belt antika li llum il-fdalijiet tagħha jinstabu f'Sevastopol, il-Krimea From Wikipedia, the free encyclopedia
Chersonesus Tawrika (bil-Grieg Antik: Χερσόνησος, b'ittri Rumani: Khersónēsos; bil-Latin: Chersonesus; bir-Russu u bl-Ukren modern: Херсоне́с, Khersones; miktuba wkoll bħala Chersonese, Chersonesos; bil-Grieg Medjevali mqassra għal Cherson (Χερσών; bis-Slaviku Antik tal-Lvant: Корсунь, Korsun)) hija kolonja Griega antika li ġiet stabbilita madwar 2,500 sena ilu fil-parti tal-Lbiċ tal-Peniżola tal-Krimea. Insedjaturi mill-Heraclea Pontica f'Bitnija stabbilew il-kolonja fis-seklu 6 Q.K.
Il-belt antika tinsab tul il-kosta tal-Baħar l-Iswed fil-periferiji tal-belt attwali ta' Sevastopol fil-Peniżola tal-Krimea, fejn kienet issir referenza għaliha bħala Khersones. Is-sit huwa parti mir-Riżerva Nazzjonali tal-Chersonesus Tawrika. L-isem Chersonesus bil-Grieg ifisser "peniżola" u jiddeskrivi perfettament is-sit fejn ġiet stabbilita l-kolonja. Xi kultant, it-terminu Chersonesus Tawrika jintuża b'mod usa' u jirreferi għan-Nofsinhar kollu tal-Krimea.
Matul il-biċċa l-kbira tal-perjodu klassiku, Chersonesus Tawrika kienet demokrazija mmexxija minn grupp ta' Arkoni eletti u minn kunsill imsejjaħ id-Demiurgoj. Maż-żmien, il-gvern sar iktar oligarkiku, u l-poter kien ikkonċentrat f'idejn l-Arkoni.[1] Forma ta' ġurament li kienu jieħdu ċ-ċittadini kollha mis-seklu 3 Q.K. 'il quddiem għadha teżisti sal-preżent.[2][3] Fl-2013 is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4]
Wara li l-belt antika ddefendiet ruħha mir-Renju Bosporan, u x-Xiti u t-Tawri nativi, u saħansitra estendiet il-poter tagħha sal-kosta tal-Punent tal-peniżola, kienet obbligata ssejjaħ għall-għajnuna ta' Mithradates VI u tal-ġeneral tiegħu Diophantus, għall-ħabta tal-110 Q.K., iżda xorta waħda kellha ċċedi quddiem ir-Renju Bosporan. Kienet soġġetta għal Ruma u rċeviet gwarniġjon minn nofs is-seklu 1 Q.K. sas-snin 70 tat-300 W.K., meta nħakmet mal-Unni.[1]
Il-belt antika saret parti mis-sjieda Biżantina matul il-Medju Evu Bikri u rreżistiet assedju tal-Göktürk fil-581. Il-ħakma Biżantina kellha għomor qasir: kien hemm gwarniġjon imperjali żgħir iktar għall-protezzjoni tal-belt milli għall-kontroll tal-belt u eżerċita tip ta' awtogovernanza. Il-belt antika kienet utli għal Biżanzju b'żewġ modi: kienet punt ta' osservazzjoni għall-għassa kontra t-tribujiet Barbari, u l-iżolament tagħha wassal biex tkun post popolari għall-eżilju ta' dawk li kkawżaw il-korla tal-gvernijiet Rumani u Biżantini.[1] Fost l-eżiljati l-iktar famużi tagħha kien hemm il-Papa Klement I u l-Papa Martin I, u l-Imperatur Biżantin depost Ġustinjanu II.[1]
Skont Teofanu l-Konfessur u oħrajn, Chersonesus kienet ir-residenza ta' gvernatur Khazar (tudun) fl-aħħar tas-seklu 7. Bejn wieħed u ieħor bejn is-705 u t-840, il-ħwejjeġ tal-belt kienu ġestiti minn uffiċjali eletti msejħa babaghuq, jiġifieri "missirijiet tal-belt".[5]
Fit-833, l-Imperatur Teofilu bagħat lin-nobbli Petronas Kamateros, li ftit qabel kien għadu kemm issorvelja l-kostruzzjoni tal-fortizza Khazar ta' Sarkel, biex jieħu l-kontroll dirett fuq il-belt u l-madwar tagħha, u jistabbilixxi t-tema ta' Klimata/Cherson. Il-belt l-antika baqgħet f'idejn Biżantini sas-snin 80 tad-900, meta jingħad li nħakmet minn Kiev. Vladimir il-Kbir qabel li jevakwa l-fortizza biss jekk oħt Basil II, Anna Porphyrogeneta, tingħatalu għaż-żwieġ. It-talba kkawżat skandlu f'Kostantinopli. Bħala prekundizzjoni għaż-żwieġ irranġat, Vladimir tgħammed hemmhekk fid-988, u b'hekk witta t-triq għall-Magħmudija tar-Rus ta' Kiev u Korsun ġiet evakwata.
Peress li din il-kampanja ma ġietx iddokumentata fis-sorsi Griegi, l-istoriċi ssuġġerew li l-ġrajja fil-fatt tirreferi għall-avvenimenti tal-Gwerra bejn ir-Rus u l-Biżantini tal-1043 u għal Vladimir ieħor. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira tal-oġġetti prezzjużi misruqa mill-Islavi f'Korsun spiċċaw f'Novgorod (x'aktarx permezz ta' Ġwakkin ta' Korsun, l-ewwel isqof ta' Novgorod), fejn ġew ippreservati fil-Katidral tal-Għerf Imqaddes sas-seklu 20. Wieħed mill-iżjed oġġetti interessanti minn dan it-"Teżor ta' Korsun" huwa l-Bieb tar-ram ta' Korsun, li allegatament ittieħdet miċ-ċittadini ta' Novgorod f'Korsun, u li issa jagħmel parti mill-Katidral ta' Santa Sofijata' Kiev.
Wara r-Raba' Kruċjata (1202-1204), Chersonesus saret dipendenti fuq l-Imperu Biżantin ta' Trebizond bħala l-Prinċipat ta' Teodoru. Wara l-Assedju ta' Trebizond fl-1461, il-Prinċipat ta' Teodoru sar indipendenti. Il-belt sfat taħt il-kontroll ta' Genova fil-bidu tas-seklu 13, li pprojbixxiet lill-Griegi milli jwettqu l-kummerċ hemmhekk.[1] Fl-1299, il-belt insterqet mill-armati Mongoli ta' Nogai Khan. Sorsi Biżantini jsemmu lil Chersonesus għall-aħħar darba fl-1396, u abbażi tal-evidenza arkeoloġika jingħad li s-sit kien ġie abbandunat fid-deċennji ta' wara.
Chersonesus kienet ila sede episkopali Rumana ta' qabel ix-Xiżma l-Kbira, u iktar 'il quddiem Griega/Ortodossa, għal sekli sħaħ, u f'qasir żmien ġiet elevata għal arċiveskovat, kif imsemmi fin-Notitiae Episcopatuum; imbagħad, wara l-ħakma tat-Torok fl-1475 u l-qerda tal-belt għebet.[6]
Fl-aħħar tas-seklu 19, il-Katidral grandjuż Ortodoss Russu ta' San Vladimir (li tlesta fl-1892) inbena fuq għolja żgħira 'l fuq mis-sit; ġie ddisinjat bi stil Biżantin, u kien maħsub biex ifakkar is-sit tal-magħmudija ta' Vladimir.
Fl-1333, ġiet stabbilita djoċesi tal-Knisja Latina ta' Chersonesus, iżda milli jidher kellha isqof wieħed biss, Dumnikan imsejjaħ Richard l-Ingliż.[7][8][9]
Peress li ma għadhiex djoċesi residenzjali, Chersonesus Tawrika (jew f'Zechia) illum il-ġurnata hija elenkata bħala Knisja Kattolika u veskovat titulari, mill-bidu tas-seklu 20. Oriġinarjament kienet tissejjaħ Cherson(a) jew Chersonesos, u mill-1933 bdiet tissejjaħ speċifikament Chersonesus f'Zechia jew Tawrika, biex tiġi evidata l-konfużjoni ma' sedi oħra msejħa Chersonesus (l-iktar fi Kreta) billi jiġi speċifikat li hija tal-Krimea.[10]
Ilha battala għal deċennji, wara li kienet is-sede tal-isqfijiet li ġejjin, ilkoll ta' grad (arċiveskovali) intermedjarju:
Il-fdalijiet tal-belt antika ta' Chersonesus Tawrika attwalment jinsabu f'wieħed mis-subborgi ta' Sevastopol. Ġew skavati mill-gvern Russu mill-bidu tal-1827. Attwalment huma attrazzjoni turistika popolari u huma protetti bħala park arkeoloġiku. Il-binjiet fihom taħlita ta' influwenzi tal-kulturi Griegi, Rumani u Biżantini. Il-ħajt difensiv bejn wieħed u ieħor kien twil 3.5 kilometri, kien wiesa' 3.5 sa 4 metri u għoli bejn 8 sa 10 metri u kellu torrijiet għoljin 10 metri sa 12-il metru. Il-ħitan kienu jħaddnu żona ta' madwar 30 ettaru. Fost il-binjiet tas-sit hemm anfiteatru Ruman u tempju Grieg. Il-fatt li s-sit ma reġax ġie abitat mis-seklu 14 iwassal biex is-sit jitqies bħala rappreżentazzjoni importanti tal-ħajja Biżantina.
L-art tal-madwar taħt il-kontroll tal-belt, magħrufa bħala l-chora, tikkonsisti minn diversi kilometri kwadri ta' raba' antik li issa baqa' mhux maħdum, bi fdalijiet ta' tagħmir tat-tgħasir u torrijiet difensivi. Skont l-arkeologi, l-evidenza tissuġġerixxi li n-nies lokali kienu jitħallsu biex jagħmlu xogħol agrikolu flok jitqiesu għall-jasar.
Il-lapidi tal-oqbra li ġew skavati jagħtu ħjiel ta' prattiki funebri li kienu differenti minn dawk Griegi. Kull ġebla timmarka l-qabar ta' individwu, minflok tal-familja kollha, u t-tiżjin jinkludi oġġetti biss bħal żbandoli u armi, minflok statwi funebri. Iktar minn nofs l-oqbra li sabu l-arkeologi kien fihom l-għadam ta' tfal. Fdalijiet maħruqa jissuġġerixxu li l-belt kienet insterqet u mbagħad inqerdet.
Fl-2007, Chersonesus Tawrika ġie ras imb ras għall-ħames post fl-istħarriġ dwar is-Seba Għeġubijiet tal-Ukrajna.
Fit-13 ta' Frar 2009, il-Ministru għad-Difiża Ukren Yuriy Yekhanurov appella lill-flotta navali tar-Russja fil-Baħar l-Iswed biex iċaqilqu l-kwartieri mobbli tiegħu mis-sit għal post ieħor. Il-post fejn kienet tinsab il-flotta navali Russa fil-Baħar l-Iswed kien wieħed mill-ostakli biex is-sit jitniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[11]
Fl-2017, l-arkeologi skoprew fil-periferiji ta' Sevastopol, frammenti ta' artal Grieg antik b'figuri ta' allat.[12]
Fl-2022, ir-riċerkaturi analizzaw fdalijiet ta' skeletri umani minn nekropoli fil-parti tat-Tramuntana ta' Chersonesus, li jmorru lura għall-iżjed perjodu bikri tal-kolonja (bejn is-seklu 5 u s-seklu 4 Q.K.). Il-biċċa l-kbira tal-individwi deċeduti kienu ppożizzjonati f'pożizzjoni funebri mgħawġa b'riġlejhom mgħawġin sa sidirhom, filwaqt li għadd iżgħar indifnu b'pożizzjoni dritta fuq daharhom. Ir-riċerkaturi sabu li l-biċċa l-kbira tal-individwi kienu ġenetikament simili għal xulxin, kienet x'kienet il-pożizzjoni funebri tagħhom. Dan ir-riżultat jisfida l-opinjoni mifruxa li l-pożizzjoni funebri fir-reġjun tat-Tramuntana tal-Baħar l-Iswed kienet iddeterminata mill-antenati tad-deċedut, filwaqt li d-difniet b'pożizzjoni funebri mgħawġa kienu drawwa tat-Tawriċi lokali, u d-difniet b'pożizzjoni funebri dritta kienu drawwa tal-kolonjalisti Griegi.[13]
Il-bażilika tal-1935 hija l-iżjed bażilika famuża li ġiet skavata f'Chersonesus. L-isem oriġinali mhuwiex magħruf, għaldaqstant is-sena 1935 tirreferi għas-sena tal-ftuħ tagħha. Il-bażilika x'aktarx inbniet fis-seklu 6 fuq is-sit ta' tempju iktar bikri, li l-istoriċi ssoponew li kienet sinagoga, li minnha nnifisha ssostitwiet tempju żgħir li jmur lura għaż-żmien bikri tal-Kristjaneżmu. Il-bażilika tal-1935 sikwit tintuża bħala immaġni li tirrappreżenta s-sit ta' Chersonesus. Din l-immaġni tidher ukoll fuq karta tal-flus tal-Ukrajna.
Flimkien mas-siti arkeoloġiċi, il-mużew għandu madwar 200,000 oġġett iżgħar mis-seklu 5 sas-seklu 15, u iktar minn 5,000 oġġett minnhom qegħdin għall-wiri. Dawn jinkludu:[14]
L-Istitut tal-Arkeoloġija Klassika tal-Università ta' Texas f'Austin u l-Park Arkeoloġiku lokali investigaw is-sit mill-1992. Il-gvern Ukren inkluda s-sit bħala Sit Indikattiv u eventwalment is-sit tniżżel fil-lista tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4]
Il-Belt Antika ta' Chersonesus Tawrika u l-Chora tagħha ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2013.[4] Is-sit huwa magħmul minn seba' komponenti fi ħdan il-belt ta' Chersonesus Tawrika u sitt irqajja' ta' art agrikola.[4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[4] L-UNESCO tqis li dawn iż-żoni joħorġu fid-dieher l-istil tal-ħajja kulturali u l-użu tal-art tal-popolazzjonijiet tal-qedem li kienu jgħixu f'dawn l-inħawi.[16]
L-iżvilupp ta' bini modern dejjem joqrob lejn is-sit arkeoloġiku antik, flimkien man-nuqqas ta' finanzjament biex dawn il-pressjonijiet tal-iżvilupp jingħelbu, wasslu biex is-sit ta' Chersonesus jitqies li qiegħed f'riskju.[17]
F'rapport ta' Ottubru 2010 imsejjaħ Saving Our Vanishing Heritage (Insalvaw il-Wirt Tagħna li qed Jisparixxi) tal-Fond għall-Wirt Globali identifika lil Chersonesus bħala wieħed minn 12-il sit fid-dinja li jinsab f'xifer l-irdum ta' telf u qerda irreparabbli, u l-kawżi primarji li ġew ikkwotati kienu n-nuqqas ta' biżżejjed ġestjoni u l-pressjonijiet tal-iżvilupp.
Matul il-kriżi tal-Krimea tal-2014, il-Peniżola tal-Krimea ġiet annessa mir-Russja, iżda l-UNESCO baqgħet issostni li se tibqa' tirrikonoxxi lill-Krimea u lis-Siti ta' Wirt Dinji tagħha bħala tal-Ukrajna.[18]
Fid-29 ta' Lulju 2015, il-Gvernatur ta' Sevastopol Sergei Menyailo (Сергей Меняйло), wara li keċċa lid-direttur tar-Riżerva ta' Chersonesus Andrey Kulagin (Андрей Кулагин), ħatar lil qassis, Sergiy Khalyuta (Сергий Халюта) fil-kariga. Din il-mossa kkawżat protesti jaħarqu mill-persunal, u l-109 membru għalenija rrifjutaw li jaħdmu taħt id-direttur il-ġdid. Il-kunflitt ġibed l-attenzjoni sinifikanti tal-mezzi tax-xandir. Il-ħaddiema saħqu li l-kunflitt tal-gvernatur u tad-direttur tar-Riżerva beda fil-11 ta' Lulju, meta d-direttur ilmenta dwar ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni ta' triq fit-territorju tar-Riżerva, approvati mill-Gvernatur mingħajr il-permessi meħtieġa għal xogħlijiet ta' dak it-tip f'żoni protetti. Eventwalment, taħt pressjoni, il-qassis Sergiy irreżenja mill-kariga.[19]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.