linja ferrovjarja u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Iran From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Linja Ferrovjarja Trans-Iranjana (bil-Persjan: راهآهن سراسری ایران, b'ittri Rumani: Râh-âhan Sarâsari Irân) kienet proġett ta' kostruzzjoni tal-linja ferrovjarja ewlenija li nbeda fl-Iran ta' żmien Pahlavi fl-1927 u tlesta fl-1938, taħt it-tmexxija tal-monarka Iranjan ta' dak iż-żmien Reza Shah. Il-linja nbniet kollha b'kapital intern u tikkollega l-belt kapitali ta' Tehran ma' Bandar Shahpur (issa magħrufa bħala Bandar-e Emam Khomeyni) fil-Golf Persjan fin-Nofsinhar u ma' Bandar Shah (issa magħrufa bħala Bandar Torkaman) fil-Baħar Kaspju fit-Tramuntana, billi tgħaddi minn Ahvaz u Ghom.[1] Fl-1961, taħt iben Reza Shah, Mohammad Reza Pahlavi, il-linja ferrovjarja ġiet estiża minn Bandar Shah sa terminus ġdid f'Gorgan.[2] Matul ir-riformi tal-art ta' Mohammad Reza Pahlavi fl-1963, bħala parti mir-"Revoluzzjoni l-Bajda", il-Linja Ferrovjarja Trans-Iranjana ġiet estiża biex tikkollega Tehran ma' Mashhad, ma' Tabriz u ma' Esfahan.[3]
Ir-rotta oriġinali tal-1938 bejn Bandar Shahpur u Bandar Shah tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Lulju 2021.[4]
L-idea ta' linja ferrovjarja li tikkollega l-Imperu Russu u l-Indja Brittanika ġiet proposta minn diversi promoturi Russi privati fl-1889, fl-1900 u fl-1905. Madankollu, il-gvern Russu ċaħad dawn il-proposti, minħabba l-biża' li setgħu jxekklu d-dominanza kummerċjali tar-Russja li kienet iffaċilitata ġeografikament fl-Iran kif ukoll setgħet tikkomplika r-relazzjonijiet mal-Brittaniċi. Fl-1889, ir-Russja u x-Shah qablu li l-ebda linja ferrovjarja ma kienet se tinbena fl-Iran mingħajr il-kunsens tar-Russi. Madankollu, sal-1910 il-ftehim ġie rroftat fir-Rivoluzzjoni Kostituzzjonali Iranjana. Il-biżgħat li l-interessi Russi ma kinux għadhom primarji, flimkien mat-tisħiħ tal-forzi politiċi kontra r-Russi fil-pajjiż, u l-emerġenza ta' theddida Ġermaniża, wasslu biex ikun importanti iktar minn qatt qabel għall-Iran li tipproteġi l-interessi kummerċjali tagħha billi tibni linja ferrovjarja.[5]
Sabiex tinbena l-linja ferrovjarja ġiet diskussa l-problema li jinġabar biżżejjed kapital biex jiġi ffinanzjat il-proġett. Il-Gwerra bejn ir-Russja u l-Ġappun tal-1905 kienet waħda mid-diversi fatturi li ħallew lir-Russja b'baġit issikkat, u b'hekk ir-Russja ma setgħetx tipprovdi l-fondi.[6] Il-Brittaniċi ġew mitluba wkoll, iżda t-talba ma setgħetx tintlaqa', u b'hekk il-bidu tal-kostruzzjoni tal-linja ferrovjarja kellu jiġi pospost għal iktar 'il quddiem. Nikolay Khomyakov, il-President tad-Duma, u I.A. Zveginstov, li kien jappoġġa l-Entente Anglo-Russu, ippromwovew inizjattiva privata għal linja ferrovjarja li tikkollega l-Indja u l-Ewropa, biex jikkuntrabattu t-theddida ekonomika tal-Ġermanja fir-reġjun. L-influwenza tal-Ġermanja fir-reġjun ġiet iffaċilitata permezz tal-Linja Ferrovjarja ta' Bagdad, li kkollegat il-Ġermanja mal-Imperu Ottoman (illum il-ġurnata t-Turkija, is-Sirja u l-Iraq), u b'hekk il-Ġermanja setgħet tibda l-pjanijiet biex tikkollega l-linja ferrovjarja ma' Tehran biex iżżid l-imprenditorija kummerċjali tagħha. Minkejja l-oppożizzjoni mill-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin u mill-Ministeru għall-Finanzi, kien hemm appoġġ ukoll għall-proġett.[7]
Sa Diċembru 1910 issawwar Konsorzju dwar il-Linja Ferrovjarja Trans-Iranjana, li kien jikkonsisti minn tnax-il bank Russu ewlieni. Disa' minn dawn il-banek daħlu fi qbil ma' banek Franċiżi ewlenin fl-1911, u dan irriżulta fl-appoġġ finanzjarju kruċjali meħtieġ biex tiġi ffinanzjata l-linja ferrovjarja. Madankollu, l-aħħar pass meħtieġ biex jinbeda l-proġett kien l-appoġġ tal-Brittaniċi, li riedu jerġgħu jistabbilixxu l-istabbiltà finanzjarja fl-Iran iżda ma xtaqux ikunu involuti fil-Konsorzju dwar il-Linja Ferrovjarja Trans-Iranjana permezz tas-self propost ta' bejn erba' u sitt miljun lira sterlina, propost minn Alexander Izvolsky, il-Ministru Imperjali għall-Affarijiet Barranin fl-1906-1910, u Sergey Sazonov, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin fl-1910-1916. Sazonov kompla jimbotta għas-self peress li kien jemmen li kien is-soluzzjoni biex il-Persja ma tfallix. Lord Curzon, il-Viċirè Brittaniku tal-Indja, irrifjuta s-self, peress li beda jissuspetta li r-Russi kellhom it-tir li jpoġġu għajnejhom fuq il-kolonja Indjana prezzjuża tar-Renju Unit, u dan wassal għal protesta min-naħa ta' Sazonov kontra din l-akkuża. Finalment, fl-1912, il-finanzieri Russi, Franċiżi u Brittaniċi ffurmaw Société d'Etudes għal-Linja Ferrovjarja Trans-Iranjana.[8]
Meta Arthur von Gwinner, il-Maniġer Ewlieni tad-Deutsche Bank u tal-Linja Ferrovjarja ta' Bagdad, ħabbar pjanijiet li tinbena sezzjoni tal-linja ferrovjarja li kienet se tikkollega lil Bagdad ma' Khanaqin sal-1916, ir-Russi ħadu azzjoni malajr biex jiżguraw l-appoġġ Brittaniku u l-investimenti Franċiżi fis-Société d'Etudes.[9] Ir-Russi kienu primarjament imħassba bil-kostruzzjoni tas-sezzjoni tat-Tramuntana tal-linja, estiża minn Astara sa Tehran, filwaqt li l-Brittaniċi kienu iktar imħassba bis-sezzjoni tan-Nofsinhar, peress li diġà kienu ddominaw ir-reġjun tan-Nofsinhar u l-Golf Persjan.[10]
Sadanittant, il-Gwerer tal-Balkani fl-Imperu Ottoman (1912-1913) ħolqu sitwazzjoni instabbli fil-pajjiż, u mill-ġdid ipposponew il-bidu tal-applikazzjoni. Din l-instabbiltà wasslet biex l-investituri fis-Société d'Etudes joqogħdu lura milli jinvestu f'Iran fallut. Sazonov issuġġerixxa li jinħatar mexxej Iranjan b'saħħtu sabiex jgħin l-aspett finanzjarju tal-proġett tal-linja ferrovjarja. Sa'd Dawla, eks Ministru taħt Muhammad Ali Shah, qabel li jaħdem maż-żewġ potenzi biex juża għotja finanzjarja mis-Société d'Etudes u b'hekk titkompla l-kostruzzjoni tal-Linja Ferrovjarja Trans-Iranjana mingħajr il-qbil tal-parlament il-ġdid. Madankollu, Sir Edward Grey, is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, irrifjuta li jġiegħel lill-Iranjani jaċċettaw lil Sa'd Dawla bħala Prim Ministru, minħabba li kien kontra l-moviment kostituzzjonali fl-Iran.[11]
L-eżitu tal-Gwerer fil-Balkani kkawża lir-Russja u lir-Renju Unit jaċċettaw il-probabbiltà ta' gwerra mal-Poteri Ċentrali fil-futur qarib, u b'hekk ġiet issuġġerita l-ħtieġa ta' relazzjonijiet b'saħħithom bejniethom it-tnejn. Sazonov beda jiffrustra ruħu li r-Renju Unit ma kienx kapaċi jasal għal kompromess rigward rotta li tinkorpora l-Indja, u hedded li jkompli għaddej bir-rotta tat-Tramuntana. Minħabba l-biża' tal-implikazzjonijiet ta' gwerra, Grey fl-aħħar mill-aħħar ħass li kien fl-aqwa interess Brittaniku li jikkonċedi, u qabel biex tinbeda l-applikazzjoni tal-linja ferrovjarja taħt il-kundizzjonijiet ta' Balmoral. Sa dak iż-żmien, ir-Renju Unit diġà kien kompla jikkonsolida l-kontroll tiegħu fuq il-Golf Persjan.[12]
Sa Ġunju 1914 kienu bdew l-istħarriġiet għas-sezzjoni bejn Enzeli u Tehran, u sal-1915 ir-riżultati tal-parti tal-linja ferrovjarja bejn Astara u Tehran tlestew u ġew ippubblikati. Xorta waħda, il-progress fuq il-linja ferrovjarja kien miexi bil-mod. Imbagħad, ftit jiem wara li faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija, ir-Russja rrepudjat l-obbligu tagħha li tibni l-linja bejn Tehran u Khanaqin skont il-Ftehim ta' Potsdam.[13]
Wara l-interruzzjoni sostanzjali tal-Ewwel Gwerra Dinjija, il-proġett għall-kostruzzjoni ta' linja ferrovjarja b'gejġ standard ta' 1,435 mm (4 piedi 8+1⁄2 pulzieri) minn naħa għall-oħra tal-Iran inbeda minn Reza Shah Pahlavi bħala parti minn bosta riformi li wasslu għall-immodernizzar drastiku tal-Iran fiż-żewġ deċennji bejn l-Ewwel Gwerra Dinjija u t-Tieni Gwerra Dinjija. Għalkemm teknikament kien independenti, l-Iran kien għadu pajjiż dgħajjef u devastat finanzjarjament. Minkejja dan, id-deċennju tas-snin 30 tas-seklu 20 wassal biex ifeġġ suq ekonomiku, jiżdiedu b'mod drastiku l-industriji moderni, jiżdiedu l-esportazzjonijiet, u jiżdied l-output agrikolu.[14]
Inizjalment, l-osservaturi Brittaniċi u Russi qiesu l-istabbiliment ta' linja ferrovjarja bħala l-aqwa soluzzjoni għall-problemi kbar tat-trasport li l-Iran kien qed jiffaċċja minħabba l-popolazzjoni pjuttost sparpaljata, in-nuqqas ta' xmajjar, il-muntanji għoljin, u r-reġjun tad-deżert mhux ospitabbli tal-pajjiż. Bosta Amerikani u Brittaniċi opponew il-Linja Ferrovjarja Trans-Iranjana, u ssuġġerew mezzi tat-trasport iktar effiċjenti u inqas għaljin, bħas-Servizz tat-Trasport Motorizzat tal-Armata tal-Istati Uniti, li kien jgħabbi madwar kwart tal-volum tal-linja ferrovjarja sal-fruntiera Sovjetika. Xi kritiċi Brittaniċi, inkluż il-Ġeneral Percy Sykes, opponew il-linja ferrovjarja minħabba li kienet topera mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, minflok mill-Punent għal-Lvant. Ir-rotta mill-Punent għal-Lvant kienet ippreferuta minħabba li biha l-Brittaniċi kien ikollhom aċċess dirett għall-bażijiet militari tagħhom fl-Indja u fil-Mesopotamja, u fl-istess waqt, tiġi evitata t-theddida ta' telf kummerċjali ta' profitt favur ir-Russja u kwalunkwe rivali barrani.
Kien hemm ukoll Iranjani li opponew il-kostruzzjoni tal-linja ferrovjarja, peress li kienu jemmnu li l-flus setgħu jintefqu b'mod iktar effettiv fuq it-toroq.[15] Madankollu, li kieku Ministru tal-kabinett kien jinqabad jikkritika l-piż estensiv tat-taxxa prodott mil-linja ferrovjarja, dan seta' jintefa' l-ħabs bl-akkuża li kien kollaboratur Brittaniku, u b'hekk jipprova jżomm lura lill-Iran milli jilħaq l-għanijiet finanzjarji u strateġiċi tiegħu stess.[16]
Filwaqt li jidher loġiku li jiġi attribwit it-tnaqqis fil-prezzijiet tat-trasport lil-Linja Ferrovjarja Trans-Iranjana, fil-verità ma tantx ikkontribwiet wisq. Għalkemm ħafna mill-oppożizzjoni kontra l-linja ferrovjarja kienet motivata politikament u finanzjarjament, il-linja ferrovjarja kienet piż tat-taxxa enormi, u lill-Iran swietu 2,195,180,700 rial fl-1938-1939.[17] Il-maġġoranza tal-kapital li ntuża għall-finanzjament tal-linja ferrovjarja ġie pprovdut mit-taxxi fuq oġġetti bħaz-zokkor u t-te, prodotti f'fabbriki stabbiliti mill-Ministeru għall-Industriji, bħala parti mill-moviment ta' riformi ta' Reza Shah Pahlavi.
Fl-1924, il-kumpanija Amerikana Ulen innegozjat mal-Prim Ministru Reza Khan ftehim biex isir studju dwar il-fattibbiltà għal-linja ferrovjarja bejn Khorramshahr u l-Baħar Kaspju.[18]
Fis-snin ta' wara, Reza li sar Shah fl-1925, għadda leġiżlazzjoni fil-parlament li żgurat il-finanzjament Iranjan intern għall-proġett tal-linja ferrovjarja mit-taxxi imposti fuq il-konsum taz-zokkor u ta' oġġetti oħra, u b'hekk eskluda sensiela ġdida ta' dejn estern li kien xekkel il-mexxejja tal-Iran qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija.
F'negozjati iktar 'il quddiem, ġie maqbul li l-ewwel jinbnew żewġ linji ta' prova mit-Tramuntana għan-Nofsinhar tal-Linja Ferrovjarja Trans-Iranjana pproġettata, sabiex jiġi stabbilit il-kost għal ftehim rigward il-linja kollha. Kontra l-interessi kompetituri minn pajjiżi oħra, l-Amerikani ddeċidew li jiffurmaw ftehim konġunt ma' kumpaniji Ġermaniżi.
Mill-1927 grupp internazzjonali msejjaħ "Syndicat du Chemin du Fer en Perse", li kien jikkonsisti mill-kumpanija Amerikana Ulen u l-konsorzju Ġermaniż "Konsortium für Bauausführungen in Persien" (iffurmat minn tliet kumpaniji Ġermaniżi: Philipp Holzmann, Julius Berger u Siemens Bauunion),[19] beda l-kostruzzjoni tal-linji ta' prova inizjali. L-Amerikani bnew il-linja minn Bandar Shahpur għal Ahvaz sa Dezful. Il-grupp Ġermaniż beda mill-port il-ġdid ta' Bandar Shah fil-kosta tal-Baħar Kaspju sal-għoljiet ta' qabel il-muntanji Alborz f'Shahi (Qaem Shahr). L-Amerikani temmew il-kuntratt tagħhom fl-1930 wara d-dewmien fil-pagamenti mill-gvern li rriżulta minn kunflitt ma' Reza Shah.[20]
F'April 1933, l-Iran ikkonkluda kuntratt mad-ditta Daniża Kampsax. Kampsax dak iż-żmien kienet attiva fil-kostruzzjoni tal-linji ferrovjarji fit-Turkija u x-Shah segwa r-rakkomandazzjoni Torka li kellha l-vantaġġ addizzjonali li ddaħħal kumpanija minn pajjiż żgħir bl-ebda riskju politiku għall-indipendenza Iranjana. Kampsax qasmet il-proġett b'sottokuntrattar fi 43 biċċa lil kumpaniji mill-Ewropa, mill-Istati Uniti u mill-Iran. L-inġiniera ta' Kampsax issorveljaw ix-xogħlijiet f'kull biċċa, u x-xogħlijiet ġew ikkoordinati mill-uffiċċju ċentrali f'Tehran. Il-kuntratt kien jeżiġi li Kampsax tlesti l-linja ferrovjarja sa Mejju 1939. Kampsax lestiet il-proġett b'inqas mill-baġit allokat u qabel iż-żmien, u l-linja ferrovjarja nfetħet formalment fis-26 ta' Awwissu 1938.[21]
L-ewwel sewwieq uffiċjali tal-lokomotivi li jaħdmu bl-istim li uża l-linja ferrovjarja kien Iranjan jismu Hossein Orang.[22] L-ewwel linji kienu jgħaddu qalb il-muntanji. Sezzjonijiet twal għandhom pendil sa 1 f'36[23] u tekniki tat-tlugħ tal-għoljiet bħal spirali ferrovjarji. L-ispirali tat-Tliet Linji tad-Deheb (Se Khat Tala) tinsab fuq il-fergħa ta' Mazandaran fil-Kontea ta' Sewatcow (Savadkuh) ta' Mazanderan, ftit kilometri fin-Nofsinhar tal-Pont ta' Veresk. Il-linja titla' jew tinżel f'distanza qasira billi tgħaddi tliet darbiet fl-istess żona f'għoli differenti. Il-ferroviji jinżlu lejn Sari jew jitilgħu fid-direzzjoni opposta billi jgħaddu mill-mini doppji ta' Dowgal. Il-linja hija twila 1,394 kilometru, għandha madwar 230 mina u 4,100 pont, u l-ogħla punt tagħha huwa f'Arak, 2,220 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar.[24] Madankollu, il-kuntratturi ta' Kampsax bnew linji relattivament ħfief, li jvarjaw bejn 67 sa 75 libbra kull jarda, u dan kien jirrestrinġi t-tagħbijiet fuq il-fusien li setgħet iġġorr il-linja ferrovjarja.[25]
Kien hemm diversi problemi ġeoloġiċi, li kienu jirrikjedu l-abbandun ta' xi mini u l-allinjament mill-ġdid tar-rotta minn art kemxejn differenti:
Fl-1936, Beyer, Peacock & Company forniet l-Iran b'erba' lokomotivi artikolati Garratt 4-8-2+2-8-4 (6787-6890). Fl-1938 dawn saru klassi 86.01. Sal-invażjoni Brittanika tal-Iran fl-1941, il-lokomotivi Garratt milli jidher kienu l-unika lokomotivi Brittaniċi b'gejġ standard fl-Iran.[26]
Il-manifatturi Ġermaniżi fornew 65 lokomotiva li jaħdmu bl-istim għall-ftuħ tal-linja ferrovjarja fl-1938.[27] 49 minnhom kienu 2-8-0 Consolidations: 24 Krupp tal-klassi 41.11, 16 kienu Henschel & Son tal-klassi 41.35 u disa' kienu Maschinenfabrik Esslingen tal-klassi 41.51. Is-16 l-oħra kienu Henschel 2-10-0 Decapods tal-klassi 51.01.
Il-Linja Ferrovjarja Trans-Iranjana akkwistat 10 lokomotivi li Kampsax kienet użat biex tibni l-linja ferrovjarja. Dawn kienu lokomotivi tal-merkanzija Gölsdorf 0-10-0 li nbnew bejn l-1909 u l-1915 bħala lokomotivi tal-Linji Ferrovjarji Statali Awstrijaċi tal-klassi 80 minn Wiener Neustädter Lokomotivfabrik, Lokomotivfabrik Floridsdorf u Lokomotivfabrik der StEG fi Vjenna u minn Breitfeld-Daněk fil-Boemja. Meta l-Linja Ferrovjarja Iranjana introduċiet is-sistema l-ġdida bin-numri tagħha fl-1938, il-lokomotivi Gölsdorf 0-10-0 żammew in-numri Awstrijaċi oriġinali tagħhom.
Il-Brittaniċi u r-Russi inizjalment iddikjaraw li r-raġuni għalfejn invadew l-Iran kienet il-falliment tal-gvern tal-Iran li jeħles il-pajjiż mill-Ġermaniżi, li allegatament kienu qed jippjanaw kolp ta' stat eventwali.[28] Minkejja dan, kien hemm raġunijiet oħra li wasslu għall-invażjoni, u l-pożizzjoni ewlenija tal-Linja Ferrovjarja Trans-Iranjana bħala parti mill-hekk imsejjaħ "Kuritur Persjan" kienet waħda mir-raġunijiet primarji tal-invażjoni Brittanika-Sovjetika tal-Iran fit-Tieni Gwerra Dinjija. Minkejja t-tentattivi ta' Reza Shah li jibqgħu newtrali, l-alleati ddeċidew li kien ikun iktar effettiv li jneħħu lil Reza Shah minn fuq it-tron, u użaw lil ibnu ż-żgħir minflok biex jgħinhom għall-użu tagħhom tal-Linja Ferrovjarja Trans-Iranjana biex jittrasportaw iż-żejt lejn ir-Renju Unit, u l-provvisti lejn l-Unjoni Sovjetika.[29]
F'Awwissu 1941, il-forzi Sovjetiċi, Brittaniċi u Indjani Brittaniċi invadew l-Iran biex jipproteġu l-provvista taż-żejt tagħhom fl-Iran u biex jiżguraw is-sigurtà tar-rotta tal-provvisti tul il-Kuritur Persjan mill-Golf Persjan sar-repubbliki tal-Asja Ċentrali tal-Unjoni Sovjetika. F'Settembru 1941, l-Alleati ħadu f'idejhom it-tħaddim tal-Linja Ferrovjarja Trans-Iranjana: l-Inġiniera Rjali Brittaniċi u tal-Imperu, taħt il-kmand tal-Brigadier Godfrey D. Rhodes, operaw id-Diviżjoni tan-Nofsinhar bejn Tehran u l-port ta' Bandar Shahpur fil-Golf Persjan, u l-Armata Sovjetika operat id-Diviżjoni tat-Tramuntana bejn Tehran u l-port ta' Bandar Shah fil-Baħar Kaspju.[30]
L-Inġiniera Rjali Brittaniċi u tal-Imperu kabbru l-kapaċità tal-merkanzija billi bnew impjanti ferrovjarji ġodda għall-kostruzzjoni tal-lokomotivi f'Bandar Shahpur, f'Ahvaz u f'Andimeshk u impjant ferrovjarju f'Ahvaz għal linja ferrovjarja ġdida sa Khorramshahr tul Shatt al-Arab. Sabiex ikabbru l-flotta ta' lokomotivi tal-linja ferrovjarja, l-Inġiniera Rjali Brittaniċi u tal-Imperu bnew impjant ferrovjarju għall-kostruzzjoni tal-lokomotivi f'Abadan biex ikunu jistgħu jittrasferixxu l-lokomotivi mill-bastimenti merkantili għall-barklori ħalli jkunu jistgħu jtellgħuhom mix-xmara Karun. Huma bnew ukoll impjant b'qishom gafef fuq moll max-xmara Karun f'Ahwaz biex ikunu jistgħu jħottuhom mill-barklori għal fuq il-linja ferrovjarja. Meta l-Brittaniċi ħadu f'idejhom għall-ewwel darba l-parti tan-Nofsinhar fl-1941, il-linja ferrovjarja kienet kapaċi topera ferrovija tal-merkanzija waħda kuljum. Il-linja ferrovjarja kienet tgħabbi volum totali ta' 978 tunnellata kuljum fl-ewwel kwart tal-1942. Minkejja dan, sa Settembru 1943, il-linja ferrovjarja kienet kapaċi ċċaqlaq 5,400 tunnellata kuljum, bis-saħħa tal-importazzjoni ta' lokomotivi ġodda, vaguni ġodda, u individwi b'ħiliet aħjar.[31]
L-impjant tal-lokomotivi tad-Diviżjoni tan-Nofsinhar f'Ahvaz kellu żewġ lokomotivi 2-10-0 Ġermaniżi, seba' lokomotivi 2-8-0 Ġermaniżi, żewġ lokomotivi tal-klassi 41.01 2-8-0 mibnija minn Beyer, Peacock & Company fl-1934, żewġ lokomotivi tal-klassi 80.14 0-10-0 minn manifattur Awstrijakk tal-lokomotivi, u seba' lokomotivi iżgħar. L-Inġiniera Rjali Brittaniċi u tal-Imperu sabu li l-lokomotivi kollha għajr il-lokomotivi 2-10-0 kienu f'kundizzjoni batuta, l-istess bħala uħud mill-ferroviji tal-ġarr tal-merkanzija. F'Diċembru għexieren ta' lokomotivi LMS 2-8-0 li jaħdmu bl-istim u 840 vagun tal-merkanzija ta' 20 tunnellata bdew jaslu mir-Renju Unit. 27 lokomotiva LMS 2-8-0 li jaħdmu bil-faħam, li ġew iddeżinjati bħala tal-klassi 41.100 fis-sistema tan-numri tal-Linja Ferrovjarja Iranjana, bdew joperaw fi Frar 1942. Ladarba bdew joperaw biżżejjed lokomotivi LMS 2-8-0, uħud mil-lokomotivi Ġermaniżi ġew rilaxxati biex tiżdied il-flotta tad-Diviżjoni tat-Tramuntana li kienu qed joperaw is-Sovjetiċi. Minn Frar sa Awwissu 1942, 96 lokomotiva LMS 2-8-0 li jaħdmu biż-żejt, li ġew iddeżinjati bħala tal-klassi 41.150, bdew joperaw fid-Diviżjoni tan-Nofsinhar u sa Diċembru 1942 19-il lokomotiva oħra tal-klassi 41.100 li jaħdmu bil-faħam kienu żdiedu magħhom.[32] Fl-istess sena, Davenport Locomotive Works forniet 24 lokomotiva mekkanika 0-4-0 li jaħdmu bid-diżil, li ġew iddeżinjati bħala tal-klassi 20.01, u li l-Iran kien ordna qabel l-invażjoni tal-Alleati.[33]
F'Diċembru 1942, il-Korp tat-Trasport tal-Armata tal-Istati Uniti (USATC) ħa post il-forza Brittanika u tal-Imperu li kienet qed topera d-Diviżjoni tan-Nofsinhar.[34] F'165 mil (266 kilometru), il-linja ferrovjarja għandha 144 mina, li fihom in-nugrufun u d-duħħan miż-żejt ħolqu kundizzjonijiet iebsa tax-xogħol għall-ekwipaġġi tal-lokomotivi li kienu jaħdmu bl-istim. Il-provvista limitata tal-ilma tul ir-rotta u l-klima sħuna tal-pjanuri tan-Nofsinhar ħolqu diffikultajiet ulterjuri għat-tħaddim tal-lokomotivi li kienu jaħdmu bl-istim. Għalhekk, l-USATC qies li l-lokomotivi elettriċi li jaħdmu bid-diżil kienu iktar adattati u ordna li jinbnew 13-il lokomotiva ALCO RS-1 u li jiġu kkonvertiti f'lokomotivi ALCO RSD-1 Co-Co b'ċilindrata ta' 1,000. 44 lokomotiva RSD-1 oħra nbnew biex jintużaw fl-Iran. B'kollox kien hemm 57 lokomotiva biss ta' dan it-tip, għaldaqstant inizjalment bdew jitħaddmu biss fil-parti tan-Nofsinhar tad-Diviżjoni tan-Nofsinhar bejn Bandar Shahpur u Andimeshk.
Għat-traffiku bejn Andimeshk u Tehran, l-USATC ġab 91 lokomotiva S200 Class li jaħdmu bl-istim, li ġew iddeżinjati bħala tal-klassi 42.400 fis-sistema tan-numri tal-Linja Ferrovjarja Iranjana. L-USATC introduċa wkoll 3,000 vagun tal-merkanzija. F'April 1943, bdew jintużaw ukoll 18-il lokomotiva ALCO RSD-1, li permezz tagħhom l-USATC seta' jirritorna wħud mil-lokomotivi LMS 2-8-0 lill-Kmand Brittaniku tal-Lvant Nofsani u testendi t-tħaddim bid-diżil lejn it-Tramuntana, sa Qom minn Settembru 1943 u b'servizz regolari f'Tehran minn Mejju 1944. L-USATC kompla jżid it-traffiku ferrovjarju merkantili tant li fl-1944 it-tagħbija kienet tlaħħaq medja ta' 6,489 tunnellata kuljum.[35]
It-traffiku tal-għoti tal-"Għajnuna lir-Russja" waqaf sa Mejju 1945 u f'Ġunju l-USATC irtira l-lokomotivi RSD-1 tiegħu u reġa' għadda l-kontroll lill-awtoritajiet Brittaniċi. Ftit wara, il-Brittaniċi reġgħu taw il-linja ferrovjarja lil-Linja Ferrovjarja Iranjana, il-predeċessur tal-Linja Ferrovjarja tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.
Il-linja ferrovjarja ġiet estiża minn Bandar Shah sa Gorgan fl-1961.
Fl-2014, il-kollegament ferrovjarju bejn il-Każakistan, it-Turkmenistan u l-Iran, parti mill-Kuritur tat-Trasport Internazzjonali bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, tlesta u sar operattiv, u kkollega t-tliet pajjiżi, b'linja ġdida li kkollegat lil Gorgan ma' Etrek fit-Turkmenistan. Il-linji ferrovjarji tal-eks stati tal-Unjoni Sovjetika jużaw gejġ Russu ta' 1,520 mm (4 piedi 11+27⁄32 pulzier), u b'hekk il-Linji Ferrovjarji Iranjani jkollhom jipprovdu servizzi ta' tifi tal-gejġ fil-fruntiera mat-Turkmenistan.[36]
Il-Linja Ferrovjarja Trans-Iranjana ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021.[4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[4]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.