minaret u kumpless fl-inħawi ta' Mehrauli f'Delhi, l-Indja From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Qutb Minar, spellut ukoll Qutub Minar u Qutab Minar, huwa minaret u "torri tal-vitorja" li jifforma parti mill-kumpless ta' Qutb, li jinsab fis-sit tal-eqdem belt iffortifikata ta' Delhi, Lal Kot, stabbilita mir-Rajput ta' Tomara.[1] Il-kumpless tal-Qutb Minar huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-inħawi ta' Mehrauli fin-Nofsinhar ta' Delhi, l-Indja.[2][3] Huwa wieħed mill-iżjed attrazzjonijiet turistiċi li jżuruh nies fil-belt, u nbena l-iktar bejn l-1199 u l-1220.[4][5]
Jista' jiġi mqabbel mal-Minaret ta' Jam fl-Afganistan, magħmul mill-brikks għall-ħabta tal-1190 b'għoli ta' 62 metru, jiġifieri deċennju qabel ma x'aktarx bdiet il-kostruzzjoni tal-minaret f'Delhi. Il-wiċċ taż-żewġ monumenti huwa mżejjen b'mod elaborat b'kitbiet imnaqqxin u b'disinni ġeometriċi. Il-Qutb Minar għandu xaft imrikkeb b'"brakits qishom stalagtiti mill-isbaħ taħt il-gallariji" fin-naħa ta' fuq ta' kull sular.[6][7][8] Inġenerali, damu ma jintużaw fl-Indja u fil-postijiet fejn kienu jeżistu, spiss kienu jkunu distakkati mill-moskea prinċipali.[9]
Dan it-torri tal-vitorja huwa simbolu tas-sinteżi tal-arkitettura Iżlamika tradizzjonali mad-disinn tan-Nofsinhar tal-Asja. Elizabeth Lambourn f'Islam Beyond Empires: Mosques and Islamic Landscapes in India and the Indian Ocean[10] tistudja l-introduzzjoni tal-Iżlam fin-Nofsinhar tal-Asja u kif ir-reġjun influwenza l-arkitettura reliġjuża Iżlamika. Dawn il-Musulmani li kienu għadhom kemm waslu mill-Punent Iżlamiku ħarbu mill-Imperu tal-Mongoli u emigraw lejn l-Indja, fejn bnew ċentri reliġjużi. Il-Qutb Minar kien iservi bħala markatur ċentrali għal dawn il-komunitajiet Musulmani l-ġodda kif ukoll bħala tfakkira tal-preżenza tal-Iżlam fl-inħawi. L-arkitettura tal-minaret tvarja ferm mill-istil u mid-disinn tipiċi tal-moskej li nbnew fil-Lvant Nofsani. L-istil ta' dawn l-istrutturi huwa influwenzat ferm mill-arkitettura lokali bħat-tempji lokali tal-Induiżmu. Dan affettwa l-materjali, it-tekniki u t-tiżjin differenti li ntużaw fil-kostruzzjoni tal-Qutb Minar.[10]
Il-minaret huwa uniku għaliex storikament, dawn il-minareti qishom torrijiet b'disinn Iżlamiku-tan-Nofsinhar tal-Asja ma kinux komuni qabel is-seklu 17. Dan id-distakk fiż-żmien huwa dovut għall-adozzjoni kajmana tal-istil tipiku tal-Lvant Nofsani fl-Indja. Huwa distakkat ukoll mill-moskea prinċipali, li wkoll juri kif il-kultura nattiva affettwat id-disinn ta' struttura tal-Lvant Nofsani. Il-Qutb Minar jitqies bħala "l-iżjed eżempju bikri u l-aqwa eżempju ta' fużjoni jew sinteżi tat-tradizzjonijiet Induisti-Musulmani" skont Ved Parkash fis-saġġ tiegħu The Qutb Minar from Contemporary and Near Contemporary Sources. Bħal ħafna moskej mibnija fin-Nofsinhar tal-Asja matul dan iż-żmien, il-minaret inbena minn ħaddiema u artiġjani Induisti ssorveljati minn arkitetti Musulmani. Dan wassal għal kostruzzjoni b'sinteżi arkitettonika reliġjuża kemm Induista kif ukoll Iżlamika. Ladarba l-artiġjani kienu Induisti u ma kinux familjari mal-Koran, il-kitbiet imnaqqxin huma kompilazzjoni ta' testi Koraniċi u espressjonijiet bl-Għarbi sparpaljati.[10]
Il-Qutb Minar inbena fuq il-fdalijiet ta' Lal Kot, iċ-ċittadella ta' Dhillika. Il-kostruzzjoni tal-Qutb Minar inbdiet wara l-Moskea ta' Quwwat-ul-Islam, li kienet inbdiet għall-ħabta tal-1192 minn Qutb-ud-din Aibak, l-ewwel mexxej tas-Sultanat ta' Delhi.[11]
Normalment jingħad li l-minaret ingħata isem Qutb-ud-din Aibak li beda l-kostruzzjoni tiegħu. Iżda jista' jkun ukoll li ngħatat dak l-isem għal Khwaja Qutbuddin Bakhtiar Kaki, qaddis Sufista tas-seklu 13, peress li Shamsuddin Iltutmish kien devot tiegħu.[12]
Il-Qutb Minar huwa mdawwar b'diversi monumenti storikament sinifikanti tal-kumpless ta' Qutb Minar. Il-Moskea ta' Quwwat-ul-Islam, lejn il-Grigal tal-minaret, inbniet minn Qutub-ud-Din Aibak fl-1198. Hija l-iżjed moskea bikrija li għadha eżistenti li nbniet mis-Sultani ta' Delhi. Tikkonsisti minn bitħa rettangolari magħluqa permezz ta' kjostri, b'kolonni mnaqqxin u elementi arkitettoniċi ta' 27 tempju Ġain u Induista, li twaqqgħu minn Qutub-ud-Din Aibak kif iddokumentat fil-kitba mnaqqxa tiegħu mad-daħla prinċipali tal-Lvant. Iktar 'il quddiem inbena ħajt diviżorju mirqum bil-ħnejjiet u l-moskea ġiet imkabbra minn Shams-ud-Din Itutmish (1210-1235) u Ala-ud-Din Khalji. Il-Pilastru tal-Ħadid fil-bitħa fih kitba mnaqqxa bis-Sanskritu, bil-kitba Braħmina tas-seklu 4 W.K., li tgħid li l-pilastru kien ġie stabbilit bħala Vishnudhvaja (alla Vishnu standard) fuq l-għolja magħrufa bħala Vishnupada bħala mafkar tar-re setgħan imsejjaħ Chandra.[13]
Il-kumpless tal-moskea huwa wieħed mill-iżjed bikrin li għadu jeżisti fis-subkontinent Indjan.
Il-koppla bil-pilastri fil-qrib, magħrufa bħala "l-istruttura ta' Smith" hija fdal tar-restawr tat-torri tas-seklu 19, li kien jinkludi tentattiv xellerat li jiġu miżjuda iktar sulari.[14][15]
Fl-1505, terremot ikkawża xi ħsarat; iżda t-torri ġie msewwi minn Sikander Lodi. Fl-1 ta' Settembru 1803, terremot kbir ikkawża ħsarat estensivi. Il-Maġġur Robert Smith tal-Armata Indjana Brittanika rrinnoca t-torrri fl-1828 u installa koppla bil-pilastri fuq il-ħames sular u b'hekk ħoloq is-sitt sular. Il-koppla tneħħiet fl-1848, skont l-istruzzjonijiet mill-Viskonti Hardinge, li kien il-Gvernatur Ġeneral tal-Indja dak iż-żmien. Minflok ġiet installata fil-pjan terran fil-Lvant tal-Qutb Minar u għadha hemm sa llum.[16]
Il-Qutb Minar tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[2]
Il-kostruzzjoni tal-Qutb Minar ġiet ippjanata u ffinanzjata mill-Guridi, li emigraw lejn l-Indja u ġabu l-Iżlam magħhom. Il-Guridi, storikament magħrufa bħala x-Xansabani, kienu klan li oriġina mit-Taġikistan minn Gur, ir-reġjun muntanjuż li llum il-ġurnata jagħmel parti mill-Punent tal-Afganistan.[17] Fl-aħħar tas-seklu 11 u l-bidu tas-seklu 12, il-gruppi differenti ta' dan il-klan nomadiku ngħaqdu, u tilfu l-kultura nomadika tagħhom. Matul dak iż-żmien ikkonvertew ukoll għall-Iżlam.
Imbagħad malajr espandew fl-Indja u ħadu l-kontroll ta' parti sostanzjali tal-pajjiż. Il-Guridi annettew lil Multan u Uch fil-Punent tal-Punjab fl-1175-1176, ir-reġjuni tal-Majjistral madwar il-Peshawar fl-1177, u r-reġjun ta' Sindh fl-1185-1186. Fl-1193, Qutb al-Din Aibek ħakem lil Delhi u implimenta l-governorat tal-Guridi fil-provinċja. Il-moskea kongregattiva u l-kumpless tal-Qutb Minar ġew stabbiliti fl-1193. Fl-imgħoddi, l-istudjużi kienu jemmnu li l-kumpless kien inbena biex tiġi promossa l-konverżjoni għall-Iżlam fost is-sudditi l-ġodda tal-Guridi, kif ukoll bħala simbolu tal-adeżjoni tal-Guridi għal sistema soċjoreliġjuża. Issa hemm tagħrif ġdid li jissuġġerixxi li l-konverżjoni għall-Iżlam ma kinitx prijorità ewlenija tal-annessjonijiet il-ġodda u minflok il-governaturi Guridi riedu jagħmlu sinteżi tal-kultura lokali u l-Iżlam permezz tan-negozjar.[17]
Qutb-ud-din Aibak, viċi ta' Muhammad ta' Gur, li stabbilixxa s-Sultanat ta' Delhi wara l-mewt ta' Muhammad ta' Gur, beda l-kostruzzjoni tal-ewwel sular tal-Qutb Minar fl-1199. Is-suċċessur ta' Aibak u l-iben tar-rispett ta' Shamsuddin Iltutmish bena u lesta tliet sulari oħra. Wara li sajjetta niżlet fuq il-binja fl-1369 u kkawżat ħsara fis-sular ta' fuq ta' dak iż-żmien, Firuz Shah Tughlaq issostitwixxa s-sular li ġarrab il-ħsara u żied sular ieħor. Sher Shah Suri żied ukoll daħla matul it-tmexxija tiegħu u sakemm l-imperatur Mugal Humayun kien f'eżilju.[12]
Il-Kumpless ta' Qutb Minar u Monumenti Oħra ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Il-kalligrafiji Persjani-Għarab u Nagari f'sezzjonijiet differenti tal-Qutb Minar jiżvelaw l-istorja tal-kostruzzjoni tiegħu u tat-tiswijiet u r-restawr li saru wara minn Firoz Shah Tughluq (1351–1388) u Sikandar Lodi (1489–1517).[18]
Il-Qutb Minar huwa għoli 72.5 metru, u b'hekk huwa l-ogħla minaret tal-brikks fid-dinja.[19] Il-minaret jidjieq fis-sulari ta' fuq nett u għandu bażi b'dijametru ta' 14.3-il metru (47 pied), li jiċkien sa 2.7 metri (disa' piedi) fil-quċċata tiegħu. Għandu garigor li jdur minn ġol-minaret sa fuq nett b'total ta' 379 tarġa.
Maġenb il-minaret hemm il-Moskea ta' Quwwat-Ul-Islam. Il-minaret ixaqleb ftit iktar minn 65 ċentimetru minn fuq, li jitqies fi ħdan il-limiti tas-sikurezza.[20]
Il-Qutb Minar kien ispirazzjoni u prototip għal bosta minareti u torrijiet li nbnew. Iċ-Chand Minar u l-verżjoni minuskola tal-Qutub Minar jixbhu lill-Qutb Minar u ġew ispirati minnu.[21]
Is-sulari tal-Qutb Minar ivarjaw fid-daqs, fl-istil u fil-materjal minħabba d-diversi arkitetti u bennejja differenti involuti fil-kostruzzjoni ta' kull sezzjoni.
Il-Qutb Minar jikkonsisti minn ħames sulari ta' blat ramli aħmar u griż. L-iktar sular baxx, magħruf ukoll bħala l-bażi tal-minaret, tlesta matul il-ħajja ta' Ghiyeth al-Din Muhammad, sultan matul id-dinastija tal-Guridi.
L-istruttura talterna bejn 12-il pilastru semiċirkolari u 12-il pilastru kwadri ħdejn xulxin wieħed wara l-ieħor.[22] Dan is-sular huwa sseparat permezz ta' flanġijiet u gallariji, mirfuda fuq diversi muqarna. Is-sular inbena fuq pedestall ċirkolari baxx imnaqqax bi stilla ta' tnax-il ponta flimkien ma' semiċirku mqiegħed b'kull wieħed mill-angoli bejn il-ponot tal-istilla.
F'dan is-sular hemm ukoll sitt strixxuni orizzontali b'kitbiet bin-naskh, stil ta' kalligrafija Iżlamika. Il-kitba tgħid: il-Koran, sura II, versi 255-60; il-Koran, sura LIX, versi 22-23, u attributi ta' Alla; l-isem u t-titli ta' Ghiyath al-Din; il-Koran, sura XLVIII, versi 1-6; l-isem u t-titli ta' Mu’izz al-Din; u kwotazzjonijiet oħra mill-Koran kif ukoll it-titli li ġejjin f'din il-kitba rrestawrata: "L- Amir, l-iżjed kmandant glorjuż u kbir tal-armata". Dan is-sular fih ukoll kitbiet li jfaħħru lil Muhammad ta' Gur, is-sultan tal-Guridi.
It-tieni, it-tielet u r-raba' sulari nbnew minn Sham ud-Din Iltutmish, l-ewwel sovran Musulman li mexxa minn Delhi. Huwa jitqies bħala l-ewwel mil-lija dinastika tas-Sultan ta' Delhi. It-tieni u t-tielet sulari wkoll għandhom alternanza bejn 12-il pilastru semiċirkolari u 12-il pilastru kwadri ħdejn xulxin wieħed wara l-ieħor. Dawn il-kolonni tal-blat ramli aħmar huma sseparati permezz ta' flanġijiet u gallariji mirfuda fiq muqarnas. Qabel ir-rikostruzzjoni u t-tnaqqis fid-daqs, ir-raba' sular ġie mżejjen bil-pilastri semiċirkolari. Ġie rikostruwit bl-irħam abjad u huwa relattivament sempliċi fid-disinn tiegħu.[23]
Fl-1369 ir-raba' sular issewwa wara li sajjetta laqtgħet il-minaret. Matul ir-rikostruzzjoni, is-Sultan Firuz Shah Tughlaq iddeċiedi li jċekken id-daqs tar--raba' sular u mbagħad qasam dan is-sular f'żewġ sulari.[24]
Fl-14 ta' Novembru 2000, il-gazzetti ta' New Delhi rrapportaw li l-gruppi nazzjonalisti Induisti, Vishva Hindu Parishad u Bajrang Dal, kienu qed jippjanaw li jospitaw yajna, ċerimonja Induista ritwalistika marbuta mat-tindif jew mal-purifikazzjoni, fil-kumpless tal-Qutub Minar fejn hemm il-minaret. Il-pulizija ta' Delhi żammet taħt arrest lil 80 attivist immexxija minn Ram Krishan Gaur li kienu jinsabu qrib il-Qutb Minar u twaqqfu milli jiċċelebraw il-yajna fil-minaret. Minħabba l-barrikati tal-pulizija, l-attivisti minflok wettqu r-ritwal fit-toroq barra l-kumpless tal-moskea.[25] Ladarba ntużaw il-fdalijiet ta' tempji Ġain u Induisti fil-kostruzzjoni tal-minaret, il-gruppi Induisti tal-Lemin kienu jemmnu li kien jeħtieġ li jiċċelebraw dan ir-ritwal fil-kumpless sabiex jeħilsu lill-ikoni Induisti li kienu "maqbuda" fil-kumpless tal-minaret u tal-moskea.
Fit-18 ta' Mejju 2022, eks Direttur Reġjonali tal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja, Dharamveer Sharma, saħaq li l-Qutb Minar inbena minn Raja Vikramaditya fis-seklu 5 sabiex ikun jista' josserva l-pożizzjoni tinbidel tax-xemx.[26]
Fil-21 ta' Mejju 2022, is-Segretarju tal-Ministeru għall-Kultura, Govind Mohan, ħa d-deċiżjoni li jwettaq skavi u studji rigward l-ikonografija tal-idoli li nstabu fil-Qutb Minar. Il-Ministeru talab lill-ASI jippreżenta rapport dwar l-iskavi. L-iskavi setgħu jsiru fin-Nofsinhar tal-minaret f'distanza ta' 15-il metru mill-moskea.[27]
Qabel l-1976, il-pubbliku ġenerali kien jitħalla jaċċessa l-ewwel sular tal-minaret minn taraġ fuq ġewwa. L-aċċess għal fuq il-minaret twaqqaf wara s-sena 2000 minħabba xi suwiċidji. Fl-4 ta' Diċembru 1981, is-sistema tat-tidwil tat-taraġ fuq ġewwa kellha xi ħsara u ma ħadmitx. Bejn 300 u 400 viżitatur iffullaw lejn il-ħruġ f'konfużjoni totali. 45 ruħ mieta bl-iffullar u oħrajn indarbu. Il-biċċa l-kbira tal-vittmi kienu tfal tal-iskola.[28] Minn dak iż-żmien 'l hawn, it-torri nżamm magħluq għall-pubbliku. Barra minn hekk, minn meta nqala' l-inċident ir-regoli dwar id-dħul saru dejjem iktar strinġenti.[29]
Il-poeżija ta' Letitia Elizabeth Landon The Qutb Minar, Delhi hija riflessjoni dwar kitba mnaqqxa fil-Ktieb tat-Tpinġijiet ta' Fisher tal-1833.
L-attur u r-reġista tal-films ta' Bollywood, Dev Anand, ried jiġbed il-filmat tal-kanzunetta "Dil Ka Bhanwar Kare Pukar" għall-film tiegħu Tere Ghar Ke Samne ġewwa l-minaret. Madankollu, il-kameras dak iż-żmien kienu kbar wisq biex jgħaddu mill-passaġġ dejjaq tal-minaret u għalhekk il-filmat tal-kanzunetta nġibed f'replika tal-Qutb Minar.[30]
Is-sit serva bħala waqfa tat-tieni episodju tat-tieni sensiela ta' The Amazing Race Australia.[31]
Stampa tal-minaret tidher fuq il-biljetti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Korporazzjoni Ferrovjarja tal-Metro ta' Delhi. Dan l-aħħar, kumpanija emerġenti f'kollaborazzjoni mal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja (bl-Ingliż: Archaeological Survey of India; ASI) varat filmat panoramiku ta' 360o fil-Qutb Minar.[32]
Il-Ministeru għat-Turiżmu dan l-aħħar ta l-"Ittri ta' Intenzjoni" lil seba' kumpaniji għal erbatax-il monument taħt l-"Iskema Adotta Wirt". Dawn il-kumpaniji se jsiru l-"Mitri tal-Monumenti" tal-ġejjieni. Il-Qutb Minar intgħażel biex ikun parti minn dik il-lista.[33][34]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.