Monte Albán
sit arkeoloġiku pre-Kolombjan fil-Messiku / From Wikipedia, the free encyclopedia
Monte Albán huwa sit arkeoloġiku pre-Kolombjan fil-Muniċipalità ta' Santa Cruz Xoxocotlán fl-istat ta' Oaxaca fin-Nofsinhar tal-Messiku (17.043° N, 96.767°W). Is-sit jinsab f'katina muntanjuża baxxa, 'il fuq mill-pjanura fis-sezzjoni ċentrali tal-Wied ta' Oaxaca, fejn jiltaqgħu l-fergħat tat-Tramuntana ta' Etla, tal-Lvant ta' Tlacolula, u tan-Nofsinhar ta' Zimatlán u ta' Ocotlán (jew Valle Grande). Il-Belt ta' Oaxaca, illum il-ġurnata l-belt kapitali tal-istat, tinsab bejn wieħed u ieħor disa' kilometri (sitt mili) fil-Lvant ta' Monte Albán.
Iċ-ċentru ċerimonjali ċiviku parzjalment skavat tas-sit ta' Monte Albán jinsab fil-quċċata ta' għolja mwittija artifiċjalment, f'elevazzjoni ta' madwar 1,940 metru (6,400 pied) 'il fuq mil-livell medju tal-baħar u xi 400 metru (1,300 pied) 'il fuq mill-baċir tal-wied, f'pożizzjoni li tista' tiġi difiża faċilment. Minbarra l-qalba monumentali tiegħu, is-sit huwa kkaratterizzat minn diversi mijiet ta' terrazzi jew pjazez artifiċjali u xi tużżana raggruppamenti ta' strutturi olzati tul ix-xifer kollu tal-għolja u mal-ġnub tagħha. Il-fdalijiet arkeoloġiċi fl-għoljiet fil-qrib ta' Atzompa u ta' El Gallo fit-Tramuntana tradizzjonalment jitqiesu li huma parti integrali tal-belt antika wkoll.[1]
Apparti li kien waħda mill-iktar bliet bikrin tal-Mesoamerka, is-sit ta' Monte Albán kien importanti għal kważi elf sena bħala ċ-ċentru soċjopolitiku u ekonomiku predominanti taż-Żapoteki. Il-belt ġiet stabbilita lejn l-aħħar tal-perjodu Formattiv Nofsani, għall-ħabta tal-500 Q.K., u sal-perjodu Formattiv Aħħari (għall-ħabta tal-100 Q.K. – 200 W.K.) Monte Albán kienet saret il-belt kapitali ta' qawwa espansjonista fuq skala kbira li ddominat il-biċċa l-kbira tal-artijiet għoljin ta' Oaxaca u interaġixxiet ma' stati reġjonali Mesoamerikani oħra, fosthom Teotihuacan lejn it-Tramuntana (Paddock 1983; Marcus 1983). Il-belt tilfet l-importanza politika tagħha sal-aħħar tal-perjodu Klassiku Aħħari (għall-ħabta tal-500-750 W.K.), u ftit wara ġiet abbandunata kważi għalkollox. Fil-perjodu Kolonjali, l-istorja arkeoloġika tas-sit kienet ikkaratterizzata mill-okkupazzjoni mill-ġdid fuq skala żgħira, l-użu opportunistiku mill-ġdid ta' strutturi u ta' oqbra bikrin, u żjarat ritwalistiċi.
L-etimoloġija tal-isem tas-sit mhix ċara. Jingħad li l-isem oriġina minn isem Żapotek nattiv jew minn referenza tal-era kolonjali għal suldat Spanjol imsejjaħ Montalbán jew inkella mill-Għoljiet ta' Alba fl-Italja. L-isem Żapotek antik tal-belt mhux magħruf, peress li l-belt ġiet abbandunata diversi sekli qabel ma nkitbu l-iżjed sorsi etnostoriċi bikrin disponibbli.