Wied Superjuri tar-Renu Nofsani
pajsaġġ kulturali fir-Renu Nofsani From Wikipedia, the free encyclopedia
pajsaġġ kulturali fir-Renu Nofsani From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Wied Superjuri tar-Renu Nofsani, magħruf ukoll bħala r-Renu Romantiku jew il-Fondoq tar-Renu, huwa sezzjoni ta' 65 kilometru tax-xmara Renu bejn Koblenz u Rüdesheim fl-istati federali ta' Rheinland-Pfalz u Hesse fil-Ġermanja. F'Ġunju 2002 din is-sezzjoni tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minħabba s-sbuħija tagħha bħala pajsaġġ kulturali, l-importanza tagħha bħala rotta tat-trasport fl-Ewropa, u l-adattamenti uniċi tal-binjiet u tar-raba' mtarraġ max-xaqlibiet weqfin tal-fondoq.[1]
Il-blat tar-reġjun żviluppa fil-perjodu Devonjan u huwa magħruf teknikament bħala l-blat tar-Renu (bl-Ingliż: Rhenish Facies). Dan it-tip ta' blat sedimentarju fih bosta fossili u jikkonsisti l-iktar mil-lavanja. Il-blat għadda minn bosta fenomeni ġeoloġiċi konsiderevoli matul il-perjodu Karboniferu. Il-fondoq issawwar matul elevazzjoni ġeoloġika ferm iktar reċenti li ħalliet warajha x-xmara fil-fondoq b'żewġ xtut għoljin sa 200 metru. L-iżjed karatteristika famuża tal-Wied Superjuri tar-Renu Nofsani hi l-Lorelei.
Il-fondoq fih il-mikroklima tiegħu stess u aġixxa bħala kuritur għal speċijiet li ma jinstabu mkien iktar fir-reġjun. Ix-xaqlibiet tiegħu ilhom li ġew imtarrġa għall-agrikoltura, b'mod partikolari għall-vitikoltura li tgawdi minn kundizzjonijiet tajbin speċjalment fix-xaqlibiet li jħarsu lejn in-Nofsinhar. Il-biċċa l-kbira tal-vinji jagħmlu parti mir-reġjun tal-inbid tar-Renu Nofsani magħruf bħala Mittelrhein, iżda l-partijiet li jinsabu l-iktar fin-Nofsinhar jagħmlu parti minn Rheingau u minn Nahe.
Ix-xmara ilha rotta kummerċjali importanti fl-Ewropa ċentrali mill-preistorja u sensiela ta' insedjamenti żgħar kienu żviluppaw tul ix-xtut tal-fondoq. Minħabba li ma tantx huma mdaqqsin, bosta mill-irħula antiki tul il-fondoq għad għandhom qalba storika li ġiet ippreservata sa llum il-ġurnata. Bis-saħħa tal-ġid li tkattar permezz ta' din ir-rotta kummerċjali importanti fl-Ewropa ċentrali, bejn wieħed u ieħor inbnew 40 kastell fuq għoljiet differenti u l-wied sar reġjun ewlieni tal-Imperu Ruman Sagru. Kien fiċ-ċentru tal-Gwerra ta' Tletin Sena, li ħalliet warajha bosta kastelli mġarrfa, attrazzjoni partikolari għad-dgħajjes li llum il-ġurnata jittrasportaw lit-turisti tul ix-xmara Renu. Fl-imgħoddi kien hemm żmien meta l-Wied Superjuri tar-Renu Nofsani kien jifforma parti minn fruntiera ta' Franza, iżda fis-seklu 19 il-wied sar parti mill-Prussja u l-pajsaġġ tiegħu sar pajsaġġ karatteristiku tal-Ġermanja.
Din il-parti tar-Renu tissema ferm fil-folklor, pereżempju l-kastell leġġendarju mar-Renu fejn ġiet ambjentata l-opra ta' Götterdämmerung. Il-festivals annwali tar-Rhein in Flammen jinkludu logħob tan-nar f'Sankt Goar f'Settembru u f'Koblenz f'Awwissu. L-aqwa post biex wieħed igawdi dan il-logħob tan-nar huwa minn waħda mill-bosta dgħajjes fuq ir-Renu.
Il-Wied Superjuri tar-Renu Nofsani ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2002.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.