monasteru Ortodoss fil-Georgia From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Monasteru ta' Gelati (bil-Georgian: გელათის მონასტერი) huwa kumpless monastiku Medjevali qrib Kutaisi fir-reġjun ta' Imereti tal-Punent tal-Georgia. Huwa wieħed mill-ewwel monasteri fil-Georgia u ġie stabbilit fl-1106 mir-Re David IV tal-Georgia bħala ċentru monastiku u edukattiv.[1]
Il-monasteru huwa eżemplar tal-Epoka tad-Deheb tal-Georgia u l-estetika bid-deheb toħroġ fid-dieher fil-pitturi u fil-binjiet tal-monasteru. Inbena biex tiġi ċċelebrata l-fidi Kristjana Ortodossa fil-Georgia.[2] Xi affreski fi ħdan il-Monasteru ta' Gelati jmorru lura għas-seklu 12. Il-monasteru tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994 minħabba l-arkitettura straordinarja tiegħu u minħabba l-importanza tiegħu bħala ċentru edukattiv u xjentifiku fil-Georgia Medjevali.[3]
Il-monasteru jinsab fuq għolja diversi kilometri lejn il-Grigal ta' Kutaisi u jagħti fuq il-Fondoq ta' Tskaltsitela. Huwa mibni bil-ġebel sod, b'arkati sħaħ. Il-pjanta tal-monasteru prinċipali ġiet iddisinjata f'għamla ta' salib, is-simbolu tal-kruċifissjoni ta' Ġesù u tal-Kristjaneżmu.[4] Il-monasteru ġie ddisinjat b'tali mod li jkun viżibbli fil-biċċa l-kbira tal-pajsaġġ, u l-ħitan tal-ġebel tiegħu nbnew apposta biex jirriflettu d-dawl tax-xemx. Fil-monasteru kollu hemm diversi arkati u kampnar.
Il-kostruzzjoni tal-Monasteru ta' Gelati bdiet fl-1106, taħt it-tmexxija tar-Re David IV tal-Georgia, meta Kutaisi kienet il-belt kapitali tal-Georgia. Il-monasteru nbena matul ir-renju tal-Imperu Biżantin; f'dak il-perjodu l-Kristjaneżmu kien ir-reliġjon ewlenija fi ħdan l-imperu kollu. Il-knisja prinċipali tal-monasteru, magħrufa bħala l-Knisja tal-Verġni Mqaddsa, tlestiet fl-1130 (matul ir-renju tas-suċċessur ta' David IV, Demetriju I tal-Georgia), u ġiet iddedikata lill-Verġni Mqaddsa. Il-monasteru jservi wkoll bħala s-sit għad-dfin tar-Re David IV, u maġenbu jinstabu d-Daħliet Antiki ta' Ganja, li kienu ttieħdu mir-Re Demetriju I fl-1138. Il-kappelli ż-żgħar fi ħdan il-monasteru jmorru lura għas-seklu 13.
Minbarra l-iskop reliġjuż tiegħu, il-monasteru nbena wkoll biex jintuża bħala akkademja tax-xjenza u tal-edukazzjoni fil-Georgia: ir-Re David IV impjega bosta xjenzati, teoloġi u filosfi mill-Georgia, u ħafna minnhom qabel kienu attivi f'diversi monasteri Ortodossi barra mill-pajjiż, bħall-Monasteru ta' Mangana f'Kostantinopli.[5] Fost l-istudjużi notevoli tiegħu kien hemm Ioane Petritsi, li ttraduċa diversi klassiċi tal-filosofija iżda huwa magħruf l-iktar għall-kummentarji tiegħu dwar Proclus; u Arsen Ikaltoeli, magħruf għad-Dogmatikon, jew il-ktieb tat-tagħlimiet, li kien influwenzat minn Aristotli. L-Akkademja ta' Gelati impjegat skribi biex jikkompilaw kopji ta' xogħlijiet importanti f'manuskritti, u n-nies ta' dak iż-żmien kienu jsejħulha "Hellas ġdida" u "t-tieni Athos".[6]
It-trittiċi kienu popolari matul l-Imperu Biżantin u kienu importanti fil-kultura tal-Georgia. It-trittiċi kienu jirrappreżentaw forma oħra ta' kontribuzzjoni lill-knisja. It-trittiċi kienu forma ta' ikonografija għall-kongregazzjoni.[7]
Waħda mill-iżjed ikoni ta' valur fil-monasteru kienet it-trittiku ta' Khakuli. Dan it-trittiku kien tinsab fil-Monasteru ta' Gelati mis-seklu 12 sa ma nsteraq fl-1859. Għalkemm ġie rritornat fl-1923, il-qagħda tiegħu kienet ferm inferjuri.[8]
Fuq ġewwa, il-monasteru huwa mżejjen bil-mużajk bi stil Biżantin klassiku fejn jintwerew diversi aspetti tat-twemmin Kristjan. L-ikbar mużajk, kapulavur tas-seklu 12 li juri lill-Madonna bil-Bambin Ġesù, jiddomina l-apsida tal-knisja prinċipali, u huwa opra tal-arti ta' importanza kulturali fil-Georgia. Fuq l-artal hemm statwa tal-Madonna li tidher qed tħares 'l isfel lejn il-Bambin Ġesù fi ħdanha.[9]
Il-monasteru għadu attiv u l-knejjes tiegħu għadhom jintużaw b'mod regolari għas-servizzi reliġjużi. Taħt is-superviżjoni tal-UNESCO, is-sit jiġi rrestawrat u protett kontinwament. L-istrutturi oriġinali kollha tal-monasteru huma intatti u għadhom jiffunzjonaw għall-iskop li għalih inbnew.
Il-mużajk u l-affreski ġarrbu xi ħsarat qabel il-konservazzjoni tal-UNESCO, iżda dawn il-ħsarat trażżnu ladarba l-bejt tal-binja ġie ssostitwit minn konservazzjonisti mill-Georgia.[10] Permezz ta' digriet presidenzjali, il-monasteru żdied mar-Reġistru Nazzjonali tal-Monumenti għall-protezzjoni u għar-restawr fl-2006.
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.