![cover image](https://wikiwandv2-19431.kxcdn.com/_next/image?url=https://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/6/6e/Taj_Mahal_2%252C_Agra%252C_India.jpg/640px-Taj_Mahal_2%252C_Agra%252C_India.jpg&w=640&q=50)
Taj Mahal
mawżolew tal-irħam f’Agra, l-Indja / From Wikipedia, the free encyclopedia
It-Taj Mahal ([taːdʒ ˈmɛːɦ(ə)l])[1]; litteralment “Kuruna tal-Palazz”[2]) huwa mawżolew tal-irħam abjad lewn l-avorju fix-xatt tan-Nofsinhar tax-xmara Yamuna fil-belt ta’ Agra, fir-reġjun ta’ Uttar Pradesh, l-Indja. Il-mawżolew ġie kkummissjonat fl-1632 mill-imperatur Mogul Shah Jahan (li rrenja mill-1628 sal-1658) biex iħaddan fih il-qabar tal-mara favurita tiegħu, Mumtaz Mahal; għalkemm il-mawżolew iħaddan fih ukoll il-qabar ta’ Shah Jahan innifsu. Il-qabar Iżlamiku huwa l-qalba tal-kumpless tat-Taj Mahal, li huwa mifrux fuq 17-il ettaru u li jinkludi moskea u binja għall-mistednin. It-Taj Mahal huwa mdawwar b’ġonna formali u huwa kkonfinat minn tliet naħat b’ħitan bl-amberżuni.
![Thumb image](http://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/6/6e/Taj_Mahal_2%2C_Agra%2C_India.jpg/640px-Taj_Mahal_2%2C_Agra%2C_India.jpg)
Il-kostruzzjoni tal-mawżolew tlestiet essenzjalment fl-1643, iżda x-xogħol baqa’ għaddej fuq fażijiet oħra tal-proġett għal għaxar snin oħra. Għaldaqstant, il-kumpless tat-Taj Mahal jingħad li tlesta għalkollox fl-1653 u huwa stmat li dak iż-żmien sewa madwar 32 miljun rupì, li fl-2020 x’aktarx li kien jiswa madwar 70 biljun rupì (jiġifieri madwar €800 miljun). Il-proġett ta’ kostruzzjoni impjega xi 20,000 artiġjan taħt it-tmexxija ta’ bord ta’ arkitetti mmexxi minn Ustad Ahmad Lahauri, l-arkitett tal-imperatur Shah Jahan.
It-Taj Mahal ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983[3] talli huwa “ġojjell tal-arti Musulmana fl-Indja u wieħed mill-iktar kapulavuri ammirati universalment tal-wirt dinji”. Ħafna jqisuh bħala l-aqwa eżempju ta’ arkitettura tal-Imperu Mogul u simbolu tal-istorja rikka tal-Indja. It-Taj Mahal jattira bejn seba’ u tmien miljun viżitatur fis-sena u fl-2007 ġie ddikjarat bħala wieħed mis-Seba’ Għeġubijiet Ġodda tad-Dinja.[4][5]