![cover image](https://wikiwandv2-19431.kxcdn.com/_next/image?url=https://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/c/c8/Taj_Mahal_in_March_2004.jpg/640px-Taj_Mahal_in_March_2004.jpg&w=640&q=50)
Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fl-Indja
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Indja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] L-Indja rratifikat il-Konvenzjoni fl-14 ta' Novembru 1977, u b'hekk is-siti indikattivi tagħha setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
![Thumb image](http://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/c/c8/Taj_Mahal_in_March_2004.jpg/640px-Taj_Mahal_in_March_2004.jpg)
B'kollox l-Indja għandha 43 Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, 35 kulturali, seba' naturali u wieħed imħallat. L-ewwel erba' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-Indja żdiedu fl-1983: l-Għerien ta' Ajanta, l-Għerien ta' Ellora, il-Forti ta' Agra, u t-Taj Mahal. L-iżjed sit li żdied reċentement mill-Indja huma l-Moidams – is-Sistema tat-Tumbati Funebri tad-Dinastija Ahom, fl-2024. Fi żminijiet differenti, żewġ siti tniżżlu fil-lista tas-siti fil-periklu: is-Santwarju tan-Natura Selvaġġa ta' Manas tniżżel bejn l-1992 u l-2011 minħabba l-insib u l-attivitajiet tal-milizji Bodo, u l-monumenti f'Hampi tniżżlu bejn l-1999 u l-2006 minħabba riskji miż-żieda fit-traffiku u l-kostruzzjonijiet ġodda fil-madwar. Sit ta' Wirt Dinji wieħed huwa transnazzjonali, ix-Xogħol Arkitettoniku ta' Le Corbusier, li huwa kondiviż ma' sitt pajjiżi oħra.