Olimpja
raħal fil-Peniżola Peloponniża tal-Greċja, u sit arkeoloġiku u santwarju tal-Greċja Antika / From Wikipedia, the free encyclopedia
Olympia (bil-Grieg: Ὀλυμπία; bil-Grieg antik: [olympía]; bil-Grieg modern: [oli(m)ˈbia] Olymbía) hija raħal żgħir f’Elis fil-Peniżola Peloponniża fil-Greċja, famuża għas-sit arkeoloġiku bl-istess isem, li kien santwarju reliġjuż Panelleniku ewlieni tal-Greċja Antika, fejn kien isir il-Logħob Olimpiku tal-qedem. Is-sit kien primarjament iddedikat lil Żeus u kien jattira viżitaturi mid-dinja Griega kollha bħala wieħed minn grupp ta’ ċentri Panelleniċi li għenu biex tinbena l-identità tal-Griegi antiki bħala nazzjon. Minkejja l-isem, ir-raħal ma jinsabx qrib il-Muntanja Olimpu li tinsab fit-Tramuntana tal-Greċja, fejn il-Griegi ta’ dak iż-żmien kienu jemmnu li jgħixu t-Tnax-il Olimpji, l-allat maġġuri tar-reliġjon tal-Greċja Antika.
Il-Logħob Olimpiku kien isir kull erba’ snin fiż-żminijiet tal-antikità klassika, jiġifieri mit-tmien seklu Q.K. sar-raba’ seklu Q.K.[1]
Is-sit arkeoloġiku kien fih iktar minn 70 binja sinifikanti, u diversi fdalijiet ta’ ħafna minnhom waslu sa żminijietna, għalkemm mit-Tempju ta’ Żeus prinċipali baqa’ biss xi ġebel imwaqqa’ mal-art. Is-sit huwa attrazzjoni turistika ewlenija u għandu żewġ mużewijiet, wieħed dwar il-Logħob Olimpiku tal-qedem u ieħor dwar il-Logħob Olimpiku modern.