From Wikipedia, the free encyclopedia
Wistin Abela (Żejtun, 19 ta' Ottubru 1933 - 20 ta' Jannar 2014) kien Deputat Prim Ministru tal-Gvern Malti fis-snin tmenin. Kien Ministru tal-Iżvilupp u iktar tard tal-Finanzi.
Wistin Abela | |||||
---|---|---|---|---|---|
3 Settembru 1983 - 12 Mejju 1987 ← Lino Spiteri - George Bonello Dupuis (en) →
| |||||
Ħajja | |||||
Twelid | Żejtun, 19 Ottubru 1933 | ||||
Nazzjonalità | Malta | ||||
Mewt | Żejtun, 20 Jannar 2014 | ||||
Okkupazzjoni | |||||
Okkupazzjoni |
politiku trejdunjonista |
Bin Carmelo u Felicia, imwielda Abela, huwa studja fl-iskola primarja tal-Gvern. Wara kompla jieħu l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo, fis-Seminarju u fl-Università ta' Malta.
L-ewwel impjieg ta' Abela kien bħala skrivan fit-Tarzna. F'dan il-perjodu Wistin Abela kien strumentali biex twaqqfet in-National Association for Clerical & Supervisory Staff (N.A.C.S.S), taqsima fi ħdan il-General Workers Union (GWU), li kellha l-għan li torganizza gradi klerikali, tekniċi u maniġerjali kemm għall-kumpaniji privati kif ukoll għal dawk l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Gvern. Aktar tard din it-taqsima ingħatat l-isem ta' Supervisor, Technical and Professional Staff Association (STPSA), imbagħad l-isem inbidel għal Professionals & Services Section (PSS) u mbagħad għal Services & Media Section (SMS). Ilum din it-taqsima għandha l-isem ta' Professionals, Finance and Services Section (PFS-GWU) li għandha l-għan li tkun il-vuċi tal-ħaddiema tal-industrija tas-servizzi f'Malta. Fl-istess perjodu, Wistin Abela inħatar President tal-N.A.C.S.S u membru tal-Kunsill tal-GWU.
Fl-1959, Wistin Abela beda jinvolvi ruħu fil-politika. L-ewwel involviment tiegħu fil-Partit Laburista, kien meta nħatar l-ewwel President tal-Għaqda Żgħażagħ Laburisti taż-Żejtun. Wara, Abela inħatar President tal-Kumitat Laburista tal-lokal, kariga li dam jokkupa sal-1967.
Għal xi żmien, Wistin Abela kien ukoll President tal-Kumitat distrettwali u Awditur tal-Partit Laburista.
Kien fl-1966, meta Wistin Abela ikkontesta għall-ewwel darba b'suċċess l-elezzjoni ġenerali mal-Partit Laburista. Dak iż-żmien, iż-Żejtun kien jifforma parti mill-ħames distrett elettorali. F'dik l-elezzjoni partikolari, il-kwota f'dak id-distrett kienet ta' 2,325 vot. L-elezzjoni tal-1966 kienet l-ewwel waħda wara li Malta kisbet l-Indipendenza f'Settembru tal-1964. Minkejja dan, f'din l-elezzjoni kienu għadu fis-seħħ id-dnub il-mejjet li l-Knisja immexxija mill-Arċisqof Mikiel Gonzi kienet imponiet fuq il-Partit Laburista. Wistin Abela ġab 1,644 vot tal-ewwel preferenza. Minn hemm hekk, Wistin Abela baqa jikkontesta l-elezzjonijiet ġenerali kollha sal-1992.
Meta ġie elett Gvern Laburista fl-1971, il-Prim Ministru Dom Mintoff kien ħatar lil Wistin Abela bħala Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi u Dwana. Xahrejn wara, mar bl-istess kariga fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Madankollu fl-istess leġiżlatura, eżattament f'Ottubru tal-1974, Mintoff ħatar lil Wistin Abela Ministru għall-Iżvilupp.
Wara l-elezzjoni tal-1976, meta reġa ġie elett Gvern Laburista, Wistin Abela ġie maħtur Ministru tal-Iżvilupp, Enerġija, Port u Telekomunikazzjoni, ministeru vast u impenjattiv għall-aħħar. Infatti, f'dik il-leġiżlatura, il-ħidma tal-Ministeru ta' Abela kienet importanti biex jitwaqqfu numru ta' azjendi kbar bħal Air Malta, Sea Malta, TeleMalta li aktar tard inbidlet għal Maltacom, Enemalta, TugMalta, l-Malta Shipbuilding u Xandir Malta li illum sar PBS. Ta' min isemmi wkoll li f'dan il-perjodu, Xandir Malta beda jxandar bil-kulur.
Wara l-elezzjoni tal-1981, Wistin Abela inħatar bħala Ministru tal-Ippjanar Ekonomiku u l-Iżvilupp u Deputat Prim Ministru. Fl-1983, kien inbidillu l-Ministeru, u Abela ingħata l-kariga tal-Ministeru tal-Finanzi u d-Dwana. B'hekk ftit tax-xhur wara, Abela ippreżenta l-baġit għas-sena 1984.
F'Diċembru tal-1984, il-Prim Ministru Duminku Mintoff kien irreżenja mill-kariga tiegħu u postu ħadu Karmenu Mifsud Bonnici. B'hekk Wistin Abela, kompla jservi bħala Ministru tal-Finanzi u d-Dwana sal-elezzjoni tal-1987, taħt il-Prim Ministru Mifsud Bonnici.
Wara l-elezzjoni tal-1987, Abela kien inħatar bħala Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Forzi Armati u t-Tiftix taż-Żejt. Huwa kkontesta l-aħħar elezzjoni ġenerali tal-1992. Abela għażel li ma jikkontestax l-elezzjoni ġenerali tal-1996, biex jagħmel wisa għal ibnu Marjohn.
Nhar it-13 ta' Diċembru 1997, Abela ingħata l-unur ta' Kumpann tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu, bħala rikonoxximent fil-qasam politiku.
Minkejja li fl-aħħar snin saħħtu kienet sejra lura, Wistin Abela xorta waħda baqa jżomm ruħu aġġornat b'dak li kien għaddej fil-Partit Laburista. Infatti, Wistin Abela baqa jattendi b'mod regolari għall-Konferenza Ġenerali Annwali. Fl-2012, Wistin Abela kien attenda għall-funeral tal-eks Prim Ministru Duminku Mintoff.
Abela kien miżżewweġ lil Katerina, u kellhom tlett itfal, Marjohn, Carmelina u Lycia.
Wistin Abela miet fl-20 ta' Jannar 2014. Il-funeral sar jumejn wara fil-Knisja Arċipretali taż-Żejtun. Għalih kien hemm preżenti l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom l-Aġent President Dolores Cristina, il-Prim Ministru Joseph Muscat, l-ogħla uffiċjali tal-Partit Laburista u l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami. Kien hemm preżenti wkoll bosta eks-Ministri Laburisti, fosthom Ċensu Moran u Freddie Portelli, kif ukoll żewġ Presidenti Emeriti, Eddie Fenech Adami u Ugo Mifsud Bonnici. Il-Knisja kienet imballata ukoll b'nies komuni.
F'omelija li saret mill-Kanonku Joe Abela, li jiġi wkoll il-kuġin ta' Wistin Abela fakkar lill-kongregazzjoni preżenti kif Wistin Abela bena ħajtu madwar il-ħaddiem, il-batut u l-fqir. Kliem li dewa mal-Knisja kollha u li ġab miegħu n-niket ta' bosta li kienu preżenti u li kienu jiftakru lil Wistin Abela sew. Il-konċelebrant fakkar ukoll fil-kuraġġ li wera Abela tul ħajtu, kemm meta żamm 'il bogħod mill-korruzzjoni u r-rikkezzi li xi kultant iġġib magħha l-ħajja politika kif ukoll meta kellu taħt ir-responsabbiltà tiegħu l-ħolqien tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta. Żied ifakkar kif Abela kien minn dejjem mdawwar bin-nies li kienu jitolbu l-għajnuna tiegħu u kif kien jagħti l-lezzjonijiet tal-Matematika b'xejn.
Il-Kanonku Abela tkellem dwar żewġ mumenti minn ħajjet Wistin Abela f'dawn l-aħħar xhur. L-ewwel meta għalkemm saħħtu kienet diġà marret lura qam mis-siġġu tar-roti biex ibus il-katavru ta' Dun Eric Overend, l-Arċipriet taż-Żejtun li miet is-sena l-oħra u meta anke fl-aħħar żmien ta' ħajtu baqa' qrib tat-tradizzjonijiet relatati mal-Ġimgħa l-Kbira li l-lokalità taż-Żejtun tant hija magħrufa għalihom. Fil-fatt lejn l-aħħar ta' ħajtu Abela baqa' jdawwar lilu nnifsu bil-vari żgħar tal-Ġimgħa l-Kbira li tant kien jgħożż.
Wara l-quddies saret id-difna fiċ-Ċimiterju ta' San Girgor, fiż-Żejtun stess.
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.