Ċess
From Wikipedia, the free encyclopedia
Iċ-ċess hija logħba fuq il-bord bejn żewġ plejers. Xi kultant il-logħba tissejjaħ ċess internazzjonali jew ċess tal-punent biex tiddistingwiha minn logħob relatat, bħal xiangqi (ċess Ċiniż) u shogi (ċess Ġappuniż). Il-forma attwali tal-logħba bdiet fi Spanja u l-bqija tan-Nofsinhar tal-Ewropa matul it-tieni nofs tas-seklu 15 wara li evolviet minn chaturanga, logħba simili ta' oriġini Indjana iżda ħafna eqdem. Illum, iċ-ċess hija waħda mil-logħob l-aktar popolari fid-dinja, u jintlagħab minn miljuni ta’ nies, b'xi wħud jgħidu li hemm mat-800 miljun plejer[1].
Iċ-ċess hija logħba ta' strateġija astratta u ma tinvolvi l-ebda informazzjoni moħbija. Jintlagħab fuq bord taċ-ċess b' 64 kaxxa irranġati fi gradilja ta' tmienja bi tmienja. Fil-bidu, kull plejer jikkontrolla sittax-il biċċa : re wieħed, reġina waħda, żewġ torrijiet, żewġt isqfijiet, żewġt iżwiemel, u tmien pedini. Il-plejer li jikkontrolla l-biċċiet bojod jmexxi l-ewwel, segwit mill-plejer li jikkontrolla l-biċċiet suwed. L-għan tal-logħba huwa li jiċċekkja r-re tal-avversarju, fejn ir-re jkun taħt attakk immedjat (f'ċekk) u m'hemm l-ebda mod kif jaħrab. Hemm ukoll diversi modi kif logħba tista' tispiċċa fi draw.
Iċ-ċess organizzat beda fis-seklu 19. Il-kompetizzjoni taċ-ċess illum hija rregolata internazzjonalment mill-FIDE (Federazzjoni Internazzjonali taċ-Ċess). L-ewwel Champion Dinji taċ-Ċess rikonoxxut universalment, kien Wilhelm Steinitz, li rebaħ it-titlu tiegħu fl-1886; Magnus Carlsen huwa ċ-Champion tad-Dinja attwali. It-teorija taċ-ċess żviluppat qatigħ mill-bidu tal-logħba sal-lum. Aspetti tal-arti jinstabu fil -kompożizzjoni taċ-ċess, u ċ-ċess min-naħa tiegħu influwenza l-kultura u l-arti tal-Punent, u għandu konnessjonijiet ma' oqsma oħra bħall-matematika, ix-xjenza tal-kompjuter u l-psikoloġija .
Wieħed mill-għanijiet tax-xjentisti tal-kompjuter bikrin kien li joħolqu magna li tilgħab iċ-ċess . Fl-1997, Deep Blue sar l-ewwel kompjuter li għeleb liċ-Champion tad-Dinja renjanti f'logħba meta għeleb lil Garry Kasparov. Il-magni taċ-ċess tal-lum huma ferm aktar b'saħħithom mill-aqwa plejers umani u influwenzaw ħafna l-iżvilupp tat-teorija taċ-ċess.