kumpless ta' tempji megalitiċi f'Malta From Wikipedia, the free encyclopedia
L-Imnajdra huwa kumpless ta' tempju megalitiku li jinsab mal-kosta tan-Nofsinhar tal-gżira Mediterranja ta' Malta. L-Imnajdra jinsab bejn wieħed u ieħor 497 metru (544 jarda) 'il bogħod mill-kumpless megalitiku ta' Ħaġar Qim. L-Imnajdra nbena għall-ħabta tar-raba' millenju Q.K.; it-Tempji Megalitiċi ta' Malta u Għawdex huma fost l-iżjed siti reliġjużi antiki fid-Dinja,[1] u ġew deskritti mill-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO bħala "kapolavuri arkitettoniċi uniċi".[2] Fl-1992 l-UNESCO rrikonoxxiet il-kumpless tal-Imnajdra u erba' strutturi megalitiċi oħra fil-Gżejjer Maltin bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3] Fl-2009 tlesta x-xogħol ta' installazzjoni ta' tinda protettiva fuq il-kumpless tal-Imnajdra.[4]
L-Imnajdra huwa magħmul mill-Qawwi ta' Fuq, li huwa blat ferm iktar iebes mill-franka ratba ta' Ħaġar Qim. Is-sistemi strutturali prinċipali li ntużaw fit-tempji huma l-irfid b'ġebel iżgħar u l-kostruzzjoni b'ħaġar kbir weqfin jew mimdudin tal-ġebla tal-ġir.
Il-pjanta ta' kwadrifolju tal-Imnajdra hija kemxejn iktar regolari minn dik ta' Ħagar Qim, u tixbah lil dik tal-kumpless iktar bikri ta' Ġgantija. L-istruttura preistorika tikkonsisti minn tliet tempji, relatati ma' xulxin, iżda mhux ikkollegati ma' xulxin: it-tempju ta' fuq, it-tempju nofsani u t-tempju t'isfel.[5][6]
It-tempju ta' fuq huwa l-eqdem struttura fil-kumpless tal-Imnajdra u jmur lura għall-fażi ta' Ġgantija (3600–3200 Q.K.).[7] Huwa binja bi tliet apsidi, bil-ftuħ tal-apsida ċentrali imblukkata b'ħajt diviżorju baxx. Il-ħaġar wieqaf qishom pilastri kienu mżejna b'marki ta' tikek imħaffrin f'ringieli orizzontali fuq in-naħa ta' ġewwa.[8]
It-tempju nofsani nbena (jew x'aktarx reġa' nbena) fl-aħħar tal-fażi ta' Ħal Tarxien (3150–2500 Q.K.). Id-daħla ċentrali prinċipali tat-tempju hija ffurmata minn toqba mħaffra f'ġebla tal-ġir wieqfa kbira, li hija tip ta' kostruzzjoni tipika ta' daħliet megalitiċi oħra f'Malta. Milli jidher, oriġinarjament dan it-tempju kellu saqaf bil-volti, iżda issa għad fadal biss il-bażi tas-saqaf fuq il-ħitan, u fil-fatt huwa l-iżjed struttura reċenti. Huwa magħmul minn ħaġriet weqfin b'ħaġriet mimdudin jistrieħu fuqhom.[9]
It-tempju t'isfel, li nbena fil-bidu tal-fażi ta' Ħal Tarxien, huwa l-iżjed impressjonanti u x'aktarx li huwa l-aqwa eżempju ta' arkitettura megalitika f'Malta. Għandu spazju kbir fil-beraħ quddiemu li fih xi bankijiet tal-ġebel, passaġġ jew daħla msaqqfa b'xi ħaġriet orizzontali (waħda minnhom għadha teżisti), u l-fdalijiet x'aktarx ta' saqaf b'għamla ta' koppla.[10] It-tempju huwa mżejjen b'tinqix spirali u b'marki oħra, u fih aperturi li wħud minnhom jagħtu għal kmamar iżgħar u għal arranġament ta' għadd ta' ħaġar ieħor.
It-tempju t'isfel huwa allinjat astronomikament u b'hekk x'aktarx li kien jintuża bħala sit kalendarju u/jew għall-osservazzjoni astronomika.[11] Fl-ekwinozji tar-rebbiegħa u tal-ħarifa, id-dawl tax-xemx jgħaddi mid-daħla prinċipali tat-tempju u jdawwal l-assi ewlieni. Fis-solstizji, id-dawl tax-xemx idawwal it-truf tal-ħaġar megalitiku lejn ix-xellug u l-lemin ta' din id-daħla.[12]
Għalkemm ma hemm l-ebda rekord bil-miktub li jindika l-iskop ta' dawn l-istrutturi, l-arkeologi wasslu għall-użu tagħhom mill-oġġetti ċerimonjali li sabu fihom: skieken taż-żnied għas-sagrifiċċji u toqob għall-ħbula li x'aktarx li ntużaw biex jintrabtu l-annimali għas-sagrifiċċji (ladarba nstab ukoll ħafna għadam tal-annimali). Dawn l-istrutturi ntużawx bħala oqbra ladarba ma nstabux fdalijiet umani.[13] It-tempji huma mgħammra b'bankijiet tal-ġebel u b'imwejjed li jagħtu ħjiel rigward l-użu tagħhom. Bosta artefatti ġew irkuprati minn ġot-tempji u dawn jissuġġerixxu li dawn it-tempji kienu jintużaw għal skopijiet reliġjużi, x'aktarx għall-fejqan tal-mard u/jew għall-promozzjoni tal-fertilità.
Waħda mill-ħaġriet hija mżejna b'diversi tikek imħaffrin fil-wiċċ, irranġati f'diversi ringieli allinjati mal-lemin; dawn jistgħu jiġu kkollegati ma' diversi perjodi ddeterminati mill-Qamar.[14]
Ringiela | Għadd ta' toqob | Użu possibbli |
---|---|---|
1 | 19 | Għad-19-il sena taċ-ċiklu Metoniku (235 xahar sinodiku, 255 xahar drakoniku, 254 xahar siderjali, rispettivament ta' 6,940 jum).
Wara dan il-perjodu, il-Qamar ikollu l-istess fażi lunari u l-istess latitudni eklittika u l-istess lonġitudni eklittika (eż. fid-Daħla tad-Deheb tal-linja eklittika jew fl-ekwinozju). |
2 | 16 (lemin) | Għas-16-il jum mill-Qamar l-antik (li jkun għadu viżibbli) sal-qamar kwinta u t-13-il jum mill-qamar kwinta sal-qamar l-antik li jmiss,
b'kollox 29 jum, l-għadd ta' jiem sħaħ fi ħdan xahar simboliku (29.5 jum). Wara dan il-perjodu, il-Qamar jerġa' jkollu l-istess fażi lunari. |
13 (xellug, fuq) | ||
3 | 3 + 4 (lemin)
= 7 |
Għas-7 jiem sħaħ ta' kwarti tal-Qamar (7.4 ijiem) rispettivament ta' ġimgħa. |
3 (xellug) | Għat-3 kwarti tal-Qamar li diġà jkunu għaddew fi ħdan ix-xahar attwali. | |
4 | 25 | Għall-25 fażi tal-Qamar (kull 14.8-il jum) fi ħdan sena tropikali (365.2 jum). |
5 | 11 | Għall-11-il jum addizzjonali f'sena tropikali (365.2 jum) meta mqabbla ma' 12-il xahar sinodiku (354.4 jum). |
6 | 24 + 1
= 25 |
Għall-24 fażi tal-Qamar rispettiv fi ħdan 12-il xahar sinodiku (354.4 jum)
flimkien ma' xahar mhux komplut sa tmiem is-sena tropikali xierqa (365.2 jum). |
7 | 53 | Għat-53 ġimgħa fi ħdan sena tropikali (365.2 jum) rispettivament mit-tlugħ jew mill-inżul eljakali tal-Pleiades (jew stilel) sa ta' wara. |
L-iskavi tat-tempji tal-Imnajdra twettqu taħt id-direzzjoni ta' J.G. Vance fl-1840, sena wara l-iskoperta ta' Ħagar Qim. Fl-1871, James Fergusson iddisinja l-ewwel pjanta tal-istruttura megalitika. Il-pjanta ma tantx kienet saret bir-reqqa u b'hekk fl-1901 Albert Mayr għamel l-ewwel pjanta bir-reqqa li kienet ibbażata fuq is-sejbiet tiegħu. Fl-1910, Thomas Ashby wettaq iktar investigazzjonijiet li rriżultaw fil-ġbir ta' materjal arkeoloġiku importanti. Twettqu iktar skavi f'Diċembru 1949, fejn instabu żewġ statwi żgħar, żewġ skutelli kbar, għodod u ħaġra sferika kbira, li x'aktarx intużat għaċ-ċaqliq tal-ħaġar il-kbir tat-tempji.[15]
It-tempju ġie inkluż fil-Lista tal-Antikitajiet tal-1925.
It-tempji tal-Imnajdra ġew vandalizzati fit-13 ta' April 2001, meta mill-inqas tliet persuni armati bi sprangi waqqgħu jew kissru madwar 60 ħaġra megalitika u ħażżu xi graffiti fuqhom. L-attakk ġie deskritt mill-UNESCO bħala "l-agħar att ta' vandaliżmu li qatt twettaq fil-gżira ta' Malta".[16] Inizjalment il-ħsara lit-tempji ġiet ikkunsidrata bħala irreparabbli, iżda iktar 'il quddiem sar restawr b'tekniki ġodda u issa diffiċli li wieħed jagħraf liema ħaġriet kien ġarrbu l-ħsarat. It-tempji reġgħu nfetħu għall-pubbliku fl-2002.
Il-muniti Maltin ta' ċenteżmu, ta' żewġ ċenteżmi u ta' ħames ċenteżmi tal-ewro, izzekkati mill-2008, fihom rappreżentazzjoni tat-tempji tal-Imnajdra fuq in-naħa ta' wara tagħhom.
Tinda protettiva nbniet madwar it-tempji tal-Imnajdra (flimkien ma' dawk ta' Ħaġar Qim) fl-2009.
L-antropologa Kathryn Rountree esplorat kif it-"tempji Neolitiċi ta' Malta", inkluż ta' Ġgantija, "ġew interpretati, ikkontestati u ttrattati minn diversi gruppi ta' interess lokali u barrani: dawn li jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu, l-intellettwali u n-nazzjonalisti, il-kaċċaturi, l-arkeologi u l-artisti Maltin, kif ukoll il-parteċipanti fil-moviment globali tad-divinità femminili".[17]
Sors partikolari mis-snin bikrin tas-seklu 21 jispekula li l-għamla ta' kwadrifolju tat-tempji tal-Imnajdra (x'aktarx it-Tempju ta' Fuq) tista' tirrappreżenta "il-preżent, l-imgħoddi u l-ġejjieni (jew it-twelid, il-ħajja u l-mewt)", filwaqt li l-allinjament solari jaf ifisser li "l-enerġija maskili tax-xemx tingħata post onorarju f'dawn it-tempji", u li "l-pjaneta omm kienet irrappreżentata minn statwetti filwaqt li x-xemx missier kien meqjum permezz tal-allinjament ta' dan it-tempju".[18]
Fl-1980, it-tempji ta' Ġgantija (f'Għawdex) ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji wieħed tal-UNESCO. Imbagħad, fl-1992, il-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO estenda dan is-sit billi inkluda ħames tempji megalitiċi oħra. Dawn huma t-tempji ta' Ħaġar Qim (il-Qrendi, Malta), tal-Imnajdra (il-Qrendi, Malta), Ta' Ħaġrat (l-Imġarr, Malta), ta' Skorba (iż-Żebbiegħ, Malta) u ta' Ħal Tarxien (Ħal Tarxien, Malta).
L-UNESCO ddeżinjat dawn is-sitt tempji megalitiċi ta' Malta u Għawdex bħala Sit ta' Wirt Dinji wieħed abbażi tal-kriterju (iv) tal-kriterji tal-għażla tal-UNESCO, jiġifieri “Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”. It-Tempji Megalitiċi ta' Malta u Għawdex huma notevoli mhux biss minħabba li jispikkaw l-oriġinalità, il-kumplessità u l-proporzjonijiet enormi tagħhom, iżda anke minħabba l-ħila teknika konsiderevoli meħtieġa fil-kostruzzjoni tagħhom.[19] Is-sitt tempji jiġu ġestiti minn Heritage Malta, filwaqt li s-sjieda tal-art tal-madwar tvarja minn sit għall-ieħor.[20][21]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.