komun Taljan u belt Taljana From Wikipedia, the free encyclopedia
Mantova ([ˈmantova]) hija belt u komun fil-Lombardia, l-Italja, u kapitali tal-provinċja bl-istess isem.[1]
Mantova | |||
---|---|---|---|
Italja | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Pajjiż | Italja | ||
Region of Italy | Lombardia | ||
Provinċja tal-Italja | Province of Mantua (en) | ||
Isem uffiċjali | Mantova | ||
Ismijiet oriġinali | Mantova | ||
Kodiċi postali |
46100 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 45.1564°N 10.7911°E | ||
Superfiċjenti | 63.81 kilometru kwadru | ||
Għoli | 19 m | ||
Fruntieri ma' | Bagnolo San Vito (en) , Curtatone (en) , Porto Mantovano (en) , San Giorgio Bigarello (en) , Borgo Virgilio (en) u Roncoferraro (en) | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 48,653 abitanti (1 Jannar 2023) | ||
Informazzjoni oħra | |||
Kodiċi tat-telefon |
0376 | ||
Żona tal-Ħin | UTC+1u UTC+2 | ||
bliet ġemellati | Oradea (en) , Pushkin (en) , Hyderabad (en) , Casale Monferrato (en) , Madison (en) , Charleville-Mézières (en) , Giulianova (en) , Nevers, Bressanoneu Weingarten (en) | ||
comune.mantova.gov.it |
Fl-2016, Mantova kienet iddeżinjata l-Kapitali Taljana tal-Kultura. Fl-2017 ġiet imsemmija l-Kapitali Ewropea tal-Gastronomija, inkluża fid-Distrett tal-Lvant tal-Lombardia (flimkien mal-bliet ta’ Bergamo, Brescia, u Cremona).
Fl-2008, iċ-ċentru storiku ta’ Mantova u ta’ Sabbioneta tniżżlu fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[2] Il-poter u l-influwenza storiċi ta’ Mantova taħt il-familja Gonzaga għamluha waħda miċ-ċentri artistiċi, kulturali, u speċjalment mużikali tat-Tramuntana tal-Italja u tal-pajjiż kollu kemm hu. Peress li kellha waħda mill-isbaħ residenzi nobbli tal-Ewropa tas-seklu 15, tas-seklu 16 u tal-bidu tas-seklu 17, Mantova hija notevoli għar-rwol sinifikanti li kellha fl-istorja tal-opri; il-belt hija magħrufa wkoll għat-teżori arkitettoniċi u għall-artefatti, għall-palazzi eleganti, u għall-pajsaġġ panoramiku ta’ belt Medjevali u Rinaxximentali. Hija l-belt fejn il-kompożitur Monteverdi wera l-opra tiegħu L'Orfeo għall-ewwel darba u l-post fejn Romeo jiġi mkeċċi f’Romeo u Ġuljetta ta’ William Shakespeare. Hija l-eqreb belt għal raħal twelid il-poeta Ruman Virġilju, li ġie kkommemorat permezz ta’ statwa fil-park ta’ “Piazza Virgiliana” f’xatt il-lag.
Mantova hija mdawra fuq tliet naħat minn lagi artifiċjal, maħluqa matul is-seklu 12 bħala s-sistema tad-difiża tal-belt. Dawn il-lagi jirċievu l-ilma mix-xmara Mincio, tributarja tax-xmara Po li tinżel mil-Lag ta’ Garda. It-tliet lagi jissejħu Lago Superiore, Lago di Mezzo, u Lago Inferiore (il-Lagi ta’ Fuq, tan-Nofs u t’Isfel, rispettivament). Ir-raba’ lag, il-Lag Pajolo, li xi darba kien iservi ta’ ħandaq difensiv mimli bl-ilma madwar il-belt, nixef fl-aħħar tas-seklu 18.
Iż-żona u l-madwar tagħha huma importanti mhux biss f’termini naturalistiċi, iżda anke antropoloġikament u storikament; ir-riċerka għamlet enfasi fuq għadd ta’ insedjamenti umani mifruxa bejn Barche di Solferino u Bande di Cavriana, Castellaro u Isolone del Mincio. Dawn kienu datati, mingħajr interruzzjoni, miż-Żmien Neolitiku (il-ħames sar-raba’ millenju Q.K.) sa Żmien il-Bronż (it-tieni sal-ewwel millenju Q.K.) u l-fażijiet Galliċi (it-tieni sal-ewwel sekli Q.K.), u ntemmu b’insedjamenti residenzjali Rumani, li setgħu jiġu rintraċċati sat-tielet seklu W.K.[3]
Fl-2017, Legambiente kklassifikat lil Mantova bħala l-aqwa belt Taljana għall-kwalità tal-ħajja u tal-ambjent.[4]
Mantova kienet insedjament fuq gżira li ġie stabbilit għall-ewwel darba għall-ħabta tas-sena 2000 Q.K. max-xtut tax-xmara Mincio, li tnixxi mil-Lag ta’ Garda għall-Baħar Adrijatiku. Fis-seklu 6 Q.K., Mantova kienet villaġġ tal-Etruski li, skont it-tradizzjoni Etruska, ġie stabbilit mill-ġdid minn Oknu.[5][6]
L-isem jaf oriġina mill-alla tal-Etruski msejjaħ Mantus. Wara li l-villaġġ inħakem miċ-Ċenomani, tribù Gallika, Mantova għaddiet minn id għall-oħra bejn l-ewwel u t-tieni Gwerer Puniċi kontra r-Rumani, li attribwew isem il-villaġġ lil Manto, it-tifla ta’ Tiresja. Dan it-territorju iktar ’il quddiem ġie popolat minn suldati veterani ta’ Awgustu. L-iktar ċittadin famuż ta’ Mantova tal-qedem huwa l-poeta Virġilju, jew Publius Vergilius Maro (Mantova me genuit), li twieled fis-70 Q.K. f’villaġġ qrib il-belt li issa tissejjaħ Virgilio.[7]
Wara l-waqgħa tal-Imperu Ruman tal-Punent wara attakk ta’ Odovakar fl-476 W.K., Mantova nħakmet, flimkien mal-bqija tal-Italja, mill-Ostrogoti. Reġgħet ittieħdet mill-Imperu Ruman tal-Lvant f’nofs is-seklu 6 wara l-Gwerra Gotika iżda sussegwentement reġgħet intilfet u sfat f’idejn il-Lombardi. Imbagħad ġiet maħkuma minn Karlu Manju fis-774, u b’hekk Mantova ġiet inkorporata fl-Imperu tal-Franki. Diviżjonijiet tal-imperu (minħabba l-użu tal-wirt maqsum indaqs mill-Franki) fit-Trattati ta’ Verdun u ta’ Prüm wasslu biex Mantova tgħaddi għand Francia tan-Nofs fit-843, imbagħad għand ir-Renju tal-Italja fit-855. Fid-962, ir-Re Otto I tal-Ġermanja invada l-Italja, u b’hekk Mantova saret vassall tal-Imperu Ruman Sagru li kien għadu kemm issawwar.
Fis-seklu 11, Mantova saret parti mill-pussess ta’ Bonifacio di Canossa, Markiż tat-Toskana. L-aħħar mexxej minn dik il-familja kienet il-Kontessa Matilda di Canossa (mietet fl-1115), li, skont leġġenda, ordnat il-kostruzzjoni tar-Rotunda prezzjuża ta’ San Lawrenz fl-1082. Ir-Rotunda għadha teżisti sa llum u ġiet rinnovata fl-2013.
Wara l-mewt ta’ Matilda di Canossa, Mantova saret komun ħieles u ddefendiet ruħha bla heda mill-influwenza tal-Imperu Ruman Sagru matul is-sekli 12 u 13. Fl-1198, Alberto Pitentino biddel il-fluss tax-xmara Mincio, u ħoloq dawk li l-Mantovani jsejħulhom bħala “l-erba’ lagi” biex issaħħaħ il-protezzjoni naturali tal-belt. Tlieta minn dawn il-lagi għadhom jeżistu sa llum u r-raba’ wieħed, li kien jgħaddi miċ-ċentru tal-belt, ġie mirdum fis-seklu 18.
Mill-1215, il-belt ġiet immexxija taħt il-podestà tal-poeta u statista tal-Gwelfi Rambertino Buvalelli.
Matul it-taqbida bejn il-Gwelfi u l-Gibellini, Pinamonte Bonacolsi ħa vantaġġ tas-sitwazzjoni kaotika biex jaħtaf il-poter tal-podestà fl-1273. Huwa ġie ddikjarat bħala l-Kaptan Ġeneral tal-Poplu. Il-familja Bonacolsi mexxiet lil Mantova għaż-żewġ ġenerazzjonijiet ta’ wara u żiditilha l-prosperità u s-sbuħija artistika. Fis-16 ta’ Awwissu 1328, Luigi Gonzaga, uffiċjal fil-podestà tal-familja Bonacolsi, flimkien mal-familja tiegħu organizzaw rewwixta pubblika f’Mantova kif ukoll kolp ta’ stat kontra l-aħħar mexxej tal-familja Bonacolsi, Rinaldo.
Ludovico Gonzaga, li kien il-Podestà ta’ Mantova mill-1318, ġie elett Kaptan tal-Poplu. Il-familja Gonzaga bniet swar ġodda b’ħames bibien/daħliet u rinnovat il-belt fis-seklu 14; madankollu, is-sitwazzjoni politika baqgħet imwiegħra sat-tielet mexxej tal-familja Gonzaga, Ludovico III Gonzaga, li elimina lil qrabatu u ċċentralizza l-poter fuqu nnifsu. Matul ir-Rinaxximent Taljan, il-familja Gonzaga ratbet it-tmexxija despotika tagħha u kompliet iżżid il-livell ta’ kultura u rfinar f’Mantova.[8] Mantova saret ċentru sinifikanti tal-arti u tal-umaniżmu Rinaxximentali. Il-Markiż Gianfrancesco Gonzaga ġab lil Vittorino da Feltre lejn Mantova fl-1423 sabiex jiftaħ l-iskola umanista famuża tiegħu, magħrufa bħala Casa Giocosa.
Isabella d'Este, il-Markiża ta’ Mantova, iżżewġet lil Francesco II Gonzaga, il-Markiż ta’ Mantova, fl-1490. Meta ċċaqilqet minn Ferrara għal Mantova (hi kienet it-tifla tad-Duka Erkole, il-mexxej ta’ Ferrara), hija ħolqot l-ewwel studjo żgħir (bit-Taljan: studiolo) famuż tagħha, l-ewwel fil-Kastell ta’ San Ġorġ fejn ikkummissjonat pitturi mingħand Mantegna, Perugino u Lorenzo Costa. Iktar ’il quddiem ċaqilqet l-istudjo tagħha lejn il-Qorti l-Qadima u kkummissjonat żewġ pitturi mingħand Correggio biex jitpoġġew mal-ħames pitturi l-oħra mill-Kastell ta’ San Ġorġ. Ma kinitx xi ħaġa tas-soltu li mara jkollha studjo fl-Italja tas-seklu 15 ladarba dan kien jitqies bħala spazju tal-irġiel. Isabella kienet kollezzjonista kbira u tant kellha reputazzjoni għolja li Niccolò da Corregio sejħilha “l-ewwel mara tad-dinja”.
Permezz ta’ ħlas ta’ 120,000 fjorin tad-deheb fl-1433, Gianfrancesco I ġie maħtur bħala l-Markiż ta’ Mantova mill-Imperatur Sigismundo. In-neputija tal-imperatur, Barbara ta’ Brandenburg iżżewġet lil iben il-Markiż, Ludovico. Fl-1459, il-Papa Piju II organizza l-Kunsill ta’ Mantova biex jipproklama kruċjata kontra t-Torok. Taħt Ludovico u l-werrieta tiegħu, il-pittur Rinaxximentali famuż Andrea Mantegna ħadem f’Mantova bħala pittur tal-familja Gonzaga, u pproduċa wħud mill-iktar xogħlijiet straordinarji tiegħu.
L-ewwel Duka ta’ Mantova kien Federico II Gonzaga, li kiseb it-titlu mill-Imperatur Ruman Sagru Karlu V fl-1530. Federico kkummissjona lil Giulio Romano biex jibni Palazzo Te, fil-periferija tal-belt, u tejjeb il-belt ferm. Fl-aħħar tas-seklu 16, Claudio Monteverdi ġie Mantova minn belt twelidu Cremona. Huwa ħadem taħt Vincenzo I Gonzaga, l-ewwel bħala kantant u vjolista, u mbagħad bħala direttur mużikali. Huwa żżewweġ lill-kantanta Claudia Cattaneo fl-1599.
Fl-1627, l-arblu tar-razza dirett tal-familja Gonzaga ntemm b’Vincenzo II, u Mantova bil-mod il-mod qabdet it-triq tan-niżla taħt il-mexxejja l-ġodda, Gonzaga-Nevers, fergħa Franċiża tal-familja. Faqqgħet il-Gwerra tas-Suċċessjoni Mantovana, u fl-1630 armata imperjali ta’ 36,000 merċenarju tal-Landsknecht assedjat lil Mantova, u dan wassal għall-pesta. Ferdinando Carlo IV, mexxej bla ħila, li kien jinteressah biss li jorganizza festini u spettakli teatrali, għamel alleanza ma’ Franza fil-Gwerra tas-Suċċessjoni Spanjola. Wara t-telfa tal-Franċiżi, huwa mar għall-kenn f’Venezja u miegħu ħa xi elf pittura. Mal-mewt tiegħu fl-1708, id-Duka ta’ Mantova tneħħa u l-familja Gonzaga tilfet il-belt ta’ Mantova għal dejjem. Mantova spiċċat f’idejn l-Asburgi tal-Awstrija.
Taħt it-tmexxija Awstrijaka, Mantova reġgħet ħadet il-ħajja u matul dan il-perjodu nbnew l-Akkademja Rjali tax-Xjenzi, tal-Lingwi u tal-Arti, it-Teatru Xjentifiku, u bosta palazzi u binjiet.
Fl-1786, għaxar snin qabel il-kampanja militari ta’ Napuljun Bonaparte fl-Ewropa, id-Dukat Awstrijaku ta’ Mantova għal żmien qasir ingħaqad mad-Dukat ta’ Milan sal-1791.
Fl-4 ta’ Ġunju 1796, Mantova ġiet assedjata mill-armata ta’ Napuljun bħala mossa kontra l-Awstrija, li kienet għaqdet l-Ewwel Koalizzjoni kontra Franza. It-tentattivi Awstrijaki u Russi li jirreżistu l-assedju fallew, iżda kienu kapaċi jifirxu l-forzi Franċiżi biżżejjed biex kellhom jabbandunaw l-assedju fil-31 ta’ Lulju. Minkejja dan, fl-24 ta’ Awwissu l-Franċiż komplew l-assedju. Fil-bidu ta’ Frar 1797, il-belt arrendiet u r-reġjun spiċċa taħt amministrazzjoni Franċiża. Sentejn wara, fl-1799, il-belt reġgħet inħatfet mill-Awstrijaki wara l-Assedju ta’ Mantova.
Iktar ’il quddiem, il-belt reġgħet għaddiet taħt il-kontroll ta’ Napuljun u saret parti mir-Renju tal-Italja ta’ Napuljun. Fl-1810, Andreas Hofer ġie ġustizzjat ħdejn Porta Giulia, daħla tal-belt f’Borgo di Porto (Cittadella) talli mexxa insurrezzjoni fil-Kontea ta’ Tirol kontra Napuljun.
Wara l-perjodu qasir ta’ tmexxija Franċiża, Mantova reġgħet spiċċat f’idejn l-Awstrija fl-1814, u saret waħda mill-bliet fortizza tal-Quadrilatero fit-Tramuntana tal-Italja. Wara l-Kungress ta’ Vjenna (1815), Mantova saret provinċja fir-Renju ta’ Lombardia-Venezja tal-Imperu Awstrijaku. Madankollu, l-aġitazzjoni kontra l-Awstrija laħqet l-ogħla livell tagħha f’rewwixta li damet mill-1851 sal-1855, iżda din finalment ġiet ikkontrollata mill-armata Awstrijaka. Wieħed mill-iktar episodji famużi tar-Risorġiment Taljan seħħ fil-wied ta’ Belfiore, fejn grupp ta’ ribelli ġew mgħallqa mill-Awstrijaki.
Fil-Battalja ta’ Solferino (it-Tieni Gwerra Taljana għall-Indipendenza) fl-1859, Piemonte-Sardenja tal-familja Savoia, żammew mal-Imperatur Franċiż Napuljun III, kontra l-Imperu Awstrijaku. Wara t-telfa li ġarrbet l-Awstrija, il-Lombardia ġiet ċeduta lil Franza, li ttrasferietha lil Piemonte-Sardenja bi tpartit għal Nizza u Savoia.
Mantova, għalkemm kienet provinċja kostitwenti tal-Lombardia, xorta waħda baqgħet taħt l-Imperu Awstrijaku flimkien ma’ Venezja. Fl-1866, il-Konfederazzjoni tat-Tramuntana tal-Ġermanja mmexxija mill-Prussja żammet mar-Renju tal-Italja li kien għadu kemm issawwar u li kien immexxi minn Piemonte, kontra l-Imperu Awstrijaku fit-Tielet Gwerra Taljana għall-Indipendenza. It-telfa ħesrem tal-Awstrija wasslet biex tirtira mir-Renju ta’ Venezja (inkluż mill-belt kapitali Venezja). Mantova reġgħet ingħaqdet mar-reġjun tal-Lombardia u ġiet inkorporata fir-Renju tal-Italja.
Mantova, flimkien ma’ Sabbioneta, ġiet iddeżinjata bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2008.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ” u l-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”.[2]
Il-familja Gonzaga pproteġiet l-arti u l-kultura, u ospitat diversi artisti importanti bħal Leone Battista Alberti, Andrea Mantegna, Giulio Romano, Donatello, Peter Paul Rubens, Pisanello, Domenico Fetti, Luca Fancelli u Nicolò Sebregondi. Minkejja li ħafna mill-kapulavuri ġew sparpaljati, il-valur kulturali ta’ Mantova xorta waħda huwa straordinarju, u ħafna mill-binjiet ekkleżjastiċi ta’ Mantova huma eżempji importanti uniċi tal-arkitettura Taljana.
Fost il-binjiet ikoniċi ewlenin hemm:
Bil-karozza, wieħed jista’ jasal Mantova bl-awtostrada A4 (Milan-Venezja) sa Verona, imbagħad jaqbad l-awtostrada A22 (Brennero-Modena). Inkella, wieħed jista’ jasal Mantova minn Milan fuq it-triq statali 415 (Milan-Cremona) sa Cremona u minn hemm jaqbad it-triq statali 10 (Cremona-Mantova), jew minn Verona fuq it-triq statali 62.
L-istazzjon ferrovjarju ta’ Mantova, li nfetaħ fl-1873, jinsab fuq ir-rotot ferrovjarji ta’ Milan-Codogno-Cremona-Mantova u Verona-Mantova-Modena. L-istazzjon huwa l-venda għal tliet linji reġjonali, lejn Cremona u Milan, lejn Monselice, u lejn Verona Porta Nuova u Modena. Trenitalia topera kollegament ta’ veloċità għolja ta’ kuljum ma’ Ruma.
L-eqreb ajruport huwa dak ta’ Verona-Villafranca. Is-servizz privat dirett bil-karozzi tal-linja li kien jikkollega l-ajruport mal-istazzjon ferrovjarju ta’ Mantova ġie kkanċellat fl-1 ta’ Jannar 2015. Attwalment hemm kollegament pubbliku bil-karozzi tal-linja li huwa pprovdut mill-ajruport sal-istazzjon ferrovjarju ta’ Verona Porta Nuova, u mbagħad wieħed jista’ jaqbad il-ferrovija minn Verona sa Mantova.
Is-servizzi lokali bil-karozzi tal-linja pprovdut minn APAM huwa maqsum fuq żewġ livelli: is-servizz urban fi ħdan iż-żona taċ-ċentru u s-subborgi) u dak interurban fi ħdan l-irħula u l-villaġġi tal-madwar.
Mill-organizzazzjoni politika mill-ġdid tal-gvern lokali fl-1993, Mantova ġiet iggvernata mill-Kunsill tal-Belt ta’ Mantova. Il-votanti jeleġġu direttament lil 33 kunsillier u lis-Sindku ta’ Mantova kull ħames snin. Is-Sindku ta’ Mantova attwali huwa Mattia Palazzi (PD), li ġie elett fil-15 ta’ Ġunju 2015 u mill-ġdid fl-2020 għal mandat ieħor.
Mantova hija ġemellata ma’:[11]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.