From Wikipedia, the free encyclopedia
Ludwig van Beethoven (pronunzjata /luːtvɪç fan ˈbeːthoːfn/; Bonn, 17 ta' Diċembru 1770 – Vjenna, 26 ta' Marzu 1827) kien kompożitur Ġermaniż li x-xogħol tiegħu jinfirex mill-perjodu klassiku sal-bidu tar-Romantiċiżmu.
Ludwig van Beethoven | |
---|---|
Ludwig van Beethoven jaħdem fuq il-Missa Solemnis, pittura ta' Joseph Karl Stieler, 1820. | |
Ħajja | |
Twelid | Bonn, 16 Diċembru 1770, 17 Diċembru 1770, 1770 |
Nazzjonalità |
Electorate of Cologne (en) Imperu Awstrijak |
Residenza | Beethoven House (en) |
Grupp etniku |
Ġermaniżi Flemish people (en) |
L-ewwel lingwa | Ġermaniż |
Mewt | Vjenna, 26 Marzu 1827 |
Post tad-dfin |
Ċimiterju Ċentrali ta' Vjenna Q38103979 |
Kawża tal-mewt | kawżi naturali (ċirrożi) |
Familja | |
Missier | Johann van Beethoven |
Omm | Maria Magdalena van Beethoven |
Konjuga/i | Not married |
Ulied |
uri
|
Aħwa | |
Familja |
uri
|
Edukazzjoni | |
Lingwi | Ġermaniż |
Għalliema |
Christian Gottlob Neefe (mul) Joseph Haydn Antonio Salieri Johann Baptist Schenk (en) Johann Georg Albrechtsberger (mul) Gilles van der Eeden (en) Muzio Clementi (mul) |
Studenti | |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
kompożitur pjanist surmast tal-orkestra għalliem tal-mużika organist virtuoso improvviżatur vjolinist kittieb |
Parteċipant | |
Post tax-xogħol |
Bonn Vjenna Mödling Baden |
Xogħlijiet importanti |
Für Elise Symphony No. 9 (en) Piano Sonata No. 14 (en) Missa Solemnis Piano Sonata No. 8 (en) Symphony No. 5 (en) Symphony No. 6 (en) Piano Sonata No. 21 (en) Piano Sonata No. 23 (en) Violin Sonata No. 9 (en) Symphony No. 3 (en) Fidelio |
Premjijiet |
List
|
Influwenzat minn |
Johann Joseph Fux (mul) Johann Sebastian Bach Joseph Haydn Wolfgang Amadeus Mozart |
Sħubija | Koninklijke Nederlandse Akademie van Wetenschappen |
Moviment |
perjodu klassiku mużika romantika |
Strument/i tal-mużika |
pjanu vjolin |
“ Kollox jgħaddi u d-dinja tmut, imma s-Sinfonija nru. 9 tibqa' għal dejjem. ”
—Michael Bakunin
Bħala l-aħħar rappreżentant tal-klassiċiżmu Vjenniż (wara Gluck, Haydn u Mozart), Beethoven ħejja t-triq għall-evoluzzjoni lejn ir-Romantiċizmu fil-mużika u influwenza l-mużika tal-Punent matul parti kbira tas-seklu 19. Kien inkomparabbli ("Tagħtini l-impressjoni li inti bniedem b'ħafna mħuħ, ħafna qlub u ħafna rwieħ" qallu Haydn qrib l-1793)[1] u esprima l-arti tiegħu fil-forom kollha tal-mużika. Minkejja li l-mużika sinfonika kienet il-kawża prinċipali tal-popularità universali tiegħu, kienet il-kitba pjanistika u l-musica da camera li għamlu l-ikbar impatt.
Bil-qawwa tar-rieda tiegħu rebaħ fuq it-tiġrib li ġabitlu t-traġedja tat-truxija u ċċelebra fil-mużika tiegħu t-trijonf tal-eroiżmu u l-ferħ waqt li d-destin tah biss iżolament u miżerja. Għaldaqstant, kien tassew jistħoqqlu t-tifħir ta' Romain Rolland meta dan tal-aħħar wasal biex qal: "Hu l-aqwa fost l-aqwa mużiċisti. Hu l-forza l-iżjed erojka fl-arti moderna".[2] Ix-xogħlijiet ta' Beethoven, li għalih il-kreazzjoni mużikali kienet att ta' bniedem ħieles u independenti, u espressjoni ta' ottimiżmu u ta' fiduċja soda fil-bniedem, jagħmluh wieħed mill-figuri l-iżjed importanti fl-istorja tal-mużika.
Ludwig van Beethoven twieled Bonn fis-16 ta' Diċembru jew fis-17 ta' Diċembru 1770,[3] minn familja umli li kellha tradizzjoni mużikali ta' mill-inqas żewġ ġenerazzjonijiet. Nannuh min-naħa ta' missieru, Ludwig van Beethoven ix-xiħ (1712-1773), kien ġej minn familja ordinarja Fjamminga minn Mechelen (il-partiċella "van" m'għandhiex x'taqsam man-nobbiltà).[4] Dan kien raġel rispettat u mużiċista tajjeb li mar joqgħod Bonn fl-1732 u sar Maestro di Cappella tal-Prinċep-Elettur ta' Kolonja. Missieru, Johann van Beethoven (1740-1792), kien mużiċista u tenur fil-Qorti tal-Elettur, bniedem medjokri, kiefer u magħruf bħala xurban, li rabba 'l-uliedu taħt dixxiplina kbira. Ommu, Maria-Magdalena van Beethoven, imwielda Keverich (1746-1787), kienet bint kok tal-Elettur ta' Trier. Kienet mara qalba tajba imma depressiva, maħbuba minn uliedha imma dejjem tibqa' lura. Ludwig kien wieħed fost seba' wlied li minnhom tlieta biss laħqu l-età adulta: hu stess, u ż-żewg ħutu iżgħar minnu, Kaspar-Karl (1774-1815) u Johann (1776-1848).[5]
Johann van Beethoven ma damx ma ntebaħ bid-don mużikali ta' ibnu u induna kemm seta' jaqla' minnu. Ftakar fiċ-ċkejken Mozart, muri f'kunċerti madwar l-Ewropa xi ħmistax-il sena qabel, u mill-1775 ħa l-edukazzjoni mużikali ta' Ludwig f'idejh biex fl-1778 ħadu jdoqq il-pjanu quddiem udjenzi mar-Rheinland kollha, minn Bonn sa Kolonja. Imma għall-kuntrarju ta' Léopold Mozart, minflok ma pprova juża l-pedagoġija ma' ibnu, Johann van Beethoven kien kapaċi biss juża l-awtortità u l-ħruxija u din l-esperjenza sfat bla frott u ma ttennitx darba oħra, ħlief dawra waħda fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-1781.[6] Flimkien ma' edukazzjoni ġenerali, li kien jafha fil-parti kbira lill-benevolenza tal-familja von Breuning u lill-ħbiberija mat-tabib Franz-Gerhard Wegeler, li baqgħet għal ħajtu kollha, it-tfajjel Ludwig sar l-istudent ta' Christian Gottlob Neefe (pjanu, orgni, kompożizzjoni), u bejn l-1782 u l-1783 ikkompona għall-pjanu, id-Disa' Varjazzjonijiet fuq marċ ta' Dressler,[7] u t-tliet Sonatini msejħa "lill-Elettur" li mmarkaw simbolikament il-bidu tax-xogħol mużikali tiegħu.
Fl-1784, Beethoven nħatar organista fil-Qorti tal-Elettur il-ġdid Max-Franz li sar il-patrun tiegħu. Hemm induna bih il-Konti Ferdinand von Waldstein li l-għajnuna tiegħu kienet kruċjali għall-mużiċista żagħżugħ. Ħa 'l Beethoven Vjenna għall-ewwel darba f'April 1787, u fiż-żjara kellu laqgħa qasira ma' Mozart.[8] F'Lulju 1792, von Waldstein ippreżenta ż-żagħżugħ Ludwig lil Joseph Haydn li kien għadu ġej minn dawra mal-Ingilterra u waqaf Bonn. Haydn impressjona ruħu ħafna meta qara l-mużika ta' kantata komposta minn Beethoven (jew Nhar il-mewt ta' Ġużeppi II jew Nhar il-miġja ta' Leopoldu II) u stiednu jkompli jistudja Vjenna taħt id-direzzjoni tiegħu. Beethoven kien jaf li l-opportunità li jitgħallem taħt mużiċista tal-fama ta' Haydn ma kinitx ta' min jitlifha, u fl-istess ħin kważi ma kienx għad baqagħlu aktar irbit mal-familja (ommu kienet mietet bit-tuberkulożi f'Lulju 1787, u missieru kien dejjem fis-sakra u ma kienx kapaċi jmantni l-familja). Għalhekk Beethoven aċċetta u fit-2 ta' Novembru 1792 telaq ir-Renu u qatt ma reġa' lura. Waldstein (Novembru 1792) kien qallu hekk:
"Għażiż Beethoven, ħa tmur Vjenna biex twettaq ix-xewqa ta' żmien ilu: il-ġenju ta' Mozart għadu bil-vistu u jibki l-mewt tad-dixxiplu tiegħu. Fl-ineżawribbli Haydn sab il-kenn, imma ma sabx daru; hu għadu jixtieq jingħaqad ma' xi ħadd. Bil-ħidma bla waqfien, irċievi minn idejn Haydn l-ispirtu ta' Mozart".[9] |
Fl-aħħar tas-seklu 18, Vjenna kienet il-kapitali tal-mużika Oċċidentali u kienet tirrapreżenta l-aħjar ċans biex wieħed jirnexxi fil-karriera mużikali. Meta wasal hemm fl-età ta' 22 sena, kien diġà kkompona ħafna, però fil-verità l-ebda waħda mill-kompożizzjonijiet sa dak iż-żmien kienet imporanti wisq, u kien għadu lura milli jilħaq il-maturità artistika. Dan jiddistingwih fundamentalment minn Mozart. Fil-fatt kien bħala pjanista "virtuoso" li xtaq isir famuż, qabel ma jagħmel isem bħala kompożitur. Rigward it-tagħlim minn Haydn, minkejja li kien mill-aktar prestiġjuż, kien ukoll diżappuntat minn xi aspetti. Minn naħa minnhom, Beethoven malajr daħħalaha f'rasu li l-għalliem tiegħu kien jgħir għalih, waqt li min-naħa l-oħra Haydn ma damx ma beda jiddejjaq bin-nuqqas ta' dixxiplina u l-awdaċja mużikali tal-istudent tiegħu. Minkejja l-istima li kellhom lejn xulxin, imfakkra bosta drabi, "missier is-sinfonija" qatt ma kellu ma' Beethoven l-istess ħbiberija profonda li kellu ma' Mozart, ħbiberija li wasslet għat-twelid ta' emulazzjoni li tat ħafna frott. Haydn, lejn l-1793 qallu:
"Int għandek ħafna talent u tikseb iżjed il-quddiem, ħafna iżjed. Għandek abbundanza ineżawribbli ta' ispirazzjoni. Int se jkollok ideat li għad ħadd ma kellu, u qatt m'inti se tissagrifika l-ideat tiegħek għal xi regola tiranika, imma se tissagrifika r-regoli tiraniċi għall-fantasiji tiegħek; tagħtini l-impressjoni li inti bniedem b'ħafna mħuħ, ħafna qlub u ħafna rwieħ." [1] |
Matul dan iż-żmien Haydn kellu influwenza profonda u twila fuq ix-xogħol ta' Beethoven, u iżjed tard dan kien se jirrikonoxxi dak li kien jaf lill-għalliem tiegħu. Wara li Haydn reġa' mar Londra (Jannar 1794), Beethoven kompla l-istudji tiegħu sporadikament sal-bidu tal-1795 ma' bosta għalliema oħra fosthom il-kompożitur Johann Schenk u tnejn oħra mill-epoka Mozartina: Johann Georg Albrechtsberger u Antonio Salieri. Meta temm l-apprentistat tiegħu, Beethoven iddeċieda li jibqa' Vjenna. It-talenti tiegħu bħala pjanista għamluh magħruf u apprezzat mid-dilettanti tal-mużika tal-aristokrazija Vjenniża li fosthom insibu bosta ismijiet li baqgħu sal-lum marbutin mad-dedikazzjonijiet ta' ħafna mill-kapulavuri tiegħu, bħall-Baruni Nikolaus Zmeskall, il-Prinċep Carl Lichnowsky, il-Konti Andrei Razumovsky, il-Prinċep Joseph Franz von Lobkowitz, u aktar tard l-Arċiduka Rodolfu tal-Awstrija. Wara li ppublika l-ewwel tliet trii tiegħu għall-pjanu, vjolin u vjolinċell, taħt in-numru opus 1, imbagħad l-ewwel Sonati għall-pjanu tiegħu, Beethoven ta l-ewwel kunċert pubbliku fid-29 ta' Marzu 1795, fejn daqq il-kreazzjoni tiegħu Kunċert għall-pjanu nru. 2 (li fil-fatt kien ikkompona l-ewwel meta kien għadu Bonn).
Fl-1796 Beethoven għamel sensiela ta' kunċerti li ħaduh minn Vjenna sa Berlin u għadda minn Dresden, Leipzig, Nuremberga u Praga. Waqt li l-pubbliku faħħar il-virtuosità u l-ispirazzjoni tiegħu fuq il-pjanu, il-kritiċi l-iżjed konservazzjonisti laqgħu l-entużjażmu tiegħu b'ċertu xettiċiżmu.[10]
Il-qari tal-klassiċi Griegi, ta' Shakespeare u tal-mexxejja tal-moviment politiku-letterarju Sturm und Drang li kienu Goethe u Schiller, xaqleb it-temperament tal-mużiċista b'mod permanenti lejn l-idealiżmu. Dan l-idealiżmu kien imsaħħaħ ukoll mill-ideat demokratiċi tal-Illuminiżmu u r-Rivoluzzjoni Franċiża li dak iż-żmien kienu nfirxu mal-Ewropa. Fl-1798 Beethoven kien sikwit iżur l-ambaxxata ta' Franza fi Vjenna fejn iltaqa' ma' Bernadotte u mal-vjolinista Rodolphe Kreutzer, li fl-1803 iddedikalu is-Sonata għall-vjolin nru. 9 li ġġib ismu. Waqt li l-attività kreattiva tiegħu intensifikat (kompożizzjoni tas-Sonati għall-pjanu, Sonata għall-pjanu nru. 5 sa Sonata għall-pjanu nru. 7, l-ewwel Sonati għall-vjolin u pjanu), sa madwar l-1800, il-kompożitur kien għadu jieħu sehem fil-konkorsi mużikali li kienu popolari ħafna fis-soċjetà Vjenniża u li għamluh l-aqwa virtuoso ta' Vjenna, għad-detriment għal pjanisti ta' fama bħal Clementi, Cramer, Gelinek, Hummel u Steibelt.
L-aħħar tas-snin 1790 kien ukoll l-epoka tal-ewwel kapulavuri: l-Kunċert għall-pjanu nru. 1 (1798), l-ewwel sitt kwartetti għall-arki (1798-1800), is-Settett għall-arki u nifsijiet (1799-1800) u fix-xogħlijiet li jaffermaw bl-iżjed mod ċar il-karattru tal-mużiċista li kien qiegħed jissawwar: is-Sonata għall-pjanu nru. 8 (msejħa Patetika) (1798-1799) u s-Sinfonija nru. 1 (1800). Minkejja li l-influwenza tal-aħħar sinfoniji ta' Haydn kienet għadha tidher ċara fihom, din tal-aħħar kienet diġà stampata bil-karattru Beethovenjan (b'mod partikulari fl-ischerzo tat-tielet moviment) u diġà kien hemm fiha ż-żerriegħa tal-wegħda ta' suċċessi ikbar. L-Ewwel Kunċert u L-Ewwel Sinfonija indaqqu b'suċċess kbir fit-2 ta' April f'kunċert li Beethoven iddedika għax-xogħlijiet tiegħu. Bl-għajnuna tar-renti li kienu jtuh il-patruni tiegħu, Beethoven, li l-fama tiegħu kienet qiegħda tikber anki barra mill-fruntieri tal-Awstrija, kien jidher f'dak il-mument ta' ħajtu li kien garantit ħajja fil-karriera ta' kompożitur u interpretu glorjuż tal-mużika.
Czerny, lejn l-1840 qal:
"L-improviżazzjoni tiegħu ma setgħetx tkun iżjed brillanti u tal-għaġeb; f'xi laqgħat li daqq għalihom, tant impressjona 'l kull wieħed mis-semmiegħa li ħafna drabi għajnejhom kienu jimtlew bid-dmugħ, u xi wħud kienu jinfaqgħu jibku. Kellu fl-espressjoni tiegħu xi ħaġa meraviljuża, independentament mis-sbuħija u l-oriġinalità tal-ideat tiegħu u l-mod inġenjuż kif kien idoqqhom."[11] |
Is-sena 1802 kellha tkun ta' bidla kbira fil-ħajja tal-kompożitur. Mingħajr ma qal lil ħadd, mill-1796 Beethoven beda jinduna bit-truxija tiegħu, li kienet se tibqa' sejra għall-agħar mingħajr fejqan sakemm fl-1820 ittarrax għal kollox.[12] Għalhekk inqata' min-nies kollha u ngħalaq fis-solitudni minħabba l-biża' li jkollu jammetti fil-pubbliku li kien qiegħed ibati b'din il-marda terribbli. Allura Beethoven ħa l-fama ta' misantropu u sofra din il-fama fis-silenzju sa mewtu.[13] Billi kien jaf l-marda tiegħu kienet xi darba se twaqqfu milli jaħdem bħala pjanista u forsi anki milli jikkomponi, għal mument daħallu f'rasu li joqtol ruħu b'idejh, imma malajr iddispjaċieh, neħħa din l-idea minn moħħu u esprima l-fiduċja fl-arti tiegħu f'ittra li baqgħet tissejjaħ it-Testment ta' Heiligenstadt, li qatt ma ntbagħtet u kien biss wara mewtu li din instabet.
Beethoven fis-6 ta' Ottubru 1802 kiteb:
"Ja nies li taħsbu li jien odjuż, stinat, żorr, jew nippretendi li jien hekk, kemm intom inġusti! Ma tafux ir-raġuni sigrieta li tarawni hekk. […] Kunu afu li sitt snin ilu qabditni din il-marda terribbli, li t-tobba inkompetenti għamlu agħar. Sena wara sena bla tama ta' fejqan, […] kelli ninqata' mill-kumpanija, ngħix waħdi, 'il bogħod mid-dinja. […] Jekk xi darba taqraw dan, imbagħad tindunaw li ma kontux ġusti miegħi, u li l-imdejjaq jissabbar billi jsib xi ħadd ieħor bħalu li minkejja l-ostakli kollha tan-Natura sar fost l-aqwa artisti u nies kbar."[14] |
Fortunatament il-vitalità kreattiva tiegħu ma battietx. F'dan il-perjodu ta' kriżi morali, wara l-kompożizzjoni tas-sonata ġentili, Sonata għall-vjolin nru. 5, imsejħa Ir-rebbiegħa (Frühlings, 1800) u tas-Sonata għall-pjanu nru. 14, imsejħa Dawl ta' Qamar (1801), ikkompona s-sinfonija mhux magħrufa wisq, mimlija ferħ, it-Tieni Sinfonija (1801-1802) u l-kunċert iżjed ta' swied il-qalb, il-Kunċert għall-pjanu nru. 3 (1800-1802) fejn feġġet b'mod ċar, permezz tal-kjavi ta' do minuri, il-personalità karatteristika tal-kompożitur.
Fil-5 ta' April 1803, dawn iż-żewġ xogħlijiet intlaqgħu tajjeb, imma għal Beethoven kienet ħa tinqaleb il-folja; minn dak iż-żmien il-karriera tiegħu kienet se tieħu direzzjoni oħra. Miċħud mill-possibbiltà li jesprimi t-talent tiegħu kollu u milli jaqla l-għajxien bħala interpretu tal-mużika, kien sejjer jintefa' b'ruħu u ġismu fuq il-kompożizzjoni b'kuraġġ u qawwa ta' karattru li ħadd ma kien stennihom. Fit-tmiem tal-kriżi tal-1802 feġġ l-eroiżmu trijonfanti tat-Tielet Sinfonija.
Beethoven fl-1802 qal hekk:
"Jien sodisfatt biex xogħol tiegħi sa issa. M'illum irrid niftaħ triq ġdida."[15] |
It-Tielet Sinfonija (l-Erojka), kienet pass importanti fix-xogħol ta' Beethoven, mhux biss minħabba l-qawwa espressiva u t-tul tagħha li sa dak iż-żmien kienet ħaġa ġdida għalih, imma wkoll għax tat il-bidu għal sensiela ta' xogħlijiet brillanti, notevoli għat-tul tagħhom, u l-enerġija tagħhom, karatteristiċi tal-istil tal-perjodu tan-nofs ta' Beethoven, imsejjaħ "stil erojku". Il-kompożitur għall-ewwel kellu l-ħsieb li jiddedika din is-sinfonija lill-Ġeneral Napuljun Bonaparti li kien iqisu bħala s-salvatur tar-Rivoluzzjoni Franċiża.[16] Imma meta sema' bil-proklamazzjoni maħruġa mill-Imperu Franċiż (Mejju 1804), tant irrabja li qatta' d-dedikazzjoni.[17] Fl-aħħar, il-kapulavur ingħata t-titlu ta' Sinfonija Kbira Erojka b'tifkira ta' bniedem kbir. Il-kompożizzjoni tas-sinfonija ħadet mill-1802 sal-1804 u meta nstemgħet fil-pubbliku fis-7 ta' April 1805, qajmet reazzjoni kbira u l-biċċa kbira tan-nies ħasbuha twila wisq. Beethoven ma ħabbilx rasu u qal li din is-sinfonjia jarawha qasira meta jkun ikkompona oħra ta' iżjed minn siegħa,[18] u sal-kompożizzjoni tad-Disa' Sinfonija baqa' jqis l-Erojka bħala l-aħjar sinfonija tiegħu.[19]
Fil-kitba pjanistika, l-istil evolva wkoll: fl-1804 is-Sonata għall-pjanu nru. 21 iddedikata lill-Konti Waldstein u msemmija għalih, laqtet 'il-pjanisti li daqquha bil-virtuosità tagħha u b'kemm kienet teħtieġ mill-istrument. Is-sonata grandjuża Sonata għall-pjanu nru. 23 imsejħa Appassionata (1805), ħarġet mill-istess forma u ftit żmien warajha l-Kunċert Tripplu għall-pjanu, vjolin, vjolinċell u orkestra (1804). F'Lulju tal-1805, il-kompożitur iltaqa' ma' Luigi Cherubini u ma ħebiex l-ammirazzjoni li kellu għalih.
Ta' ħamsa u tletin sena, Beethoven beda jaħdem fil-forma mużikali li għaliha Mozart kien l-iżjed famuż, l-opra lirika. Fl-1801 għoġbu ħafna l-librett Léonore ou l'amour conjugal tal-Franċiż Jean-Nicolas Bouilly, u fl-1803 beda l-abbozz tal-opra Fidelio, li fil-bidu kienet iġġib it-titlu tal-eroina Léonore. Imma kellu xi diffikultajiet li ma stennihomx. Din fil-bidu ma ntgħoġbitx mill-pubbliku (kellha tliet rappreżentazzjonijiet biss fl-1805) u Beethoven beda jaħseb li kien hemm konfoffa kontra tiegħu. Fidelio kellha tgħaddi minn tliet verżjonijiet (1805, 1806 u 1814) u kien biss wara t-tielet waħda li fl-aħħar l-opra kellha r-rikoxximent li xerqilha. Beethoven kien ikkompona xogħol importanti tar-repertorju liriku imma din l-esperjenza ħallietu b'togħma qarsa u qatt ma reġa' ħadem f'dil-forma ta' mużika, allavolja ħaseb fi proġetti oħra, fosthom MacBeth ispirat mix-xogħol ta' Shakespeare[20] u fuq kollox Faust ta' Goethe, fl-aħħar ta' ħajtu.
Wara l-1805, minkejja l-problemi ta' Fidelio li tefgħuh lura, il-qagħda ta' Beethoven reġgħet marret għall-aħjar. Reġgħet ġiet lura fih il-vitalità kreattiva, deher li kien aċċetta t-truxija tiegħu u reġa' sab, għall-inqas għal xi żmien, ħajja soċjali sodisfaċenti. Minkejja diżappunt sentimentali ieħor għall-mużiċista fil-ksur tar-relazzjoni intima li kellu ma' Joséphine von Brunsvik, is-snin bejn l-1806 u l-1808 kienu l-iżjed fertili għall-kapulavuri li ħoloq: is-sena 1806 biss rat il-kompożizzjoni tal-Kunċert għall-pjanu nru. 4, ta' tliet kwartetti għall-arki, nru. 7, nru. 8 u nru. 9 iddedikat lill-Konti Razumovsky, tar-Raba' Sinfonija u tal-Kunċert għall-vjolin. Fil-ħarifa ta' dik is-sena Beethoven mar joqgħod mal-patrun tiegħu, il-Prinċep Carl Lichnowsky, fil-palazz tiegħu fis-Sleżja u kien waqt li kien qiegħed hemm li wera bl-iżjed qawwa kemm ried ikun indipendenti. Lichnowsky hedded li jarresta 'l Beethoven jekk dan iwebbes rasu u jirrifjuta li jdoqq il-pjanu quddiem xi uffiċjali Franċiżi li kienu stazzjonati fil-palazz tiegħu (is-Sleżja kienet ilha okkupata mill-armati ta' Napuljun mill-Battalja ta' Austerlitz), u l-kompożitur telaq il-prinċep wara ġlieda vjolenti u bagħatlu nota li m'għandhiex bżonn kummentarju (Ottubru 1806) :
"Prinċep, dak li int, hu b'aċċident tat-twelid. Dak li jien, hu bil-ħila tiegħi. Hemm ħafna prinċpijiet u jkun hemm eluf oħra. Beethoven m'hemmx ħlief wieħed."[21] |
Minkejja l-gwaj li ġab fuqu bit-telfa tar-renti mill-patrun ewlieni tiegħu, Beethoven irnexxilu li jistabilixxi ruħu bħala artista independenti u jeħles simbolikament mill-patrunaġġ aristokratiku. Minn hemm l-istil Erojku beda tiela lejn il-quċċata tal-perfezzjoni. Beethoven mexa max-xewqa tiegħu li "jaqbad id-destin minn għonqu" kif qal 'il Wegeler f'Novembru tal-1801[22] u beda jaħdem fuq il-Ħames Sinfonija. Permezz tal-famuż motiv ritmiku ta' erba' noti li jinstema' fl-ewwel battuta u jinfirex max-xogħol kollu, il-mużiċista ried jesprimi t-taqbida tal-bniedem mad-destin u r-rebħa finali tiegħu. L-ouverture Korjolanu, li bħalha hi fuq il-kjavi ta' do minuri, ġejja mill-istess epoka. Imma allavolja kienet komposta fl-istess żmien bħall-Ħames Sinfonija, is-Sinfonija Pastorali hi differenti għal kollox. Michel Lecompte iddeskriviha bħala "l-iżjed serena, l-iżjed mistrieħa, l-iżjed melodika mid-disa' sinfoniji" u fl-istess ħin l-inqas tipika.[23] Hi tislima lin-natura minn kompożitur li kien iħobb ħafna l-kampanja, fejn minn dejjem sab il-kalma u l-ħemda li jispirawh. Din tħabbar verament ir-romantiċiżmu fil-mużika, il-Pastorali għandha bħala sottotitlu din il-frażi ta' Beethoven: "Espressjoni ta' sentiment iżjed minn pittura" u kull moviment fiha għandu indikazzjoni deskrittiva: kienet twieldet is-sinfonija programmatika.
Il-kunċert mogħti minn Beethoven fit-22 ta' Diċembru 1808 kien bla dubju ta' xejn wieħed mill-ikbar fl-istorja (ma' dak tas-7 ta' Mejju 1824). Fih indaqqu għall-ewwel darba l-Ħames Sinfonija, is-Sinfonija pastorali, il-Kunċert għall-pjanu nru. 4, il-Fantasija korali għall-pjanu u orkestra u żewġ innijiet mill-Quddiesa fid-Do maġguri li kien ikkompona għall-Prinċep Esterházy fl-1807.[24] Wara l-mewt ta' Haydn f'Mejju tal-1809, minkejja li kien għad baqa' avversarji determinati, ma kien jinstab ħadd fid-dinja li seta' jikkontesta l-post ta' Beethoven fil-panteon tal-mużiċisti.
Fl-1808, Beethoven kellu offerta mingħand Jérôme Bonaparte, li ħuh kien tah it-tron tal-Westfalja, biex isir maestro di cappella fil-Qorti tiegħu f'Kassel. Jidher li għal mument ġietu l-ħajra li jaċċetta dan l-impieg prestiġuż li, minkejja li kieku ddeċieda li jaċċetta kien iwarrab l-indipendenza tiegħu li tant kien iġġieled għaliha, din il-pożizzjoni kienet tiżguralu aktar kumdità. Imma fl-1809, kien hemm reazzjoni patrijotika mill-aristokrazija Vjenniża. Biex ma jħallux il-mużiċista nazzjonali tagħhom jitlaq, l-Arċiduka Rodolfu, il-Prinċep Kinsky u l-Prinċep Lobkowitz marru jiżguraw 'l Beethoven, li jekk jibqa' Vjenna, jkollu ħlas għal ħajtu ta' 4000 florin fis-sena, somma konsiderevoli għal dik l-epoka.[26] Beethoven aċċetta u qata' xewqtu li żgur ma jerġax ikun fil-bżonn. Imma fir-rebbiegħa tal-1809 il-gwerra bejn Franza u l-Awstrija, li reġgħet bdiet, ħassret kollox. Il-familja imperjali kienet imġiegħla tħalli 'l Vjenna li kienu qed jokkupaw. Il-kriżi gravi ekonomika li laqtet 'l-Awstrija wara l-Battalja ta' Wagram u t-Trattat ta' Schönbrunn impost minn Napuljun Bonaparti, irvinat l-aristokrazija u l-kuntratt ma' Beethoven safa fix-xejn. Sa mewtu s-sitwazzjoni baqgħet tant ħażina li kellu jgħix l-aħħar snin ta' ħajtu kważi fil-faqar.
Madankollu, il-lista ta' kompożizzjonijiet baqgħet titwal: is-snin 1809 u 1810 raw il-kompożizzjoni ta' sensiela ġdida ta' kapulavuri, mill-kunċert brillanti, Kunċert għall-pjanu nru. 5, li ndaqq għall-ewwel darba minn Karl Czerny, il-Kwartett għall-arki nru. 10 msejjaħ l-Arpi, għall-musica di scena għal Egmont ta' Goethe. Meta l-istudent u ħabib tiegħu, l-Arċiduka Rudolf, l-iżgħar tifel tal-familja imperjali, kien imġiegħel jitlaq, Beethoven ikkompona s-Sonata "Saħħiet". Bla dubju, is-snin 1811 u 1812 raw il-kompożitur jilħaq l-quċċata tal-ħajja kreattiva tiegħu. It-Triju tal-Arċiduka u s-Seba' Sinfonija kienu ħa jkunu l-ogħla punt tal-perjodu erojku.
Fil-ħajja personali, Beethoven kien imweġġa profondament meta fl-1810 kien se jiżżewweġ lil Thérèse Malfatti, li lilha ddedika l-famuża Ittra lil Eliża, u t-tieġ tħassar. Il-bijografi kitbu ħafna fuq il-ħajja sentimentali ta' Beethoven. Il-kompożitur innamra ma' bosta nisa sbieħ, sikwit miżżewġin, imma qatt ma wasal għaż-żwieġ ħlief ma' Malfatti. Ir-relazzjonijiet ma' Giulietta Giucciardi (li kienet l-ispirazzjoni għas-Sonata "Fid-dawl tal-qamar"), ma' Thérèse von Brunsvik (li ddedikahla s-Sonata għall-pjanu nru. 24), Maria von Erdödy (li kitbilha żewġ Sonati għall-vjolinċell opus 102) u ma' Amalie Sebald ma damux wisq. Barra t-tħassir ta' daż-żwieġ, il-ġrajja l-oħra importanti fl-imħabba tal-mużiċista kienet il-kitba fl-1812 tal-ittra emottiva, Ittra lill-Maħbuba immortali li għadna ma nafux lil min kitibha, imma l-ismijiet ta' Joséphine von Brunsvik u fuq kollox ta' Antonia Brentano jispikkaw l-iżjed mill-istudju tal-koppja Massin.[27] u ta' Maynard Solomon.[28]
Ix-xahar ta' Lulju 1812, li fuqu għandna ħafna kummenti mill-bijografiċi tal-mużiċista, wassal għal taqliba kbira fil-ħajja ta' Beethoven. Waqt li kien qiegħed jieħu l-kura termali fir-reġjun ta' Teplice u ta' Karlovy Vary, kiteb l-ittra enigmatika, "Ittra lill-maħbuba immortali", u kellu laqgħa li ma tat ebda frott ma' Goethe bil-medjazzjoni ta' Bettina Brentano. Għal raġunijiet li ma nafux sew x'kienu, dan kien il-bidu għal perjodu twil ta' nixfa fil-ħajja kreattiva tal-mużiċista. Nafu li s-snin ta' wara l-1812 kienu mimlijin ġrajjiet drammatiċi fil-ħajja ta' Beethoven, ġrajjiet li kellu jħabbat wiċċu magħhom waħdu billi ħbiebu kollha jew kważi kollha kienu telqu minn Vjenna minħabba l-gwerra tal-1809, imma xejn ma jista' jispjega għal kollox dan il-waqfien wara għaxar snin ta' kreatività inkredibbli.
Minkejja li l-pubbliku għoġbitu ħafna s-Seba' sinfonija u r-Rebħa ta' Wellington (Diċembru 1813) u minkejja li r-rappreżentazzjoni tal-aħħar verżjoni tal-Fidelio kienet suċċess trijonfali (Mejju 1814), Beethoven ftit ftit beda jitlef il-popolarità mal-Vjenniżi li kien għad għandhom nostalġija tal-qatt minsi Mozart u bdiet togħġobhom il-mużika iżjed frivola ta' Rossini. Il-konferenza li saret fil-Kungress ta' Vjenna fejn Beethoven ġie maħtur bħala mużiċista nazzjonali,[29], ma ħebiex għal żmien twil il-fatt li kien qiegħed jitwarrab. Min-naħa l-oħra, id-dittatorjal iktar iħrax ta' Metternich poġġieh f'sitwazzjoni delikata billi l-pulizija Vjenniża ma damitx ma ntebħet bil-konvinzjonijiet demokratiċi u rivoluzzjonarji li kellu l-kompożitur u li kien beda jaħbi inqas u inqas. Mil-lat personali, l-ikbar ġrajja kienet il-mewt ta' ħuh Kaspar-Karl fl-1815. Beethoven kien wegħdu li jieħu ħsieb l-edukazzjoni ta' ibnu Karl u kellu jħabbat wiċċu ma' sensiela bla tarf ta' kawżi kontra l-mara ta' ħuh – Johanna Reis – biex jikseb it-tutela esklussiva tiegħu, li fl-aħħar rebaħ wara s-sentenza tat-tribunal maħruġa nhar it-8 ta' April, 1820.[30] Minkejja r-rieda tajba li kien iħaddan u l-ħerqa tal-istess kompożitur, dan in-neputi kien se jkun għalih, sa lejliet mewtu, kawża ta' nkwiet bla heda. Minn dawn is-snin imdallma, meta sar trux għal kollox, ħarġu biss xi kapulavuri rari: is-Sonati għall-vjolinċell nru. 4 u 5 iddedikati lill-ħabiba tiegħu Maria von Erdödy (1815), is-Sonata għall-pjanu nru. 28 (1816) u ċ-ċiklu kommoventi ta' lieder Lill-maħbuba mbegħda (An die ferne Geliebte, 1815-1816), fuq il-poeżiji ta' Alois Jeitteles.
Bejn l-1816 u l-1817, waqt li s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu bdiet sejra aktar għall-agħar, Beethoven marad gravi u deher li ried joqtol ruħu b'idejh. Imma l-forza morali tiegħu u r-rieda qawwija tiegħu reġgħu rebħuh. Hu dar lejn l-introspezzjoni u l-ispiritwalità li wrewh l-importanza ta' dak li kien għad baqgħalu jikteb "fiż-żmenijiet li ġejjin", sab il-qawwa biex jirbaħ fuq dan it-tiġrib biex jibda l-aħħar perjodu kreattiv tiegħu fejn x'aktarx kellu l-ikbar ispirazzjoni. Disa' snin qabel il-ħolqien tad-Disa' Sinfonija, Beethoven ġabar fi frażi waħda il-ħsieb li kien ħa jkun miegħu fix-xogħol kollu ta' ħajtu (1815) :
"Aħna, esseri limitati bi spirtu limitat, twelidna biss għall-ferħ u t-tbatija. U kważi nistgħu ngħidu li l-ikbar nies jiksbu l-ferħ permezz tat-tbatija."[31] |
Beethoven reġa' ġie f'tiegħu fl-aħħar tal-1817, meta kiteb sonata ġdida biex tindaqq fuq il-pjanu-forte l-iżjed modern (Hammerklavier bil-Ġermaniż). Hu ried li din tkun l-iżjed vasta minn dawk kollha li kien ikkompona sa dak iż-żmien. Fiha uża sal-aħħar, il-kapaċità kollha tal-istrument, għal kważi ħamsin minuta. Imma din is-sonata, is-Sonata Kbira għall-Hammerklavier opus 106 intlaqgħet b'indifferenza mill-pjanisti kontemporanji ta' Beethoven għax dehrilhom li ma tistax tindaqq u li t-truxija tal-mużiċista għamlitu mhux kapaċi li jqis eżattament il-possibbilitajiet tal-istrument. Barra mid-Disa' Sinfonija, ġara l-istess għall-aħħar sensiela ta' xogħlijiet tiegħu. Però hu stess kien jaf li kienu avvanzati wisq għal żmienhom. Madankollu ma tantx kien jagħti każ tat-tgergir tal-pjanisti u fl-1819 lill-editur tiegħu qallu: "Din is-sonata se tħabbat 'il-pjanisti meta jdoqquha ħamsin sena oħra".[32] Min dak iż-żmien, billi kien ittarrax għal kollox, kellu jikkomunika man-nies ta' madwaru permezz tal-"pitazzi tal-konverżazzjoni" li allavolja l-parti kbira minhom intilfu jew inqerdu, illum ituna xhieda imprezzabbli tal-aħħar perjodu ta' ħajtu.
Beethoven minn dejjem kien jemmen, mingħajr ma kien prattikant ħerqan, imma l-ħerqa tiegħu għall-Kristjaneżmu żdiedet sewwa fis-snin diffiċli kif jixhdu bosta noti reliġjużi li kkopja fil-pitazzi tiegħu mill-1817 'l hemm.[33]. Madankollu, kellu xi rabtiet mal-mażunerija li setgħu jġibulu Skomunika.[34]
Fir-rebbiegħa tal-1818 Beethoven ġietu l-idea li jikteb xogħol reliġjuż importanti u għall-ewwel kellu f'moħħu quddiesa għall-inkoronazzjoni tal-Arċiduka Rodolfu li xi ftit xhur wara kien se jsir Arċisqof ta' Olmütz. Imma l-quddiesa kolossali, Missa Solemnis fir-Re maġġuri ħaddittlu erba' snin ta' xogħol bla waqfien (1818-1822) u l-quddiesa damet ma kienet ġiet ippreżentata lil Rodolfu sal-1823. Waqt li kien qiegħed jikkomponi l-Missa Solemnis, li għal bosta drabi stqarr li kienet "l-aħjar u l-ikbar xogħol tiegħu", studja fit-tul il-quddies ta' Bach u Il-Messija ta' Haendel. Fl-istess ħin li kien qiegħed jaħdem fuq il-quddiesa ikkompona l-aħħar tliet Sonati għall-pjanu (nru. 30, nru. 31 u nru. 32). Din tal-aħħar, l-opus 111, bl-ispiritwalità għolja li laħqet setgħet kienet l-aħħar testment tiegħu għall-pjanu. Imma kien għad baqagħlu jikkomponi kapulavur pjanistiku ieħor: l-editur Anton Diabelli fl-1822 stieden il-kompożituri ta' żmienu biex jiktbu varjazzjoni fuq valzer sempliċi ħafna li kien ikkompona hu. Għall-ewwel Beethoven ma ħadux bis-serjetà,[35] imma wara għamel ħafna iżjed milli kienet talbet il-proposta u ħareġ ġabra ta' 33 Varjazzjoni li Diabelli stess qabbel mal-famużi Varjazzjonijiet Goldberg ta' Bach, komposti tmenin sena qabel.
Il-kompożizzjoni tad-Disa' Sinfonija inbdiet l-għada li kienet lesta il-Missa Solemnis. Imma dan ix-xogħol kellu bidu estremament kompless li biex nifhmuh ikollna mmoru lura għaż-żgħożija ta' Beethoven, li minn qabel telaq minn Bonn kellu l-ħsieb li jikteb il-mużika għall-Għanja lill-ferħ ta' Schiller.[36] Permezz tal-finale li min jisimgħu qatt ma jinsiegħ, fejn introduċa l-kor, l-innovazzjoni fil-kitba sinfonika tad-Disa' sinfonija dehret, fuq l-istess linji tal-Ħames, bħala evokazzjoni mużikali tat-trijonf tal-ferħ u l-fraternità fuq id-disperazzjoni, u ħadet id-dimensjoni ta' messaġġ umanista u universali. Is-sinfonija ndaqqet għall-ewwel darba fl-7 ta' Mejju 1824 quddiem pubbliku entużjasta u biha Beethoven reġa' sab is-suċċess. Is-sinfonija kellha l-ikbar suċċess fil-Prussja u l-Ingilterra, fejn il-fama tal-mużiċista kienet ilha kif xeraqlu l-ġenju tiegħu. Kien mistieden bosta drabi biex imur Londra bħal Joseph Haydn, u Beethoven lejn l-aħħar ta' ħajtu kien tħajjar imur l-Ingilterra li kien pajjiż li hu kien jammira minħabba l-ħajja kulturali u d-demokrazija tiegħu imqabbel mal-frivolità tal-ħajja Vjenniża,[37] imma qatt ma żar il-pajjiż fejn kien joqgħod Haendel li kien l-idolu ta' Beethoven. L-influwenza ta' Haendel tidher l-iżjed fil-perjodu tal-aħħar ta' Beethoven, li bejn l-1822 u l-1823 kkompona l-ouverture Il-konsagrazzjoni tad-dar fl-istil tiegħu.
L-aħħar ħames Kwartetti għall-arki (nru. 12, nru. 13, nru. 14, nru. 15, nru. 16) itemmu għal kollox il-ħidma mużikali ta' Beethoven. Bil-karattru viżżjonarju tagħhom magħqud ma' forom antiki (fil-Kwartett nru. 15 Beethoven uża l-mod mużikali lidju), dawn juru r-riżultati tal-esperimentazzjoni ta' Beethoven fil-qasam tal-“musica da camera”. Il-movimenti kbar bil-mod u drammatiċi (il-Cavatina tal-Kwartett nru. 13, u l-Heiliger Dankgesang, "l-għanja qaddisa ta' ħajr", tal-Kwartett nru. 15) iħabbru l-wasla tar-Romantiċiżmu. Ma' dawn il-ħames kwartetti, komposti fil-perjodu ta' bejn l-1824 u l-1826, irridu nżidu wkoll il-Fuga Kbira fis-Si bemoll maġġuri, opus 133, li kienet fil-bidu l-moviment tal-għeluq tal-Kwartett nru. 13 imma Beethoven firidha minnu fuq it-talba tal-editur tiegħu. Fl-aħħar tas-sajf tal-1826, kif lesta il-Kwartett nru. 16, Beethoven beda jaħseb f'għadd ta' xogħlijiet oħra:[38] L-Għaxar Sinfonija, li xi abbozzi minnha għadhom jeżistu; "ouverture" bl-isem ta' Bach; Faust ispirata mid-dramm ta' Goethe; oratorju fuq it-tema ta' Sawl u David, u ieħor fuq it-tema tal-Elementi u quddiesa Requiem. Imma fit-30 ta' Lulju 1826, neputih Karl ipprova joqtol ruħu b'idejh. Dan qajjem skandlu u Beethoven inkwetat mar joqgħod ma ħuh Johann f'Gneixendorf fir-reġjun ta' Krems an der Donau, fejn neputih kien qiegħed jistrieħ. Kien hemm li kkompona l-aħħar xogħol tiegħu, moviment allegro biex jieħu post il-Fuga Kbira bħala "finale" tal-Kwartett nru. 13.
Meta Beethoven mar lura Vjenna f'Diċembru tal-1826, qabditu pulmonite doppja li ma setax ifiq minnha: l-aħħar erba' xhur ta' ħajtu kienu mimlijin uġigħ u sofferenza, u saħħtu dejjem kienet sejra lura bħal granċ. Skont l-aħħar tabib tiegħu, Andras Wawruch, il-kawża diretta tal-mewt tal-mużiċista tidher li kienet dekompensazzjoni ta' ċirrożi epatika.[39] Imma l-ispjegazzjoni l-iżjed riċenti, ibbażata fuq l-analisi ta' xagħru u frammenti ta' għadmu, hi li kien marid ħajtu kollha, barra mit-truxija, b'saturniżmu kronku[40] flimkien ma' defiċjenza ġenetika li żżomm 'il-ġisem milli jeħles miċ-ċomb li wieħed jassorbi (u għalhekk kien jilmenta regularment b'uġigħ addominali u problemi f'għajnejh).
Sal-aħħar, il-kompożitur kien imdawwar bil-ħbieb tal-qalb, l-iżjed Karl Holz, Anton Schindler u Stephan von Breuning. Xi ġimgħat qabel mewtu kellu żjara minn Franz Schubert,[41] li ma kienx jafu u li ddispjaċieh li sar jaf bih hekk tard. L-aħħar ittra tal-kompożitur kienet lil Ignaz Moscheles, promotur tal-mużika tiegħu f'Londra, fejn reġa' wiegħed lill-Ingliżi li jikkomponilhom sinfonija ġdida biex jirringrazzjahom għall-appoġġ tagħom.[42] Imma kien tard wisq. Fis-26 ta' Marzu 1827, Ludwig van Beethoven miet, fl-età ta' sitta u ħamsin sena. Minkejja li n-nies ta' Vjenna ma tawx każ ta' mewtu għal xi xhur, fil-funeral li sar fid-29 ta' Marzu 1827, inġabret purċissjoni impressjonanti ta' iżjed minn għoxrin elf ruħ. Beethoven indifen fiċ-ċimiterju ta' Vjenna.
Schubert fl-1827 qal:
"Kien jaf kollox, imma għadna ma nistgħux nifhmu kollox, u għad jgħaddi ħafna ilma taħt il-pontijiet tad-Danubju qabel dak kollu li ħalaq dan il-bniedem jiftiehem mid-dinja."[43] |
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.