From Wikipedia, the free encyclopedia
Ricardo Izecson dos Santos Leite (Gama, 22 ta' April 1982), magħruf aħjar bħala Kaká jew Ricky Kaká, huwa eks-plejer tal-futbol Brażiljan. Fl-2007 hu rċieva l-unuri prestiġjużi tal-Ballun tad-Deheb u l-Plejer tas-Sena tal-FIFA, u fl-2008 ġie msemmi fost il-100 persuna l-aktar influwenti fid-dinja, fit-Time 100.[1] Sa Frar tal-2009, flimkien mal-plejer ta' Inter Zlatan Ibrahimović, Kaká huwa l-aktar plejer imħallas fid-dinja tal-futbol.[2]
Informazzjoni personali | |||
---|---|---|---|
Isem sħiħ | Ricardo Izecson dos Santos Leite | ||
Twelid | 22 ta' April 1982 Gama, Brażil | ||
Tul | 1.83 m | ||
Rwol | Midfilder offensiv | ||
Mixtliet | |||
1990–2000 | São Paulo | ||
Karriera professjonali | |||
Snin | Klabb | ||
1999–2003 | São Paulo | ||
2003–2009 | Milan | ||
2009–2013 | Real Madrid | ||
2013–2014 | Milan | ||
2014–2017 | Orlando City | ||
2014 | → São Paulo (self) | ||
Tim nazzjonali | |||
2002–2016 | Brażil |
Kaká twieled minn Simone Cristina dos Santos Leite u Bosco Izecson Pereira Leite. Ħuh iż-żgħir, Rodrigo (magħruf aħjar bħala Digão), hu wkoll plejer professjonali. Fl-età ta' seba snin, il-familja ttrasferixxiet lejn São Paulo. L-iskola daħħlet lil Kaká fi klabb ġovanili lokali bl-isem ta' "Alphaville", li kkwalifika għall-finali tat-turnew lokali.[3] Hemmhekk hu kien ġie skopert minn São Paulo li offrielu kuntratt.[4]
Fl-età ta' tmintax-il sena, Kaká sofra inċident li seta' hedded bil-kbir il-karriera tiegħu u l-possibilità ta' paralisi għal ħajtu meta ħabat rasu mal-qiegħ ta' pixxina u kisser il-vertebra ta' għonqu, però irnexxielu jirkupra. Minn dakinhar 'il quddiem, kull darba li jiskorja xi gowl, hu jiftakar f'dan il-mument billi jerfgħa idu u għajnejh lejn is-sema bħala ringrazzjament lil Alla ta' dak li għamel miegħu.
Kaká beda l-karriera tiegħu ma' São Paulo meta kellu tmien snin. Hu ffirma kuntratt meta kellu ħmistax-il sena, u mexxa lit-tim ġovanili għat-trijonf fil-Copa de Juvenil. Id-debutt ta' Kaká mat-tim tal-kbar wasal f'Jannar 2001 u skorja 12-il gowl f'27 apparenza, fejn mexxa wkoll lil São Paulo għall-ewwel u l-unika Torneio Rio-São Paulo. Huwa skorja 10 gowls fi 22 partita fl-istaġun segwenti, u grazzi għall-prestazzjonijiet tajbin tiegħu, hu kien qed jattira diversi klabbs mill-Ewropa. Kaká għamel total ta' 75 apparenza (fil-kompetizzjonijiet kollha) għall-klabb Brażiljan, fejn skorja 30 darba.
AC Milan, li kienu għadhom friski mir-rebħ taċ-Champions League 2003, xtrawh għal somma ta' $8.5 miljun, somma li kienet ġiet deskritta mill-propjetarju tal-klabb, Silvio Berlusconi, bħala "waħda taċ-ċajt" għal talent bħal tiegħu. Madwar xahar wara, hu żblokka mal-ewwel tim, u d-debutt tiegħu fis-Serie A wasal fir-rebħa ta' 2–0 fuq Ancona, waqt li l-ewwel gowl tiegħu wasal fid-derby ta' Milan kontra Inter fejn issiġilla r-rebħa ta' 2–0 kontra l-arċirivali. Hu skorja għaxar gowls fi tletin apparenza dak l-istaġun, hekk kif Milan rebħu l-iscudetto u s-Supertazza Ewropea.
Fl-istaġun 2004–05, Kaká kien parti mill-ħames plejers ċentrali, waqt li ħafna drabi kien jilgħab taħt l-attakkant Andriy Shevchenko. Hu skorja seba' gowls f'36 partita domestika hekk kif Milan spiċċaw it-tieni post fil-kampjonat. Minkejja li l-klabb minn Milan tilef il-finali tal-UEFA Champions League 2004–05 kontra l-Liverpool wara l-għoti tal-penalties, hu xorta waħda kien ġie vvutat bħala l-aqwa midfilder tat-turnew.
L-istaġun 2005–06 ra lil Kaká jiskorja l-ewwel tripletta personali kemm fil-kompetizzjoni domestika kif ukoll fl-Ewropa. Fid-9 ta' April 2006, huwa skorja tripletta kontra Chievo Verona fejn kollha ġew fit-tieni taqsima. Seba' xhur wara, huwa skorja tripletta oħra din id-darba kontra RSC Anderlecht fir-rebħa ta' 4–1 tar-"Rossoneri". Id-dinja tal-futbol bdiet tagħraf aktar il-kobor ta' din l-istilla emerġenti.
It-tluq ta' Shevhenko għal ma' Chelsea FC fil-bidu tal-istaġun 2006–07, tat lil Kaká biex isir il-punt fokali tal-offiża ta' Milan hekk kif hu alterna bejn il-pożizzjoni ta' nofs il-grawnd u ta' attakkant. Hu spiċċa bħala l-aqwa skorer tal-kampanja 2006–07 taċ-Champions League b'għaxar gowls. Wieħed minnhom għen lir-Rossoneri jegħlbu lil Celtic FC fil-kwarti tal-finali bi skor aggregat ta' 1–0, u tlieta oħra kienu fatali għal Manchester United fis-semifinali minkejja li t-tim Taljan tilef l-ewwel leg. Wara r-riżultat konvinċenti ta' 3–0 fit-tieni leg f'San Siro fit-2 ta' Mejju li elimina liċ-ċampjins Ingliżi, il-kowċ ta' Manchester United Sir Alex Ferguson iddikjara li Kaká kien wieħed mill-aqwa żewġ plejers fid-dinja, flimkien ma' Cristiano Ronaldo.
Kaká żied it-trijonf taċ-Champions League 2006–07 meta l-Milan rebħu lil-Liverpool 2–1 f'Ateni fit-23 ta' Mejju 2007. Minkejja li ma sabx ix-xibka, kien hu li rebaħ il-free-kick li minnu skorja Filippo Inzaghi, u pprovda wkoll il-passaġġ għat-tieni gowl, skurjat mill-istess Inzaghi. F'Ġunju tal-2007] il-pubblikazzjoni Ġermaniża "Kicker" semmietu bħala l-aqwa plejer fid-dinja, bi Cristiano Ronaldo u Ronaldinho jispiċċaw fit-tieni u fit-tielet post rispettivament. Fit-30 ta' Awwissu, Kaká ġie magħżul mill-UEFA bħala kemm l-aqwa attakant tal-istaġun 2006–07 taċ-Champions League kif ukoll bħala l-Plejer tas-Sena.[5]
Huwa lagħab il-200 logħba fil-karriera tiegħu mal-Milan fil-pari ta' 1–1 kontra Calcio Catania fit-30 ta' Settembru 2007, u fil-5 ta' Ottubru hu ġie msemmi bħala l-Aqwa Plejer tas-Sena mill-FIFPro. Fit-2 ta' Diċembru 2007, Kaká ġie mħabbar bħala l-Plejer Ewropew tas-Sena, fejn sar it-tmien Milanist fl-istorja li rebaħ dan l-unur. Huwa spiċċa fl-ewwel post b'vantaġġ kbir fuq it-tieni klassifikat, Cristiano Ronaldo.[6] Fid-29 ta' Frar 2008, hu aċċetta li jestendi l-kuntratt biex b'hekk hu se jibqa' mal-klabb sas-sena 2013.[7]
Minħabba l-kontribuzzjonijiet tiegħu kemm ġewwa u barra l-grawnd, il-magażin Time nhar it-2 ta' Mejju, semma lil Kaká fit-Time 100, li hi lista tal-100 persuna l-aktar influwenti minn madwar id-dinja.[8] Fl-14 ta' Ottubru 2008, qabel il-partita ta' kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2010 bejn il-Brażil u l-Veneżwela, Kaká ħalla l-marka ta' saqajh fil-Hall of Fame tal-Maracanã, fis-sezzjoni dedikata għall-memorja tal-aqwa plejers tal-pajjiż.[9]
Fit-13 ta' Jannar 2009, kien irrapurtat mill-BBC li Manchester City għamlu offerta lil Kaká ta' aktar minn £100 miljun. Id-direttur tal-Milan Umberto Gandini irrisponda għal din l-offerta billi bagħat, "L-unika ħaġa li nista' ngħid hi li l-offerta hi immensa u l-klabb qed jikkunsidraha," u żied li l-Milan kienu se jiddiskutu dan ir-rigward ġa ladarba Kaká u Manchester City jaqblu fuq termini personali.[10] Kaká inizzjalment irrisponda billi qal lill-ġurnalisti li hu xtaq "jixjieħ" f'Milan u joħlom li xi darba jkun kaptan tal-klabb, imma aktar tard qal, "Jekk [Milan] iridu jbiegħuni, jien lest li npoġġi bil-qiegħda u nitkellem. Jien nista' ngħid li sakemm il-klabb ma jridx ibiegħni, jien definittivament nibqa'."[11] Fid-19 ta' Jannar, Berlusconi ħabbar li City kienu uffiċjalment temmew in-negozjati, u li Kaká kien se jibqa' mal-Milan.[12] Il-partitarji tal-Milan kienu spiċċaw jipportestaw barra l-kwartieri ġenerali tal-klabb kmieni dak il-lejl, u bdew jitolbu lill-istess Kaká quddiem daru biex jibqa' mal-klabb. Ir-risposta ta' Kaká kienet li jsellmilhom billi jxejjer il-ġersi aħmar u iswed tal-Milan 'il barra mit-tieqa.[13]
Nhar it-3 ta' Ġunju, 2009, Football Italia ħabbar li l-president il-ġdid ta' Real Madrid Florentino Pérez kien għadu kif offra somma ₤68.5 miljun għal Kaká,[14] jumejn biss wara li l-plejer ingħaqad mat-tim nazzjonali għal-logħbiet internazzjonali.[15] Il-viċi-president tal-Milan, Adriano Galliani, irtira dan l-għajudt, u kkonferma li hu u missier Kaká, Bosco Leite, ivvjaġġaw lejn Spanja biex jiltaqgħu ma' Pérez.[16] Nhar l-4 ta' Ġunju, Galliani stqarr lil Gazzetta dello Sport li kienu l-motivi finanzjarji li wasslu għal taħdidiet ma' Pérez. "Ma nistgħux nħallu [lill-Milan] li nitilfu £70m [...] Ir-raġunijiet wara t-trasferiment ta' Kaká huma dawk ekonomiċi."[16]
Nhar it-Tnejn, 8 ta' Ġunju 2009, Kaká iffirma kuntratt mal-iSpanjoli ta' Real Madrid għal sitt snin, li jibda mill-istaġun 2009–10 għal somma li ddur madwar il-£65 miljun.[17] Din temmet saga kbira ta' spekulazzjoni kbira fuq il-futur ta' Kaka, b'Milan f'Jannar tal-2008 jirrifjutaw offerta ta' £100m minn Manchester City. Hu hu l-ewwel plejer li nxtara fir-ritorn mill-ġdid tal-president Florentino Pérez (li mexxa 'l-klabb Spanjol matul l-era famuża tal-Galácticos) u jimmarka wkoll l-ikbar somma ta' trasferiment qatt imħallsa għal plejer minn mindu sar it-trasferiment rekord ta' Zinedine Zidane ukoll mal-istess klabb fl-2001.[18]
Kaka rritorna ma' Milan fit-2 ta' Settembru 2013. Il-ġganti tas-Serie A ikkonfermaw li huma waslu għal ftehim mal-midfilder offensiv għal żmien ta' sentejn. Hu se jaqla €4 miljuni f'kull staġun ma' Milan.[19]
Kaká għamel id-debutt tiegħu mat-tim nazzjonali Brażiljan f'Jannar tal-2002 kontra l-Bolivja. Hu kien parti mill-iskwadra rebbieħa fit-Tazza tad-Dinja 2002, imma lagħab biss 19-il minuta fil-partita tal-ewwel rawnd kontra l-Kosta Rika. Matul il-finali kontra l-Ġermanja, il-kowċ Luis Felipe Scolair kien mistenni li jdaħħal lil Kaká bħala sostitut, imma dan ma seħħx minħabba li r-referi ma rahx ixejjer idejh biex jurih li se jagħmel sostituzzjoni oħra.
Fl-2003, Kaká kien il-kaptan tat-tim Brażiljan waqt il-kampjonat tal-Gold Cup fejn it-tim spiċċa finalista tellief b'Kaká jiskorja tliet gowls. Fid-29 ta' Ġunju 2005, huwa skorja fir-rebħa ta' 4–1 fuq l-Arġentina fil-finali tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet 2005 b'xutt b'saħħtu fir-rokna leminija tax-xibka. Kaká beda għall-ewwel darba mal-ewwel ħdax fit-Tazza tad-Dinja 2006, u skorja l-ewwel u l-uniku gowl fil-partita tal-ftuħ tal-Brażil kontra l-Kroazja. Il-Brażil spiċċaw barra mill-kompetizzjoni wara li tilfu 1–0 fil-kwarti tal-finali kontra l-finalisti telliefa ta' dik l-edizzjoni, Franza.
F'Ġunju tal-2007 hu bagħat ittra lill-Federazzjoni Brażiljana biex jistaqsi jekk setax ma jiġix magħżul mill-kowċ tas-selezzjoni Sud-Amerikana Dunga għall-Copa América 2007 li kellha ssir fil-Veneżwela. Il-ġustifikazzjoni tiegħu wara din ir-rikjesta kienet minħabba li kellu bżonn il-mistrieħ wara li f'dawk l-aħħar tliet staġuni kien kontinwament impenjat man-nazzjonal u mal-Milan. It-tim Brażiljan irnexxielu jirbaħ din il-kompetizzjoni. Hu reġa' rritorna mal-Brażil meta lagħab 70 minuta fil-pari ta' 1–1 kontra l-Ingilterra nhar l-1 ta' Ġunju, però 30 minuta biss fil-pari ta' mingħajr gowls kontra t-Turkija tal-5 ta' Ġunju.
Klabb | Staġun | Kampjonat | Tazza | Kontinentali1 | Oħrajn2 | Total | ||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Preż | Gowls | Assisti | Preż | Gowls | Assisti | Preż | Gowls | Assisti | Preż | Gowls | Assisti | Preż | Gowls | Assisti | ||
São Paulo | 2001 | 27 | 12 | — | 7 | 1 | — | 5 | 0 | — | 16 | 4 | — | 55 | 17 | — |
2002 | 22 | 9 | — | 9 | 6 | — | — | 17 | 8 | — | 48 | 23 | — | |||
2003 | 10 | 2 | — | 5 | 0 | — | — | 7 | 5 | — | 22 | 7 | — | |||
Total | 59 | 23 | — | 21 | 7 | — | 5 | 0 | — | 40 | 17 | — | 125 | 47 | — | |
Milan | 2003–04 | 30 | 10 | 4 | 4 | 0 | 0 | 10 | 4 | 1 | 1 | 0 | 0 | 44 | 14 | 5 |
2004–05 | 36 | 7 | 5 | 1 | 0 | 0 | 13 | 2 | 4 | 1 | 0 | 0 | 51 | 9 | 7 | |
2005–06 | 35 | 14 | 3 | 2 | 0 | 0 | 12 | 5 | 1 | — | 49 | 19 | 5 | |||
2006–07 | 31 | 8 | 6 | 2 | 0 | 0 | 15 | 10 | 5 | — | 48 | 18 | 9 | |||
2007–08 | 30 | 15 | 10 | 0 | 0 | 0 | 9 | 3 | 2 | 3 | 2 | 0 | 41 | 19 | 12 | |
2008–09 | 31 | 16 | 9 | 1 | 0 | 1 | 4 | 0 | 2 | — | 36 | 16 | 10 | |||
Total | 193 | 70 | 37 | 10 | 0 | 1 | 63 | 24 | 15 | 5 | 2 | 0 | 270 | 95 | 46 | |
Real Madrid | 2009–10 | 25 | 8 | 6 | 1 | 0 | 0 | 7 | 1 | 2 | — | 33 | 9 | 8 | ||
2010–11 | 14 | 7 | 5 | 3 | 0 | 0 | 3 | 0 | 1 | — | 20 | 7 | 6 | |||
2011–12 | 27 | 5 | 9 | 4 | 0 | 0 | 8 | 3 | 5 | 1 | 0 | 0 | 40 | 8 | 14 | |
2012–13 | 19 | 3 | 3 | 2 | 1 | 0 | 6 | 1 | 1 | 0 | 0 | 0 | 27 | 5 | 4 | |
Total | 85 | 23 | 23 | 10 | 1 | 0 | 24 | 5 | 10 | 1 | 0 | 0 | 120 | 29 | 32 | |
Milan | 2013–14 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | — | 0 | 0 | 0 | ||
Total | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | |
Total tal-karriera | 337 | 116 | 59 | 41 | 8 | 1 | 91 | 29 | 24 | 46 | 19 | 0 | 515 | 171 | 80 |
Korretta sat-2 ta' Settembru 2013[20]
Nhar it-23 ta' Diċembru 2005, f'São Paulo, quddiem 600 invitata fil-knisja evanġelika Renascer em Cristo, Kaká iżżewweġ Caroline Celico, wara tliet snin ta' għerusija.[21] Il-koppja kellha l-ewwel tifel tagħha, Luca Celico Leite, li twieled fil-lejl bejn id-9 u l-10 ta' Ġunju 2008.[22]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.