kastell fis-Slovakkja From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-fdalijiet tal-Kastell ta' Spiš (bis-Slovakk: Spišský hrad; bl-Ungeriż: Szepesi vár; bil-Pollakk: Zamek Spiski; bil-Ġermaniż: Zipser Burg) fil-Lvant tas-Slovakkja jiffurmaw wieħed mill-ikbar kastelli fl-Ewropa Ċentrali. Il-kastell jinsab fuq għolja 'l fuq mir-raħal ta' Spišské Podhradie u l-villaġġ ta' Žehra, fir-reġjun magħruf bħala Spiš (bl-Ungeriż: Szepes, bil-Ġermaniż: Zips, bil-Pollakk: Spisz, bil-Latin: Scepusium). Fl-1993 ġie inkluż fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien ma' komponenti oħra bħall-Kunvent ta' Spiš. Bħala erja (41,426 m²) il-kastell huwa wieħed mill-ikbar fl-Ewropa. Jiġi amministrat mill-Mużew ta' Spiš f'Levoča, li huwa parti mill-Mużew Nazzjonali tas-Slovakkja.
Il-Kastell ta' Spiš inbena fis-seklu 12 fuq is-sit ta' kastell preċedenti. Kien ċentru politiku, amministrattiv, ekonomiku u kulturali tal-Kontea ta' Szepes fir-Renju tal-Ungerija.[1] Qabel l-1464, is-sjieda tiegħu kienet f'idejn ir-rejiet tal-Ungerija, sa żmien ir-Re Matthias Corvinus, imbagħad sal-1528 is-sjieda tiegħu għaddiet għand il-familja Zápolya, il-familja Thurzó (1531–1635), il-familja Csáky (1638–1945), u mill-1945 għand l-istat taċ-Ċekoslovakkja u mbagħad għand is-Slovakkja.
Oriġinarjament kien kastell Rumanesk tal-ġebel imdawwar bil-fortifikazzjonijiet. Sat-tieni nofs tas-seklu 13 inbnew palazz Rumanesk ta' żewġ sulari u bażilika Rumaneska-Gotika. Fis-seklu 14 inbena t-tieni insedjament 'il barra mill-fortifikazzjonijiet tal-kastell, u ż-żona tal-kastell b'hekk irdoppjat. Il-kastell ġie rikostruwit għalkollox fis-seklu 15; is-swar tal-kastell ġew mgħollija u nbena t-tielet insedjament 'il barra mill-fortifikazzjonijiet. Għall-ħabta tal-1470 żdiedet kappella Gotika wkoll. Il-familja Zápolya wettqet trasformazzjonijiet Gotiċi li permezz tagħhom il-parti ta' fuq tal-kastell saret residenza komda għall-familja, tipika tar-residenzi Rinaxximentali aħħarin tas-sekli 16 u 17.
L-aħħar sidien tal-Kastell ta' Spiš, il-familja Csáky, abbandunaw il-kastell fil-bidu tas-seklu 18 peress li kkunsidrawh bħala post mhux komdu biex tgħix fih. Huma minflok marru jgħixu fil-kastelli/palazzi l-ġodda li nbnew fil-villaġġ fil-qrib ta' Hodkovce ħdejn Žehra u Spišský Hrhov.
Fl-1780, il-kastell inqered bin-nirien. Il-kawża tan-nirien mhijiex magħrufa, iżda hemm xi teoriji kif dan seta' ġara. Waħda minnhom hi li l-familja Csáky qabbdet in-nar apposta biex tnaqqax it-taxxi addizzjonali li dak iż-żmien kienu japplikaw għall-binjiet imsaqqfa. Teorija oħra hi li l-kastell intlaqat minn xi sajjetta, u ħa n-nar. It-tielet teorija hi li xi suldati fil-kastell kienu qed jipproduċu xarba alkoħolika u bi żball il-kastell ħa n-nar. Kienet x'kienet il-verità, wara n-nirien, il-kastell ma baqax okkupat iktar u ġie mitluq.
Il-kastell ġie parzjalment rikostruwit fit-tieni nofs tas-seklu 20, u saret riċerka arkeoloġika estensiva fuq is-sit. Is-sezzjonijiet rikostruwiti jospitaw il-wirjiet tal-Mużew ta' Spiš, li huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-kastell, kif ukoll artefatti bħal apparati tat-tortura li qabel kienu jintużaw fil-kastell.[2]
Il-Kastell ta' Spiš huwa parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bit-titlu "Levoča, il-Kastell ta' Spiš u l-monumenti kulturali assoċjati" li ġie ddeżinjat fl-1993.[3] Inizjalment is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO kien jinkludi biss il-Kastell ta' Spiš iżda mbagħad ġie estiż fl-2009 biex jinkludi l-komponenti l-oħra inkluż il-Kunvent ta' Spiš.[3]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju tal-għażla wieħed tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[3]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.