Seba' Għeġubijiet Ġodda tad-Dinja
seba’ kavulavuri arkitettoniċi / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Seba’ Għeġubijiet Ġodda tad-Dinja huma seba’ kapulavuri arkitettoniċi dinjin li ntgħażlu f’kampanja li bdiet fis-sena 2000 biex jintgħażlu seba’ għeġubijiet ġodda tad-Dinja minn għażla ta’ 200 monument eżistenti.[1] L-istħarriġ tal-popolarità b’votazzjoni ħielsa fuq l-internet u bit-telefonati, ġie mmexxi mill-Kanadiż-Żvizzeru Bernard Weber u ġie organizzat mill-Fondazzjoni New7Wonders (N7W) ibbażata fi Zurich, l-Iżvizzera. Ir-rebbieħa ġew imħabbra fis-7 ta’ Lulju 2007 fl-Estádio da Luz, f’Liżbona.[2][3][4][5] L-istħarriġ ġie meqjus li ma kienx xjentifiku, parzjalment minħabba li kien possibbli li dak li jkun jivvota iktar minn darba. Skont John Zogby, il-fundatur u l-President attwali tal-organizzazzjoni tal-istħarriġ ibbażata fi New York Zogby International, il-Fondazzjoni New7Wonders wettqet “l-ikbar stħarriġ li qatt sar fid-dinja”.[4]
L-istħarriġ qanqal firxa wiesgħa ta’ reazzjonijiet uffiċjali. Xi pajjiżi ppromwovew is-sit kandidat tagħhom u għamlu ħilithom biex iħajru lin-nies jivvutaw, filwaqt li oħrajn ma tantx ikkalkulawh jew ikkritikawh.[4][6] Wara li appoġġat il-Fondazzjoni New7Wonders fil-bidu tal-kampanja billi pprovdiet pariri dwar l-għażla tal-kandidati nnominati, l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO), peress li skont il-mandat tagħha trid tagħti l-istess status indaqs lis-Siti ta’ Wirt Dinji kollha, iddistanzjat ruħha mill-kampanja fl-2001 u mill-ġdid fl-2007.[7][8]
Is-seba’ rebbieħa ntgħażlu minn 21 kandidat, li kienu tniżżlu minn 77 kandidat permezz ta’ panel fl-2006.
Il-Fondazzjoni New7Wonders, stabbilita fl-2001, kienet tiddependi fuq donazzjonijiet privati u l-bejgħ ta’ drittijiet tax-xandir u ma rċeviet l-ebda finanzjament pubbliku.[9] Wara t-tħabbira finali, il-Fondazzjoni New7Wonders sostniet li ma qalgħet xejn mill-istħarriġ u bil-kemm irkuprat l-investiment li għamlet.[10]
Minkejja li l-N7W tiddeskrivi lilha nnifisha bħala organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, il-kumpanija warajha—New Open World Corporation (NOWC)—hija negozju kummerjali. Il-flus kollha mil-liċenzjar u mill-isponsors jitħallsu lill-NOWC.
Il-fondazzjoni wettqet żewġ kampanji sussegwenti oħra ta’ stħarriġ: is-Seba’ Għeġubijiet Ġodda tan-Natura, fejn il-votazzjoni baqgħet għaddejja sal-2011, u l-Bliet ta’ New7Wonders, li ntemmet fl-2014.