belt fil-Provinċja ta’ Bukhara fl-Użbekistan From Wikipedia, the free encyclopedia
Bukhara (bil-Persjan: بخارا; bl-Użbek: Buxoro/Бухоро; bit-Taġik: Бухоро, [buxɔːˈɾɔː]) hija l-ħames l-ikbar belt fl-Użbekistan[1], u hija l-belt kapitali tar-Reġjun ta’ Bukhara.
Bukhara | |
---|---|
Użbekistan | |
Amministrazzjoni | |
Stat sovran | Użbekistan |
Reġjun tal-Użbekistan | Bukhara Region (en) |
Isem uffiċjali | Buxoro |
Ismijiet oriġinali | Buxoro |
Kodiċi postali |
2001ХХ |
Ġeografija | |
Koordinati | 39.7747°N 64.4286°E |
Superfiċjenti | 39.4 kilometru kwadru |
Għoli | 225 m |
Demografija | |
Popolazzjoni | 280,187 abitanti (1 Jannar 2020) |
Informazzjoni oħra | |
Żona tal-Ħin | UTC+5 |
bliet ġemellati | Lahore, Santa Fe, Rueil-Malmaison (en) , Bonn, Córdoba, Malatya (en) , Nishapur, Samarkanda, Khujand, İzmiru Vladimir (en) |
bukhara.uz |
Ir-reġjun madwar Bukhara ilu abitat għal mill-inqas ħames millenji, u l-belt ilha teżisti għal nofs dak iż-żmien. Il-belt tinsab tul it-Triq tal-Ħarir, u ilha sservi bħala ċentru għall-kummerċ, għall-istudju, għall-kultura u għar-reliġjon. Ilsien twelid il-maġġoranza tan-nies f’Bukhara huwa t-Taġik, djalett tal-lingwa Persjana[2], għalkemm l-Użbek huwa mitkellem bħala t-tieni lingwa mill-biċċa l-kbira tar-residenti. Bukhara kienet il-belt kapitali tal-Imperu Samanida, tal-Kanat ta’ Bukhara, u tal-Emirat ta’ Bukhara, u kienet il-belt fejn twieled Imam Bukhari.[3] Bukhara kienet magħrufa wkoll bħala “Bukhara n-Nobbli” (Bukhārā-ye sharīf). Il-belt fiha xi 140 monument arkitettoniku, tant li l-UNESCO niżżlet iċ-ċentru storiku ta’ Bukhara (li fih bosta moskej u madrasi) fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji.[4]
L-isem preċiż tal-belt ta’ Bukhara fil-qedem mhux magħruf. L-oażi kollha ilha tissejjaħ Bukhara minn żmien żemżem u x’aktarx li għall-ħabta tas-seklu 10 dan l-isem ġie ttrasferit ukoll għall-belt.[5]
Hemm diversi verżjonijiet tal-oriġini ta’ isem il-belt. Skont għadd ta’ studjużi, abbażi tat-tagħrif ta’ Juwaini, l-isem imur lura għat-terminu “Vihara” bis-Sanskritu, jiġifieri “monasteru Buddista”. It-terminu huwa qrib ħafna tat-terminu bil-lingwa tal-Buddisti Uyghur u Ċiniżi, li kienu jsemmu l-postijiet ta’ qima tagħhom bl-istess mod. Madankollu, l-ebda artefatt relatat mal-Buddiżmu u mal-Manikeiżmu ma nstab fil-belt u fl-oażi.
Skont l-enċiklopedija Iranica, l-isem “Bukhara” x’aktarx li ġej mis-Sogdjan βuxārak (“Post ta’ Xorti Tajba”).[6]
Fid-dinastija Tang, u dinastiji suċċessivi oħra taċ-Ċina Imperjali, Bukhara kienet magħrufa bl-isem ta’ Buhe/Puhe(捕喝), li ġie sostitwit biċ-Ċiniż bil-fonema ġenerika moderna spelluta bħala Bùhālā (布哈拉).[7]
Fis-sekli 19 u 20 Bukhara kienet magħrufa bħala Bokhara fil-pubblikazzjonijiet bl-Ingliż, kif jidher pereżempju fil-kitbiet u fir-rapporti dwar l-Emirat ta’ Bukhara matul il-Logħba l-Kbira.
Muhammad ibn Jafar Narshakhi fl-Istorja ta’ Bukhara (ikkompletata fid-943-944 W.K.) jikteb:
Bukhara għanda ħafna ismijiet. Wieħed mill-ismijiet tagħha kien Numijkat. Kienet tissejjaħ ukoll "Bumiskat". Għandha żewġ ismijiet bl-Għarbi. Wieħed huwa "Madinat al Sufriya" li tfisser—"il-belt tar-ram" u l-ieħor huwa "Madinat Al Tujjar" li tfisser—"il-belt tal-merkanti". Iżda, l-isem ta’ Bukhara huwa iktar magħruf mill-ismijiet l-oħra. F’Khorasan, ma hemm l-ebda belt oħra b’daqstant ismijiet.[8]
Fi żmien il-Medju Evu, il-belt kienet magħrufa bħala Buḫārā / بخارا f’sorsi bl-Għarbi u bil-Persjan. Bl-Użbek modern, isem il-belt jiġi spellut bħala Buxoro.
Isem il-belt ġie mitoloġizzat bħala Albracca fil-poeżija epika bit-Taljan Orlando Innamorato ppubblikata fl-1483 minn Matteo Maria Boiardo.[9]
L-istorja ta’ Bukhara tmur lura għal bosta millenji. Fi żmien il-Medju Evu, Bukhara kienet il-kapitali tal-Imperu Samanida u tal-Kanat ta’ Bukhara, u fiha twieled Imam Bukhari.
Fil-bidu tas-seklu 11, Bukhara saret parti mill-istat Tork tal-Karakanidi. Il-mexxejja tal-Karakanidi bnew ħafna binjiet f’Bukhara: il-minaret ta’ Kalyan, il-moskea ta’ Magoki Attori, palazzi u ġonna.[10]
Bukhara tinsab fil-Punent ta’ Samarkanda u qabel kienet ċentru importanti tat-tagħlim fid-dinja Iżlamika kollha. Fiha kien jgħix ix-Xejikk Naqshbandi, li kien figura importanti għall-avvanz tal-mod Sufista misterjuż ta’ kif jiġu indirizzati t-teorija, ir-reliġjon u l-Iżlam.[11]
Il-belt attwalment hija l-kapitali tar-Reġjun ta’ Bukhara fl-Użbekistan. Il-belt tinsab tul it-Triq tal-Ħarir u b’hekk kienet ċentru kummerċjali, ta' studju, kulturali u reliġjuż importanti ħafna. Matul l-era tad-deheb tas-Samanidi, Bukhara saret ċentru intellettwali maġġuri tad-dinja Iżlamika.[12]
L-Imperu Samanida ħataf lil Bukhara, il-kapitali tat-territorju l-kbir ta’ Khorasan, fid-903 W.K.[13] Genghis Khan assedja lil Bukhara għal ħmistax-il jum fl-1220.[14][15] Bħala ċentru kummerċjali importanti, Bukhara kienet tħaddan fiha komunità ta’ merkanti Indjani Medjevali mill-belt ta’ Multan (attwalment il-Pakistan) li kien magħruf li kienu s-sidien ta’ diversi artijiet fil-belt.[16]
Bukhara kienet l-aħħar kapitali tal-Emirat ta’ Bukhara u ġiet assedjata mill-Armata l-Ħamra matul il-Gwerra Ċivili Russa. Matul l-operazzjoni f’Bukhara tal-1920, it-truppi tal-Armata Ħamra taħt il-kmand tal-Ġeneral tal-Bolxeviki Mikhail Frunze attakka l-belt ta’ Bukhara. Fil-31 ta’ Awwissu 1920, l-Emir Alim Khan ħarab lejn Dushanbe fil-Lvant ta’ Bukhara (iktar ’il quddiem ħarab minn Dushanbe lejn Kabul fl-Afganistan). Fit-2 ta’ Settembru 1920, wara erbat ijiem ta’ ġlied, iċ-ċittadella tal-Emir (magħrufa bħala l-Ark) ġiet meqruda, u fuq il-quċċata tal-Minaret ta’ Kalyan ġiet olzata l-bandiera ħamra. Fl-14 ta’ Settembru 1920 ġie stabbilit il-Kumitat Rivoluzjonarju ta’ Bukhara, immexxi minn A. Mukhitdinov. Il-gvern—il-Kunsill tan-Nażiri tal-Poplu—kien ippresedut minn Faizullah Khojaev.
Ir-Repubblika Sovjetika tal-Poplu ta’ Bukhara eżistiet mill-1920 sal-1925, meta l-belt ġiet integrata fir-Repubblika Soċjalista Sovjetika Użbeka. Fitzroy Maclean, li dak iż-żmien kien diplomatiku żagħżugħ fl-Ambaxxata Brittanika f’Moska, għamel żjara qasira f’Bukhara fl-1938, fejn qagħad iżur il-monumenti u raqad fil-ġonna. Fil-memorji tiegħu Eastern Approaches, huwa stqarr li Bukhara kienet “belt li ssaħħrek” bil-binjiet tagħha li setgħu jħaqquha “mal-ifjen arkitettura tar-Rinaxximent Taljan”. Fit-tieni nofs tas-seklu 20, il-gwerra fl-Afganistan u l-gwerra ċivili fit-Taġikistan wasslu bosta refuġjati mit-Taġikistan li jitkellmu d-Dari u t-Taġik f’Bukhara u f’Samarkanda. Dawn il-belt iffaċċjaw ukoll moviment biex jiġu annessi mat-Taġikistan minkejja li l-bliet ma għandhomx fruntiera komuni mal-pajjiż.[17]
Hemm ukoll skultura tal-metall ta’ Nasruddin Hodja, li huwa l-karattru ċentrali ta’ ħafna stejjer folkloristiċi tat-tfal fl-Asja Ċentrali, fl-Afganistan u fil-Pakistan, bilqiegħda fuq il-felu tiegħu b’id fuq qalbu u l-oħra fuq rasu bis-sinjal li kollox sew.
Chashma-Ayub, jew il-Fawwara ta’ Ġobb, tinsab ħdejn il-mawżolew ta’ Samani. L-isem tiegħu jingħad li jirrifletti leġġenda li tistqarr li l-profeta Ġobb ("Ayub" fil-Koran) żar dan il-post u ħoloq fawwara tal-ilma b’moviment bil-ħatar tiegħu fuq l-art. L-ilma ta’ dan il-bir jingħad li huwa safi ħafna, u jitqies li għandu “kwalitajiet ta’ fejqan”. Il-binja attwali fis-sit inbniet matul it-tmexxija ta’ Timur, u għandha koppla b’għamla ta’ kon tal-istil ta’ Khwarazm li mhix komuni fir-reġjun.
Il-mawżolew ta’ Ismail Samani (is-sekli 9-10) huwa wieħed mill-iktar binjiet importanti tal-arkitettura tal-Asja Ċentrali. Inbena fis-seklu 9 (bejn it-892 u d-943) bħala l-qabar ta’ Ismail Samani—il-fundatur tad-dinastija Samanida, li kienet l-aħħar dinastija Persjana nattiva fit-tmun tar-reġjun fis-sekli 9 u 10, wara li s-Samanidi stabbilew indipendenza virtwali mill-Kaliffat Abbasida f’Baghdad.
Is-sit huwa uniku minħabba l-istil arkitettoniku tiegħu li jiġbor flimkien elementi Żoroastrijani u Iżlamiċi. Il-faċċata tal-binja hija miksija b’xogħol bil-brikks, li huma mżejna b’mod mirqum, b’motivi tondi qishom xmux—immaġni komuni fl-arti Żoroastrijana tar-reġjun bħala rappreżentazzjoni tal-alla Żoroastrijan, Ahura Mazda, li tipikament jiġi rrappreżentat bin-nar u d-dawl. L-għamla tal-binja hija kubojdu, u tfakkar fil-Ka'aba ta’ Mekka, filwaqt li s-saqaf b’koppla huwa tipiku tal-arkitettura tal-moskej. L-istil sinkretiku tas-santwarju jirrifletti dak tas-sekli 9 u 10—żmien meta r-reġjun kien għad kellu popolazzjonijiet kbar ta’ Żoroastrijani li kienu bdew jikkonvertu għall-Iżlam għall-ħabta ta’ dak iż-żmien.
Is-santwarju jitqies ukoll bħala wieħed mill-eqdem monumenti fir-Reġjun ta’ Bukhara. Fi żmien l-invażjoni ta’ Genghis Khan, is-santwarju jingħad li kienet diġà ġiet midfuna fit-tajn minħabba l-għargħar. B’hekk, meta l-invażjonijiet tal-Mongoli seħħew f’Bukhara, is-santwarju ħelisha mill-qerda.
Il-mawżolew tal-missier fundatur tal-Pakistan, Muhammad Ali Jinnah, magħruf bħala l-Mazar-e-Quaid f’Karachi, ġie mmudellat abbażi ta’ dan is-santwarju.
Il-Moskea ta’ Bolo Haouz, li nbniet fl-1712 fuq in-naħa opposta taċ-ċittadella ta’ Ark fid-distrett ta’ Reġistan, serviet bħala moskea tal-Ġimgħa meta l-Emir ta’ Bukhara kellu jbaxxi rasu quddiem it-tmexxija tar-Russi Bolxeviki fis-snin 20 tas-seklu 20.
Chor Minar, magħrufa wkoll bħala l-Madrasa ta’ Khalif Niyaz-kul, hija binja moħbija fi trejqa fil-Grigal tal-kumpless ta’ Lyabi Hauz. L-istruttura nbniet minn Khalif Niyaz-kul, sinjurun minn Bukhara ta’ oriġini Turkmena fis-seklu 19 taħt it-tmexxija tad-dinastija Janid.[25] L-istruttura b’erba’ torrijiet xi kultant tiġi mfixkla ma’ bieb tal-madrasi li kienu jeżistu wara l-istruttura fl-imgħoddi; madankollu, iċ-Chor Minar fil-fatt huwa kumpless ta’ binjiet b’żewġ funzjonijiet: ritwal u kenn.
Il-binja prinċipali hija moskea. Minkejja l-għamla esterna mhux tas-soltu, il-binja hija tipika minn ġewwa għal moskea tal-Asja Ċentrali. Minħabba l-koppla tal-binja, il-kompartiment ewlieni għandu proprjetajiet akustiċi tajbin u għaldaqstant għandu sinifikat speċjali għad-“dhikr-hana”—post fejn isiru ċ-ċerimonji ritwalizzati “dhikr” tas-Sufisti, b’liturġija li spiss tinkludi talb, kant u mużika strumentali.
Fuq iż-żewġ naħat tal-binja ċentrali hemm kompartimenti residenzjali, li wħud minnhom iġġarrfu, u fadal biss il-pedamenti tagħhom viżibbli. B’hekk, biex il-binja tassew tintuża bħala madrasa jonqos biss il-funzjonament sħiħ ta’ klassi u xi kmamar utilitarji. Madankollu, kienet prattika komuni li l-hekk imsejħa madrasi ma jkollhomx kmamar tal-għoti tal-lekċers, jew jekk ikollhom tali kmamar, ma kinux jingħataw lekċers fihom. Dawn il-madrasi kienu jintużaw bħala ospizji għall-istudenti.
Kull wieħed mill-erba’ torrijiet għandu motivi dekorattivi differenti. Uħud jgħidu li l-elementi tad-dekorazzjoni jirriflettu l-erba’ reliġjonijiet fl-Asja Ċentrali. Hemm ukoll elementi qishom salib, motiv Kristjan ta’ ħuta, rota tat-talb tal-Buddiżmu, u motivi Żoroastrijani u Iżlamiċi. Fl-1995, minħabba ruxxell tal-ilma taħt l-art, wieħed mit-torrijiet iġġarraf u ġiet applikata u ngħatat assistenza ta’ emerġenza mill-UNESCO fil-qafas tal-Fond għall-Wirt Dinji. Għalkemm it-tiġrif irriżulta fid-destabilizzazzjoni tal-istruttura kollha, l-awtoritajiet kienu anzjużi biex jgħattu d-diżastru mill-iktar fis. Malajr malajr, il-binja ġiet rikostruwita “bl-użu ta’ materjal tal-bini mhux tradizzjonali, bħal konkrit ta’ kwalità baxxa u azzar”. Iċ-Chor Minar reġa’ sar wieħed mis-siti popolari tal-belt wara r-rikostruzzjoni.[26]
Fuq il-lemin taċ-Chor Minar hemm għadira, x’aktarx tal-istess żmien tal-kumplament tal-kumpless. Iċ-Chor Minar issa huwa mdawwar l-iktar minn djar u ħwienet żgħar tul il-perimetru tiegħu.
L-eks Moskea ta’ Magok-i Attori nbniet fis-seklu 9, x’aktarx fuq il-fdalijiet ta’ tempju Żoroastrijan antik. Il-moskea nqerdet u reġgħet inbniet diversi drabi, u l-eqdem parti li għadha teżisti tinsab fil-faċċata tan-Nofsinhar, u tmur lura għas-seklu 12—b’hekk hija waħda mill-iktar strutturi antiki li għadhom jeżistu f’Bukhara, u waħda mill-ftit li baqgħet sħiħa wara l-invażjoni ta’ Genghis Khan. Il-moskea hija iktar baxxa mil-livell tal-art u ġiet skavata fl-1935. Ma għadhiex tiffunzjona bħala moskea u minflok tospita mużew tat-twapet.
Din il-moskea hija ddedikata lil Mir Sayyid Ali Hamadani, il-qaddis patrun tal-Musulmani Kaxmiri fil-Wied ta’ Kashmir.[27]
Iċ-ċentru storiku ta’ Bukhara ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[28]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; il-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”; u l-kriterju (vi) “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma’ avvenimenti jew ma’ tradizzjonijiet ħajjin, ma’ ideat jew ma’ twemmin, jew ma’ xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta’ valur universali straordinarju”.[28]
Madwar 225 kilometru fil-Punent ta’ Samarkanda fin-Nofsinhar/fiċ-ċentru tal-Użbekistan, hemm il-belt ta’ Bukhara max-xmara Zeravshan, f’elevazzjoni ta’ 229 metru.
Bukhara għandha klima arida kiesħa tipika tal-Asja Ċentrali (Köppen BWk). It-temperatura medja ta’ waranofsinhar f’Jannar hija 6.6 °C jew 43.9 °F, u tiżdied għal temperatura massima medja ta’ madwar 37.2 °C jew 99.0 °F f’Lulju. Il-preċipitazzjoni annwali medja hija 135 millimetru jew 5.31 pulzieri.
L-ilma minn dejjem kien importanti fil-klima sħuna u niexfa tal-Asja Ċentrali; għalhekk, mill-qedem, ġiet żviluppata l-biedja bl-irrigazzjoni. Il-bliet inbnew ħdejn ix-xmajjar u l-kanali tal-ilma sabiex l-ilma jilħaq il-belt kollha. Inbnew ġibjuni mhux mgħottija, magħrufa bħala hauzes. Ġibjuni tal-ilma mgħottija speċjali, jew sardobas, inbnew tul ir-rotot tal-caravanserai biex il-vjaġġaturi u l-annimali tagħhom ikollhom l-ilma.
Madankollu, l-użu eċċessiv tal-agrokimiki matul l-era tal-Unjoni Sovjetika, id-diverżjoni ta’ ammonti enormi ta’ ilma għall-irrigazzjoni miż-żewġ xmajjar li jalimentaw lill-Użbekistan, u n-nuqqas kroniku ta’ impjanti tat-trattament tal-ilma, ikkawżaw problemi tas-saħħa u ambjentali fuq skala enormi.
Data klimatika għal Bukhara (1981-2010) | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja medja °C (°F) | 6.6
(43.9) |
10.1
(50.2) |
16.4
(61.5) |
24.5
(76.1) |
30.4
(86.7) |
35.9
(96.6) |
37.2
(99.0) |
35.5
(95.9) |
29.9
(85.8) |
22.9
(73.2) |
15.5
(59.9) |
8.4
(47.1) |
22.8
(73.0) |
Temp. baxxa medja °C (°F) | −2.5
(27.5) |
−0.6
(30.9) |
4.2
(39.6) |
10.2
(50.4) |
15.0
(59.0) |
19.4
(66.9) |
21.2
(70.2) |
18.9
(66.0) |
12.9
(55.2) |
6.7
(44.1) |
2.3
(36.1) |
−1.2
(29.8) |
8.9
(48.0) |
Preċipitazzjoni medja f’mm (pulzieri) | 19.1
(0.75) |
18.9
(0.74) |
29.5
(1.16) |
20.1
(0.79) |
12.4
(0.49) |
1.8
(0.07) |
0.7
(0.03) |
0.2
(0.01) |
1.0
(0.04) |
2.0
(0.08) |
12.0
(0.47) |
17.3
(0.68) |
135
(5.31) |
Medja ta’ jiem ta’ preċipitazzjoni | 10 | 10 | 10 | 8 | 7 | 2 | 1 | 1 | 1 | 4 | 7 | 9 | 70 |
Umdità relattiva medja (%) | 80 | 75 | 72 | 59 | 46 | 38 | 40 | 44 | 48 | 56 | 64 | 79 | 58 |
Sors 1: Iċ-Ċentru tas-Servizz Idrometeoroloġiku tal-Użbekistan[29] | |||||||||||||
Sors 2: Deutscher Wetterdienst (umdità)[30] |
Ħafna nies notevoli għexu f’Bukhara fl-imgħoddi. Fosthom kien hemm:
Din hija lista tal-bliet ġemellati ma’ Bukhara:
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.