skultur Malti From Wikipedia, the free encyclopedia
Ċensu Apap, magħruf ukoll bħala Vincent Apap, (twieled it-13 ta’ Novembru 1909 – miet il-15 ta’ Frar 2003) kien skultur Malti li kien magħruf sew għad-disinn ta’ diversi monumenti pubbliċi u statwi tal-knisja, l-iktar il-Funtana tat-Tritoni fil-Belt Valletta.[1] Huwa ġie msejjaħ “wieħed mill-aqwa skulturi ta’ Malta tal-Perjodu Modern” mill-istudjo ta’ Renzo Piano.[2]
Ċensu Apap | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Valletta, 13 Novembru 1909 |
Nazzjonalità |
Kolonja ta' Malta Stat ta' Malta Malta |
Mewt | 15 Frar 2003 |
Post tad-dfin | Ċimiterju tal-Addolorata |
Edukazzjoni | |
Lingwi | Malti |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni | skultur |
Xogħlijiet importanti | Triton Fountain (en) |
Premjijiet |
Apap twieled il-Belt Valletta fl-1909, u kien ħu l-kbir tal-mużiċist Joseph Apap u tal-pittur William Apap. Huwa mar l-iskola ċentrali tal-gvern, u fl-1920 beda jattendi l-klassijiet ta’ filgħaxija tal-immudellar u tat-tpinġija. Huwa kien wieħed mill-ewwel studenti li rreġistra fl-Iskola tal-Arti li kienet għadha kif ġiet stabbilita fl-1925, fejn studja l-iskultura taħt Antonio Micallef. Fl-1927, rebaħ borża ta’ studju tal-Akkademja Brittanika tal-Arti f’Ruma, jistudja taħt l-iskultur Malti rinomat Antonio Sciortino.[3]
Huwa rritorna Malta fl-1930, u ftit wara rebaħ l-ewwel kummissjoni tiegħu, il-monument ta’ Fra Diegu fil-Ħamrun. B’hekk sar magħruf fix-xena artistika ta’ Malta, u regolarment wera x-xogħlijiet tiegħu fil-wirjiet tal-Assoċjazzjoni tad-Dilettanti tal-Arti ta’ Malta matul is-snin 30 tas-seklu 20. Ċensu Apap inħatar assistent għalliem tal-immudellar fl-Iskola tal-Arti fl-1934, u sar kap tal-iskola fl-1947. Huwa baqa’ hemm sa meta rtira fl-1971, iżda reġgħu għajtulu seba’ snin wara fl-1978.[3]
Il-patruni tax-xogħol ta’ Apap kienu jinkludu l-Logutenent Gvernatur ta’ Malta Sir Harry Luke kif ukoll Lord Mountbatten. Il-familja ta’ dan tal-aħħar għad għandha wħud mill-aqwa skulturi ta’ Apap. Fis-sittinijiet tas-seklu 20, ġew organizzati żewġ wirjiet tax-xogħlijiet tiegħu u ta’ ħuh William Apap f’Londra.[3]
L-iktar xogħlijiet magħrufa ta’ Apap jinkludu diversi monumenti pubbliċi fil-Belt Valletta, bħall-Funtana tat-Tritoni
(1959), il-bust ta’ Enrico Mizzi (1964), l-istatwa ta’ Pawlu Boffa (1976) u l-istatwa ta’ Ġorġ Borg Olivier (1990). Xogħlijiet oħra notevoli ta’ Apap jinkludu statwi fir-Rotunda tal-Mosta, fil-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta, il-Katidral tal-Imdina, il-Bażilika ta’ San Ġorġ f’Għawdex, il-Knisja Parrokkjali tal-Qawra, il-Bażilika ta’ Santa Liena f’Birkirkara u l-Knisja Parrokkjali ta’ Ġesù Nazzarenu f’Tas-Sliema.[3] L-aħħar xogħol maġġuri tiegħu kien il-bust ta’ Guido de Marco li tlesta meta kellu 89 sena.[4] Il-motivi tat-teatru f’Palazzo Carafa fil-Belt Valletta ġew iddisinjati minn Apap.[5]
Ċensu Apap iżżewweġ lil Maria Bencini fl-1941, u kellhom tlett itfal: John, Nella u Manon.[3] Huwa miet fl-2003 meta kellu 93 sena.[4]
Huwa ġie nnominat kavallier tal-Ordni Militari Sovran ta’ Malta fl-1963.[3]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.