użu tiegħu biex iħawwar l-ikel fil-ktieb tar-riċetti Apicius, li kien jintuża fiż-żmien ir-Rumani.[5]
Il-blanzuni tan-nasturtium, tal-qronfol Tork u l-Cassia ġieli ntużaw bħala sostitut għall-blanzuni tal-kappar.[67]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.