villaġġ fil-provinċja ta' Anhui, iċ-Ċina From Wikipedia, the free encyclopedia
Xidi (biċ-Ċiniż: 西递) huwa villaġġ fir-Raħal ta' Xidi (biċ-Ċiniż: 0西递镇), il-Kontea ta' Yi, fir-reġjun storiku ta' Huizhou fil-katina muntanjuża ta' Huangshan tal-provinċja ta' Anhui, iċ-Ċina.[1] Xidi u r-raħal fil-qrib ta' Hongcun huma magħrufa għall-preservazzjoni eċċezzjonali tagħhom tal-arkitettura rurali u tal-ippjanar tal-bliet ta' Anhui fi żmien iċ-Ċina Medjevali, u flimkien tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[2][3]
Xidi | |
---|---|
Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina | |
Amministrazzjoni | |
Stat sovran | Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina |
Province of China | Anhui |
Belt prefettura | Huangshan |
County in PRC | Kontea ta' Yi |
Town of China | Raħal ta' Xidi |
Isem uffiċjali | 西递村 |
Ġeografija | |
Koordinati | 29.904444444444°N 117.9875°E |
Superfiċjenti | 24 hectare, 400 hectare |
Demografija | |
Informazzjoni oħra | |
Żona tal-Ħin | UTC+8 |
Il-villaġġ inbena għall-ewwel darba matul l-era ta' Huangyou (1049–1053) tal-Imperatur Renzong tad-dinastija Song, u oriġinarjament kien jissejjaħ Xichuan (li tfisser Xmara tal-Punent), minħabba l-mogħdijiet tal-ilma li jnixxu minn ġo fih.
Il-membri tal-familja Hu ta' Xidi huma dixxendenti minn Hu Shiliang, min Wuyuan, li kien dixxendenti ta' Hu Changyi, iben l-Imperatur Zhaozong tad-dinastija Tang li ġie adottat mill-familja Hu minn Wuyuan.[4]
It-tkabbir tal-villaġġ kien marbut mill-qrib mar-risq tal-familja Hu. Sal-1465 W.K., matul id-dinastija Ming (1368–1644), xi membri tal-familja bdew joperaw fin-negozju bħala merkanti, u dan wassal għall-kostruzzjoni ta' binjiet privati u infrastruttura pubblika ewlenin. Sa nofs is-seklu 17, l-influwenza li kellhom il-membri tal-familja Hu nfirxet mill-kummerċ għall-politika. Il-prosperità ta' Xidi laħqet il-quċċata tagħha fis-sekli 18 u 19, u f'dak iż-żmien il-villaġġ kien fih madwar 600 residenza. Madankollu, matul l-aħħar tas-seklu 19, id-diżintegrazzjoni tas-sistema fewdali fiċ-Ċina u d-deklin tal-komunitajiet tal-merkanti f'Anhui wasslu biex l-espansjoni ta' Xidi tieqaf ħesrem.[5]
Xidi ppreserva l-pjanta oriġinali bit-toroq u bis-sistemi tal-ilma tal-perjodu Medjevali. Il-pjanta tat-toroq ta' Xidi hija ddominata minn triq prinċipali mil-Lvant għall-Punent u maġenbha hemm żewġ toroq paralleli. Ma' dawn it-toroq ewlenin hemm bosta trejqiet u sqaqien dojoq. Dawn it-toroq huma pavimentati bi granit oriġinali tal-Kontea ta' Yi. Spazji miftuħa żgħar huma kkonfinati f'żoni eżatt quddiem il-binjiet pubbliċi prinċipali, bħas-"Sala tar-Rispett", is-"Sala tal-Ġrajjiet tal-Imgħoddi", u l-"Arkata bħala Mafkar tal-Gvernatur". Bħal ma kien jiġri tipikament dak iż-żmien, il-binjiet huma raggruppati qrib it-tliet nixxigħat tal-villaġġ. Fil-villaġġ, hemm 224 binja residenzjali antika, li jmorru lura għas-sekli 14 sa 19. Minnhom, hemm 124 residenza tal-injam li huma ppreservati sew ta' żmien id-dinastiji Ming u Qing, b'tinqix mill-isbaħ, u dawn huma attrazzjonijiet ewlenin tal-villaġġ. Normalment ir-residenzi fihom bitħa ċentrali mdawra bi spazji simetriċi għall-kmamar. Ħafna minn dawn ir-residenza huma miftuħin għall-pubbliku.[2]
Il-Villaġġi Antiki fin-Nofsinhar ta' Anhui – Xidi u Hongcun ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.