From Wikipedia, the free encyclopedia
Tumas Dingli (twieled fit-22 ta' Diċembru 1591 – miet fit-22 ta' Jannar 1666) kien bennej tal-knejjes u skultur fil-ġebla Maltija. Fiż-żewġ oqsma għamel isem kbir għalih u għal pajjiżu għaliex minn taħt l-idejn imħarrġa tiegħu ħarġet skultura qisha bizzilla li żżejjen il-knisja l-qadima ta' Birkirkara u dik ta' Ħ'Attard.[1][2]
Tumas Dingli mexa tista' tgħid fuq il-passi ta' missieru Ġakbu Dingli, kif ukoll iz-ziju, Andrea Dingli. Dingli studja il-matematika u wara ħa s-sengħa ta' arkitett minn Matteo Coglitura. Dingli kien ġej minn familja ta' skalpellini jew naġġara, jiġifieri skulturi fil-ġebla. Ismu huwa ġeneralment marbut ma' tipoloġija ta' knisja fi stil li nistgħu nsejħulu, b'ċerta riżerva, bħala Rinaxximentali. Karatteristiċi ewlenija huma l-proporzjonijiet armonjużi, l-użu tal-pilastri ġganteski bil-panewijiet, l-użu tan-niċċa biex tagħti artikolazzjoni aktar rikka lill-faċċata u lit-tambur tal-koppla, u fuq kollox, l-iskultura fina fil-ġebel, speċjalment fil-prospettivi tal-artali u madwar il-bibien.
Is-sengħa tiegħu fit-tfassil tal-knejjes għandha xhieda ħajja fl-irħula ta' Ħ'Attard, in-Naxxar, Ħal Għargħur, il-Gudja, Ħaż-Żabbar u Birkirkara. Kien ukoll imdaħħal fil-bini tal-Akkwedott, il-Palazz tal-Isqof u Porta Reale fil-Belt Valletta.[3]
Bħala bennej ta' knejjes jidher li mexa fuq il-passi ta' Vittorio Cassar, it-tifel ta' Ġlormu Cassar. Tgħallem ukoll minn Giovanni Attard, li kiseb fama bħala bennej tal-akkwedott.[4]
Tumas Dingli miet ta' 75 sena, fit-22 ta' Jannar 1666 u jinsab midfun fil-knisja ta' Ħ'Attard taħt l-artal tad-Duluri. Sfortunatament iż-żmien ħassar u qered lapida li kienet tfakkar il-post fejn jinsab jistrieħ fil-knisja ta' Ħ'Attard iżda fortunatament għandna traskrizzjoni tagħha.
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.