From Wikipedia, the free encyclopedia
Franġisku, imwieled bħala Jorge Mario Bergoglio (bil-Latin: Franciscus; Buenos Aires, 17 ta' Diċembru 1936) huwa l-266 isqof ta' Ruma u l-papa attwali tal-Knisja Kattolika, elett nhar it-13 ta' Marzu 2013. Franġisku huwa l-ewwel Papa Ġiżwita, l-ewwel wieħed mhux mill-Ewropa wara iktar minn millennju, u l-ewwel wieħed mill-kontinent Amerikan. Mill-1998 sal-elezzjoni tiegħu bħala Papa, huwa kien Arċisqof ta' Buenos Aires, fl-Arġentina, u kien inħatar kardinal fl-2001.
Papa Franġisku | |||||||||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
13 Marzu 2013 - ← Papa Benedittu XVI Election: 2013 papal conclave (en)
13 Marzu 2013 - ← Papa Benedittu XVI
21 Frar 2001 - 13 Marzu 2013
30 Novembru 1998 - 13 Marzu 2013 ← Antonio Quarracino (en) - Mario Aurelio Poli (en) → Dioceses: Eastern Ordinariate of Argentina (en)
28 Frar 1998 - 13 Marzu 2013 ← Antonio Quarracino (en) - Mario Aurelio Poli (en) → Dioceses: Roman Catholic Archdiocese of Buenos Aires (en)
3 Ġunju 1997 - 28 Frar 1998 Dioceses: Roman Catholic Archdiocese of Buenos Aires (en)
20 Mejju 1992 - 3 Ġunju 1997 ← Theodor Hubrich (en) - Mieczysław Cisło (mul) → Dioceses: Auca (en)
20 Mejju 1992 - 3 Ġunju 1997 Dioceses: Roman Catholic Archdiocese of Buenos Aires (en)
1973 - 1979 | |||||||||||||||||||
Ħajja | |||||||||||||||||||
Isem propju | Jorge Mario Bergoglio | ||||||||||||||||||
Twelid | Flores (en) u Buenos Aires, 17 Diċembru 1936 (87 sena) | ||||||||||||||||||
Nazzjonalità |
Arġentina Stat tal-Belt tal-Vatikan | ||||||||||||||||||
Residenza |
Palazz Appostoliku Domus Sanctae Marthae (en) Stat tal-Belt tal-Vatikan Buenos Aires | ||||||||||||||||||
L-ewwel lingwa | Spanjol | ||||||||||||||||||
Familja | |||||||||||||||||||
Missier | Mario José Bergoglio | ||||||||||||||||||
Omm | Regina María Sívori | ||||||||||||||||||
Edukazzjoni | |||||||||||||||||||
Alma mater |
Facultades de Filosofía y Teología de San Miguel (en) Università ta' Buenos Aires Masters : kimika | ||||||||||||||||||
Livell tal-edukazzjoni | Doctor of Theology (en) | ||||||||||||||||||
Lingwi |
Spanjol Taljan Latin Ġermaniż Franċiż Portugiż Ingliż Ecclesiastical Latin (en) | ||||||||||||||||||
Għalliema | Carlos Aldunate Lyon (en) | ||||||||||||||||||
Okkupazzjoni | |||||||||||||||||||
Okkupazzjoni |
Qassis fil-Knisja Kattolika kimiku kittieb teologu predikatur confessor (en) pastor (en) Latin Catholic bishop (en) Isqof Kattoliku politiku | ||||||||||||||||||
Parteċipant
| |||||||||||||||||||
Post tax-xogħol |
Buenos Aires Ruma Stat tal-Belt tal-Vatikan | ||||||||||||||||||
Xogħlijiet importanti | Ad charisma tuendum (en) | ||||||||||||||||||
Premjijiet |
List
|
Bin ħaddiem tal-ferrovija, Mario José, li emigra minn Asti l-Italja ta' għoxrin sena biex ifittex ħajja aħjar u biex jeħles mill-Faxxiżmu, u Regina María mwielda Sívori, mara tad-dar, Ġorġ Marija Bergoglio huwa l-ikbar minn ħames ulied. Meta kien żgħir kien imur inaddaf ġo fabbrika biex jgħin lill-familja.
L-ewwel skola li kien jattendi kienet Wilfrid Barón de los Santos Ángeles, skola Sależjana f'Ramos Mejía, Buenos Aires. Attenda s-sekondarja teknika Escuela Nacional de Educación Técnica N° 27 Hipólito Yrigoyen u ġab id-diploma ta' tekniku kimiku. Għal xi snin ħadem bħala inġinier kimiku fis-sezzjoni tal-ikel fil-Laboratorju Hickethier-Bachmann.
Kien ikellem tfajla li kien sar jafha mill-grupp ta' ħbieb li magħhom kien imur jiżfen. Iżda ta' 22 sena wara li kellhom ineħħulu parti mill-pulmun minħabba pnewmonja u tliet ċesti, iddeċieda li jidħol is-seminarju f'Villa Devoto u daħal mal-Ġiżwiti, jew is-Soċjetà ta' Ġesù, fil-11 ta' Marzu 1958. Bergoglio gradwa fil-Filosofija mill-Colegio Maximo San Josè f'San Miguel fejn għallem il-letteratura u l-psikoloġija fil-Colegio de la Immaculada f'Santa Fe u l-Colegio del Salvador fi Buenos Aries.
Huwa kien ordnat saċerdot fit-13 ta' Diċembru 1969. Kompla jistudja u sar Professur tat-Teoloġija u Majjistru tan-novizzi. Milquta mill-ħiliet amministrattivi tiegħu, is-Soċjetà ta' Ġesù ħatret lil Bergoglio bħala Provinċjal għall-Ġiżwiti Arġentini fl-1973.
Matul id-dittatura militari Arġentina li fiha ġew ittorturati u nqatlu madwar 30,000 ruħ, Bergoglio għamel minn kollox biex bil-moħbi isalva qassisin u ċittadini minn idejn it-torturaturi u huwa rrispettat ħafna mill-hekk imsejħa "ommijiet ta' Plaza de Mayo", li ma qagħdux lura milli jikkritikaw il-kompliċità tal-ġerarkija Kattolika mar-reġim Arġentin.
Wara seba’ snin Provinċjal tal-Ġiżwiti, Bergoglio intbagħat bħala Rettur fis-Seminarju ta' San Miguel fl-1980 fejn reġa’ beda jgħallem. Wara li lesta d-dottorat tiegħu fil-Ġermanja huwa mar lura f'pajjiżu u serva bħala direttur spiritwali f' Cordoba.
Fl-1998 laħaq Arċisqof fl-Arġentina. Fil-21 ta' Frar 2001 Borgoglio nħatar Kardinal mill-Papa Ġwanni Pawlu II. Bħala kardinal, Bergoglio inħatar f'numru ta' pożizzjonijiet amministrattivi fil-Kurja Rumana u serva bħala membru f'numru ta' Kongregazzjonijiet. Lin-nies tal-Arġentina kien talabhom biex ma jmorrux Ruma biex jiċċelebraw il-ħatra tiegħu ta' Kardinal, iżda minflok jagħtu l-flus lill-fqar. F'Ruma "ffesteġġja" kważi waħdu. Il-bijografija tiegħu fis-Sala Stampa tal-Vatikan kienet l-iqsar waħda, nofs paġna kollox.
Bħala kardinal, Bergoglio kien magħruf għall-umiltà u l-impenn tiegħu għall-ġustizzja soċjali. Il-ħajja sempliċi hija xhieda tal-umiltà tiegħu. Huwa kien jgħix f'appartament żgħir minflok fil-Palazz tal-Isqof, kien juża t-trasport pubbliku flok il-karozza bix-xufier tiegħu, u jsajjar l-ikel tiegħu huwa stess. Fl-2001 ssorprenda lill-istaff tal-Isptar Muñiz Hospital ta' Buenos Aires, meta talabhom buqar ilma, u ħasel u bies riġlejn il-morda bl-AIDS b'sinjal ta' mħabba lejhom, u qal lill-ġurnalisti li "s-soċjetà tinsa lill-foqra u lill-morda". F'Settembru 2012, fi Buenos Aires, Bergoglio ċanfar ukoll lil dawk is-saċerdoti li rrifjutaw li jgħammdu tfal ta’ single-mothers: "Ma nkunux ipokriti. Min jagħmel hekk ikun qed jifred lill-poplu t'Alla mis-salvazzjoni." Huwa ħadem biex jiżdiedu s-servizzi soċjali u l-evanġelizzazzjoni fl-inħawi foqra tal-belt.
Bħala Isqof ma qagħadx lura milli jitkellem fuq il-problemi ekonomiċi, soċjali u politiċi li hemm fl-Arġentina. Fl-omeliji u d-diskorsi tiegħu jisħaq li l-bnedmin huma lkoll aħwa u li l-Istat u l-Knisja għandhom jagħmlu kulma jistgħu biex kulħadd iħossu milqugħ, rispettat u aċċettat. Bergoglio qatt ma pprova jaħbi l-impatt politiku u soċjali tal-messaġġ tal-Vanġelu f'pajjiż li kien qed jipprova jqum minn kriżi ekonomika gravi.
Matul is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-2005 huwa inħatar membru tal-Kunsill ta' Wara s-Sinodu u f'Novembru 2005 kien elett bħala l-President tal-Konferenza Episkopali tal-Arġentina għal terminu ta' tliet snin mill-maġġoranza tal-isqfijiet Argentini, ħatra li kienet imġedda fl-2008.
Bergolgio kien diġà kkunsidrat papabbli waqt il-Konklavi wara l-mewt tal-Papa Ġwanni Pawlu II f'April 2005. Jingħad li f'dawk il-konklavi t-taqtigħa bejnu u bejn Ratzinger kienet waħda kbira, tant li finalment kien hu stess li talab lil kardinali biex ma jivvutawlux ħalli jkun elett il-Papa Benedittu XVI.
F'laqgħa li kellu mal-Isqfijiet Sud Amerikani fl-2007, Bergoglio kien qalilhom li "It-tqassim inġust tal-ġid ikompli joħloq sitwazzjoni ta' dnub soċjali li jgħajjat lejn is-sema u jnaqqas il-possibiltajiet ta' ħajja sħiħa għal bosta minn ħutna."
Nhar it-13 ta' Marzu 2013, fis-7.06 p.m. miċ-ċumnija tas-Sistina ħarġet daħna bajda u siegħa wara tħabbar mil-Loġġa fi Pjazza San Pietru li l-Papa l-Ġdid kien Jorge Bergoglio, li kien l-ewwel Papa li għażel l-isem Franġisku. Għażel dan l-isem f'ġieħ San Franġisk t'Assisi u f'ġieħ l-imħabba tiegħu lejn il-foqra. Xi kwarta wara l-Papa ġdid ħareġ fil-Loġġa liebes biss il-Libsa bajda mingħajr l-abitu kotali u ebda tiżjin ieħor. Għamel ħin iċċassat lejn il-folla li laqgħetu b'entużjażmu kbir. Fl-ewwel indirizz tiegħu lill-folla huwa sellmilhom b'sempliċi "buonasera", u qalilhom li l-kardinali sabuh "mill-aħħar tad-dinja". Huwa talab għal u rringrazzja lill-Papa Emeritus Benedittu XVI. Qabel ta l-barka lill-poplu l-Papa l-ġdid baxxa rasu u talab hu l-barka mingħand il-poplu.
Nhar it-18 ta' Marzu huwa ħatar lill-qassis Malti Alfred Xuereb bħala Segretarju personali tiegħu.
Il-President Amerikan Barack Obama sejjaħlu "paladin ta' dawk fostna li huma l-ifqar u l-iktar vulnerabbli." Kompla jgħid li "bħala l-ewwel Papa mill-Amerki, il-ħatra tiegħu hija ringrazzjament għas-saħħa u għall-vitalità ta' reġjun li iktar ma jgħaddi ż-żmien qed isir mudell għad-dinja, u flimkien ma' miljuni ta' Ispaniċi Amerikani, fl-Istati Uniti naqsmu l-ferħ magħhom f'dan il-jum storiku."
Leonardo Boff li kien patri Franġiskan u magħruf għat-Teoloġija tal-Liberazzjoni ikkummenta hekk fuq l-għażla ta' Bergoglio: “Din l-għażla tagħmilli kuraġġ, sinjal li l-Knisja trid tmur għas-sempliċità. Bergoglio ġej minn pajjiż li qed jiżviluppa, barra mill-ħitan ta' Ruma."
Diego Armando Maradona u Lionel Messi, żewġ plejers kbar Arġentini ferħu għall-ħatra ta' Arġentin bħalhom. Maradona qal li dan huwa ġieħ kbir għall-Arġentini kollha u jixtieq ħafna jkollu udjenza miegħu. Messi qal li jħossu ferħan ħafna u jixtieq jiddedikalu rebħa fit-Tazza tad-Dinja tal-2014.
Ħafna persuni madwar id-dinja għandhom ammirazzjoni għal dan il-Papa minħabba l-umanità tiegħu, l-umiltà tiegħu, l-imħabba tiegħu lejn il-foqra u l-impenn tiegħu għad-djalogu biex joħloq pontijiet bejn persuni u ġnus ta' kull fehma u reliġjon. Jgħix il-Papat b'mod iktar sempliċi u inqas formali mill-papiet ta' qablu. Għażel li jgħix fid-Domus Sanctae Marthae li hi sempliċi guesthouse minflok fil-Palazz Appostoliku kif kienu jagħmlu ta' qablu. Anke fi lbiesu huwa iktar sempliċi, lanqas liebes il-muzzetta fil-ħatra tiegħu, u baqa' bl-istess salib pettorali li kellu meta kien kardinal.
Filwaqt li baqa' jżomm it-tagħlim tradizzjonali tal-Knisja Kattolika huwa wera ċertu ftuħ fil-konfront ta' persuni omosesswali, meta fit-28 ta' Lulju 2013 huwa qal: “Jekk persuna hi omosesswali u qed tfittex lill-Mulej u għandha rieda tajba, allura min jien jien biex niġġudikaha?”
Huwa jisħaq l-iktar fuq l-għajnuna lill-foqra u l-imwarrbin, u li l-Knisja trid tkun miftuħa għalihom: “Ejjew infittxu l-kuntatt ma’ familji li ma jiġux il-knisja. Minflok ma nkunu biss Knisja li tilqa’, ejjew inkunu Knisja li toħroġ minnha nfisha u tmur għand nies li ma jafuhiex, li telqu minnha... nippruvaw nilħqu lil min qiegħed ‘il bogħod ukoll bil-mezzi diġitali, bl-internet u bl-SMSes..” Rigward is-saċerdoti huwa qal: “Il-poplu t’Alla jrid rgħajja, mhux qassisin li jġibu ruħhom qishom burokrati jew uffiċjali tal-gvern.”
F'Ħamis ix-Xirka tal-2013 huwa ħasel saqajn il-priġunieri, anke ta’ żewġ tfajliet, waħda minnhom Musulmana. Kellu żewġ intervisti ma' Eugenio Scalfari, ġurnalist ateu Taljan. Fost l-oħrajn qallu: “Il-Mulej salvana lkoll, ilkoll kemm aħna, bid-demm ta’ Kristu: lilna lkoll, mhux biss lill-Kattoliċi. Lil kulħadd! ‘Padre, l-ateji ukoll?' Iva, l-ateji ukoll. Lil kulħadd!”
F'Ġunju huwa beda riforma importanti fil-Bank tal-Vatikan biex il-Knisja tkun tista' tgħin iktar lill-foqra.
F'Novembru huwa issospenda isqof Ġermaniż li nefaq wisq flus biex jirranġa d-dar tiegħu.
Fl-24 ta' Novembru huwa ħareġ eżortazzjoni appostolika twila bl-isem Evangelii Gaudium, “Il-Vanġelu tal-Ferħ”, li fid-daħla tagħha huwa jgħid: “Il-ferħ tal-Evanġelju jimla l-qlub u l-ħajja ta' dawk kollha li jiltaqgħu ma' Ġesù. Dawk li jħallu lilhom infushom jiġu salvati minnu ikunu ħielsa mid-dnub, mid-dwejjaq, mill-vojt ġewwieni, mill-iżolament. Ma’ Ġesù Kristu dejjem jitwieled u jerġa’ jitwieled il-ferħ.”
F'Diċembru 2013 huwa ġie ddikjarat “Person of the Year” mir-rivista internazzjonali TIME.
Fit-22 ta' Frar, Papa Franġisku jaħtar 19-il Kardinal ġdid, fosthom isqfijiet minn pajjiżi foqra bħal Chibly Langlois mill-Ħaiti u Philippe Nakellentuba Ouedraogo mill-Burkina Faso.
Fis-27 ta' April, iddikjara qaddisin lil Papa Ġwanni XXIII u Papa Ġwanni Pawlu II.
Fil-5 ta' Ottubru, Papa Franġisku fetaħ is-Sinodu Staordinarju tal-Isqfijiet fuq il-Familja. Ħadu sehem 253 isqof u ħafna mistidnin oħra. Iddiskutew problemi li tiffaċċja l-familja bħall-effetti tal-gwerra, l-immigrazzjoni, il-vjolenza domestika, il-poligamija, iż-żwieġ inter-reliġjuż, il-ko-abitazzjoni, iż-żwiġijiet li jfallu, id-divorzju u dawk li jerġgħu jiżżewġu. Fi tmiem is-Sinodu tal-Isqfijiet, Papa Franġisku jgħid lill-Isqfijiet li l-Knisja trid "issib triq tan-nofs bejn ir-'riġidità ostili' u 'sens falz ta' ħniena'”.
Fid-19 ta' Ottubru, iddikjara Beatu lil Papa Pawlu VI, li mexxa l-Knisja fis-snin diffiċli ta’ wara l-Konċilju Vatikan II.
Fl-14 ta' Frar, Papa Franġisku ħatar 20 Kardinal ġdid, ħafna minnhom minn pajjiżi żgħar, fosthom isqof minn Tonga, gżira żgħira f'nofs l-Oċean Paċifiku.
Fit-2 ta' Marzu, Papa Franġisku ltaqa' mal-isqfijiet li qed iservu lill-Knisja Kattolika fl-Afrika ta' Fuq, u irringrazzjahom għall-kuraġġ, il-lealtà u l-perseveranza tagħhom f'dan iż-żmien diffiċli. Fosthom kien hemm l-Isqof Malti Silvestru Magro, li kien imexxi d-djoċesi ta' Bengażi fil-Libja.
Fit-13 ta' Marzu, Papa Franġisku ħabbar Ġublew Straordinarju tal-Ħniena li jibda fit-8 ta' Diċembru 2015, 50 sena mill-għeluq tal-Konċilju, u jintemm fi Kristu Re tal-2016. Fl-1 ta' Settembru, Papa Franġisku ta fakultà lis-saċerdoti kollha li jagħtu assoluzzjoni lin-nisa li jagħmlu abort fis-Sena Ġubilari tal-Ħniena.
Fl-10 ta' Mejju, il-mexxej Kuban Raul Castro iltaqa' ma' Papa Franġisku fil-Vatikan u irringrazzjah għas-sehem tiegħu biex jitranġaw ir-relazzjonijiet ta' Kuba mal-Istati Uniti.
Fit-23 ta' Mejju, l-Arċisqof Oscar Romero ġie ddikjarat Beatu f'El Salvador wara li l-kawża tiegħu kienet ilha mwaħħla għal ħafna snin. Papa Franġisku kien ra li dan il-proċess jitħaffef. Nofs miljun ruħ jattendu għaċ-ċerimonja biex hekk din issir l-ikbar beatifikazzjoni fl-istorja tal-Knisja.
Fit-18 ta' Ġunju, Papa Franġisku ħareġ l-enċiklika Laudato Sì, appell għall-azzjoni rigward id-degrad tal-ambjent u t-tibdil fil-klima. Fid-19 ta' Ottubru, Papa Franġisku ħeġġeġ lill-isqfijiet jiffirmaw appell lill-mexxejja tad-dinja rigward il-bidla fil-klima.
Fis-6 ta' Settembru, Papa Franġisku talab lill-komunitajiet Kattoliċi madwar id-dinja biex jaddottaw familja ta' refuġjati.
Fl-4 ta' Ottubru, il-Papa fetaħ is-Sinodu tal-Familja fil-Vatikan, li ntemm fl-24 ta' Ottubru, b'iktar ftuħ għall-koppji separati u divorzjati.
Fl-14 ta' Ottubru, Papa Franġisku talab maħfra għall-iskandli li kien hemm f'Ruma u fil-Vatikan.
Fit-18 ta' Ottubru, Papa Franġisku iddikjara qaddisin lil Louis Martin u Marie-Azélie Guérin (1823–1894 u 1831–1877, rispettivament), il-ġenituri ta' Santa Tereża ta' Lisieux.
Fit-12 ta' Frar, Papa Franġisku u l-Patrijarka Kirill ta' Moska iffirmaw dikjarazzjoni ekumenika f'Kuba, f'laqgħa storika bla ebda preċedent.
Fis-16 ta' Frar, Papa Franġisku ikkritika indirettament lil Donald Trump meta qal li "Persuna li ħsiebha biss biex tibni l-ħitan, ikunu fejn ikunu, u mhux biex tibni l-pontijiet, mhijiex Nisranija. Dan mhuwiex il-Vanġelu."
Fit-8 ta' April, ħareġ l-eżortazzjoni appostolika Amoris Laetitia (Il-Ferħ tal-Imħabba) wara s-Sinodu li kien sar dwar il-Familja.
Fit-12 ta' Mejju, qabel li titwaqqaf kummissjoni biex tistudja jekk in-nisa jistgħux isiru djakni. Fit-2 ta' Awwissu nħatret il-Kummissjoni.
Fid-29 ta' Mejju, qal li mhux ir-refuġjati huma periklu, imma r-refuġjati qegħdin fil-periklu.
Fl-4 ta' Ġunju, daħħal proċeduri ġodda biex isqfijiet li ma jitrattawx sew każijiet ta' abbużi sesswali jitkeċċew.
Fl-14 ta' Ġunju, qal lill-qassisin li jekk mhumiex lesti jilqgħu lil kulħadd jistgħu jagħlqu l-parroċċi.
Fil-11 ta' Awwissu, kiel mar-rifuġjati Sirjani fil-Vatikan li ġabhom miegħu mill-Greċja. Tlett ijiem wara, ta ġurnata baħar u pizza lil numru ta' nies bla dar f'Ruma.
Fl-4 ta' Settembru, iddikjara qaddisa lil Madre Tereża ta' Kalkutta.
Fl-14 ta' Novembru, erba' Kardinali konservattivi urew in-nuqqas ta' qbil tagħhom fil-miftuħ mal-Papa rigward id-dokument li ħareġ fuq il-familja.
Fil-5 ta' Frar, dehru posters f’Ruma li jikkritikaw lil Papa Franġisku għal mod kif jitratta lill-konservattivi fi ħdan il-Knisja Kattolika.
Fit-23 ta' Frar, il-Papa qal li aħjar tkun ateu milli Nisrani ipokrita.
Fl-20 ta' Marzu, talab maħfra għall-ħtijiet tal-Knisja fil-ġenoċidju tar-Ruwanda tal-1994.
Fit-30 ta' Marzu, il-Vatikan talab lill-President Amerikan jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu rigward il-bidla fil-klima.
Fid-29 ta' April, il-Papa qal li għandu jidħol it-tielet pajjiż, bħan-Norveġja, fid-disputa bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq biex tkun evitata gwerra nukleari devastanti.
Fl-24 ta' Mejju, il-Papa appella lill-President Trump biex iġib il-paċi, f’laqgħa miegħu fil-Vatikan.
Fil-11 ta' Ottubru, qal li l-piena tal-mewt hija kontra l-Vanġelu.
Fil-15 ta' Ottubru, iddikjara 35 qaddis ġdid fosthom 3 itfal indiġeni maqtula fil-Messiku tas-seklu 16 meqjusa l-ewwel martri tad-Dinja l-Ġdida.
Fis-27 ta' Ottubru, il-ġurnal The Guardian jgħid li hemm numru ta’ kardinali konservattivi li jobogħdu lil Papa Franġisku.
Fil-21 ta' Diċembru, Papa Franġisku f’diskors iebes lill-Kurja Rumana qal li r-riforma hija waħda diffiċli ħafna u li fil-Kurja, barra persuni qaddisin, hemm it-tradituri u min japprofitta ruħu.
Fid-19 ta' Marzu ħareġ l-eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate (Ifirħu u thennew), dwar "is-sejħa għall-qdusija fid-dinja tal-lum".
Fl-20 ta' April, żar il-qabar ta' Don Tonino Bello.
Fis-7 ta' Lulju, f'Bari, f'laqgħa ekumenika għall-paċi fil-Lvant Nofsani.
Fis-27 ta' Lulju, aċċetta r-riżenja tal-Kardinal Theodore McCarrick, li kien Arċisqof ta' Washington, wara akkużi fondati ta' abbuż sesswali.
Fl-20 ta' Awwissu, f'ittra ta' 2,000 kelma talab maħfra għall-abbużi li saru mill-membri tal-Kleru u nżammew moħbija.
Fis-26 ta' Awwissu, l-eks Nunzju Carlo Maria Viganò ippubblika ittra li fiha akkuża lil Papa Benedittu XVI u Papa Franġisku li kienu ilhom jafu bl-allegazzjonijiet kontra l-Kardinal Theodore McCarrick qabel dan irriżenja. Viganò sejjaħ għar-riżenja tal-Papa.
Fis-26 ta' Awwissu, fl-Irlanda, talab maħfra għall-"abbużi ta' poter u kuxjenza" li saru mill-kleru f'dak il-pajjiż.
Fis-6 ta' Ottubru, jiftaħ is-Sinodu taż-Żgħażagħ.
Fl-14 ta' Ottubru, iddikjara 7 qaddisin ġodda, fosthom il-Papa Pawlu VI u Oscar Romero.
Fit-3 ta' Diċembru, ħarġet intervista twila f'forma ta' ktieb, il-Qawwa tal-Vokazzjoni.
Fit-8 ta' Lulju huwa għamel vjaġġ fil-gżira Taljana ta' Lampedusa wara traġedja kbira li fiha għerqu mijiet ta' immigranti li ppruvaw jaqsmu mill-Afrika lejn l-Ewropa. F'quddiesa għalihom huwa qal: “F'din id-dinja ta’ globalizzazzjoni waqajna fil-globalizzazzjoni tal-indifferenza. Drajna t-tbatija ta’ ħaddieħor, ma jimpurtaniex minnha, ma tinteressaniex, mhix affari tagħna!” Huwa talab ukoll: “Nitolbuk maħfra, Missier, għal min qiegħed komdu u jinsab magħluq fil-ġid tiegħu li jwasslu biex jagħlaq qalbu!”
L-ewwel vjaġġ tiegħu barra l-Italja għamlu fil-Brażil meta fit-22 ta’ Lulju 2013 ħa sehem fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Żar anke xi favelas, djar tal-foqra, Brażiljani. Għall-quddiesa li saret fil-bajja ta' Copacabana kien hemm tliet miljun u nofs żagħżugħ.
F'Settembru għamel żjara f'Sardinja fejn iltaqa' mal-ħaddiema u dawk bla xogħol.
F'Ottubru għamel żjara f'Assisi, il-belt ta' San Franġisk.
Fl-24 ta' Mejju 2014 għamel żjara ta' tlett ijiem fil-Lvant Nofsani fejn żar Amman, Betlem u Ġerusalemm. Talab ukoll quddiem il-ħajt tax-Xatt tal-Punent li jifred lil-Lhud mill-Palestinjani. B'rasu baxxuta fit-talb, u b'idu magħfusa fuq il-ħajt "tal-firda" tal-konkrit u mimli graffiti impost minn Israel, u maġenbu tifla Palestinjana żżomm bandiera f'idha, il-Papa għamel dikjarazzjoni siekta kontra dan is-simbolu ikrah ta' firda u konflitt, xahar u nofs qabel ma faqqgħet gwerra oħra f’Gaża bejn l-Israeljani u l-Palestinjani. Kellu ukoll laqgħa mal-Patrijarka Ortodoss Bartilmew I.
Fl-14 ta' Awwissu għamel żjara ta' ħamest ijiem fil-Korea t'Isfel fejn quddiem 80,000 ruħ ibbatifika 124 martri Korean u talab għall-għaqda tal-Korea.
Fl-21 ta' Settembru għamel żjara ta' ġurnata fl-Albanija, l-ewwel pajjiż Ewropew li żar, għax fih ra mudell ta' armonija bejn ir-reliġjonijiet. Hemm ta ġieħ lill-Insara maqtula matul il-persekuzzjoni Komunista.
Fil-25 ta' Novembru, għamel żjara ta' 4 sigħat fi Strasburgu fi Franza, l-iqsar żjara ta' Papa barra l-Italja, fejn indirizza l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ewropa u qajjem il-kwistjoni tat-trattament tal-immigranti u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Ċanfar lill-Ewropa: "Ma rridux inħallu 'l-Mediterran isir ċimiterju kbir."
Fit-28 ta' Novembru, beda żjara ta' tlett ijiem fit-Turkija wara stedina tal-President Erdogan u tal-Patrijarka Ortodoss Bartilmew I. Tkellem favur id-djalogu bejn ir-reliġjonijiet, kontra l-fanatiżmu u favur imbuttatura ġdida fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani. Talab ma' kjeriċi Iżlamiċi fil-Moskea l-Kaħla. U ħa sehem f'liturġija mal-Patrijarka u talab għall-għaqda bejn il-Knejjes Insara. Kważi xahar wara, fit-3 ta' Jannar 2015, it-Turkija ppermettiet li tinbena l-ewwel Knisja Nisranija wara kważi mitt sena, minn meta l-pajjiż sar repubblika moderna fl-1923.
Fit-13 ta' Jannar beda żjara ta' sitt ijiem fi Sri Lanka u l-Filippini. Madwar 6 miljun ruħ ħadu sehem fil-quddiesa tal-għeluq taż-żjara ta' Papa Franġisku fil-Filippini, l-ikbar folla qatt miġbura f'avveniment Nisrani fl-istorja tad-dinja.
Fis-6 ta' Ġunju, għamel żjara ta' ġurnata f'Sarajevo fil-Bożnja-Herzegovina, fejn saħaq fuq id-djalogu ekumeniku u appella għall-paċi.
Fil-5 ta' Lulju, beda żjara ta' tmint ijiem fl-Amerika Latina, fejn żar il-Bolivja, l-Ekwador u l-Paragwaj. Il-President tal-Bolivja Evo Morales irregala lill-Papa kurċifiss fuq is-simbolu Komunista tal-minġel u l-martell, xogħol Ġiżwita li kien inqatel fl-1980 mir-reġim Bolivjan.
Fid-19 ta' Settembru, beda żjara ta' tmint f'Kuba u l-Istati Uniti tal-Amerika. Huwa sar l-ewwel Papa li indirizza l-Kungress Amerikan. Indirizza wkoll in-Nazzjonijiet Magħquda.
Fil-25 ta' Novembru, beda żjara ta' sitt ijiem fl-Afrika, fejn żar il-Kenja, l-Uganda u r-Repubblika tal-Afrika Ċentrali. Fir-Repubblika tal-Afrika Ċentrali huwa sar l-ewwel Papa li qatt żar pajjiż f'żona ta' gwerra attiva. Huwa daħal ukoll f'moskea f'Bangui u tenna li l-Insara u l-Musulmani huma aħwa.
Fit-12 ta' Frar beda żjara ta' sitt ijiem f'Kuba u l-Messiku. F'Kuba ltaqa' mal-Patrijarka Kirill ta' Moska u ffirmaw dikjarazzjoni konġunta.
Fis-16 ta' April, huwa żar flimkien mal-Patrijarka Bartilmew u l-Arċisqof Ġeronimu II ta' Ateni, il-kamp ta' Mòria fil-gżira Griega ta' Lesbos, biex iqajjem attenzjoni dinjija fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Hemm it-tliet mexxejja ffirmaw dikjarazzjoni komuni.
Fl-24 ta' Ġunju, huwa żar l-Armenja fejn ikkundanna l-Ġenoċidju Armen mit-Torok li seħħ mill-1915 sal-1917.
Fis-27 ta' Lulju, beda żjara ta' ħamest ijiem fil-Polonja għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2016. Isir it-tielet Papa li jżur il-kamp ta' konċentrament ta' Auschwitz fejn in-Nażisti kienu qatlu miljun ruħ, ħafna minnhom Lhud.
Fl-1 ta' Ottubru l-Ortodossi ma aċċettawx stedina biex jieħdu sehem f'quddiesa mal-Papa fil-Ġorġja. L-għada, żar moskea f'Ażerbajġan, pajjiż kważi kollu Iżlamiku, u appella lill-mexxejja tar-reliġjonijiet ma jużawx l-isem ta' Alla biex jiġġustifikaw il-fundamentaliżmu.
Fl-4 ta' Ottubru, għamel żjara mhux mistennija f'Amatrice, iż-żona fl-Italja milquta mit-terremot ftit ġimgħat qabel.
Fil-31 ta' Ottubru, żar l-Iżvezja f'għeluq il-500 sena tar-Riforma Protestanta.
Fit-28 ta' April, żar l-Eġittu bħala “messaġġier tal-paċi”, u ltaqa’ mal-mexxejja Musulmani u tal-Ortodossi Kopti.
Fit-12 ta' Mejju, żar il-Portugall fiċ-ċelebrazzjonijiet taċ-ċentinarju tad-dehriet tal-Madonna f’Fatima u jiddikjara qaddisin lill-aħwa Franġiku u Ġjaċinta Marto.
Fis-6 ta' Settembru, għamel vjaġġ fil-Kolumbja u iddikjara beati isqof u saċerdot maqtula.
Fis-27 ta' Novembru, beda żjara fil-Myanmar u l-Bangladexx.
Fil-15 ta' Jannar beda żjara fiċ-Ċilì u l-Perù.
Fil-21 ta' Ġunju, sar l-ewwel Papa li indirizza l-Kunsill Dinji tal-Knejjes f'Ġinevra, l-Iżvizzera.
Fil-25 ta' Awwissu, żar l-Irlanda għall-okkażjoni tal-Laqgħa Dinjija tal-Familji.
Fit-22 ta' Settembru, beda żjara fl-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja.
Fit-23 ta' Jannar, beda żjara fil-Panama, bħala parti mill-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.
Fit-3 ta' Frar, beda żjara fl-Emirati Għarab Magħquda.
Fit-30 ta' Marzu, beda żjara fil-Marokk.
Fil-5 ta' Mejju, beda żjara fil-Bulgarija u l-Maċedonja ta' Fuq.
Fil-31 ta' Mejju, beda żjara fir-Rumanija.
Fl-4 ta' Settembru, beda żjara fil-Możambik, Madagaskar u Mauritius.
Fl-20 ta' Novembru, beda żjara fit-Tajlandja u l-Ġappun.
Fl-24 ta' Ġunju 2013, Papa Franġisku kellu waħda mill-ewwel laqgħat tiegħu ma' Priministri Ewropej meta laqa' għandu lill-Prim Ministru Malti Joseph Muscat fil-Vatikan. Huwa kien akkumpanjat minn martu u uliedu, u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella.
Fil-21 ta' Marzu 2014, il-President George Abela kellu udjenza privata mal-Papa, qabel ma Abela temm il-presidenza tiegħu. Huwa stiednu jagħmel żjara f'Malta, u l-Papa kkunsidra l-possibiltà.
Fit-22 ta' Settembru 2014, il-President Marie Louise Coleiro Preca kellha udjenza privata mal-Papa, u reġgħet stidnitu jagħmel żjara f'Malta. Fis-17 ta' Diċembru 2016 żaritu għat-tieni darba.
Barra l-Ispanjol, Papa Franġisku jitkellem tajjeb it-Taljan, u jifhem l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż. Bħal ħafna Arġentini huwa dilettant tal-futbol, għalkemm ma jsegwihx wisq, u t-tim favorit tiegħu huwa tim żgħir Arġentin jismu San Lorenzo de Almagro. Huwa jħobb iż-żifna tat-tango u kien jiżfinha meta kien żagħżugħ. Dilettant tal-films ta' Tita Merello u tan-neorealiżmu u tal-mużika tradizzjonali tal-Arġentina u l-Urugwaj magħrufa bħala l-milonga. Il-film favorit tiegħu huwa "Babette's Feast", film Daniż tal-1987. Iħobb il-poeżiji tal-poeta Ġermaniż Friedrich Hölderlin. Il-pittura favorita tiegħu hija White Crucifixion ta' Marc Chagall.
Huwa jsajjar għalih innifsu, u filgħaxija jiekol ftit li xejn, daqsxejn tè u frott.
Predeċessur Antonio Quarracino |
Arċisqof ta' Buenos Aires 1998–2013 |
Suċċessur |
Predeċessur Papa Benedittu XVI |
Papa tal-Knisja Kattolika 2013– |
Suċċessur |
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.