Tempji ta' Ħal Tarxien
kumpless arkeoloġiku ta' tempji megalitiċi f'Ħal Tarxien, Malta From Wikipedia, the free encyclopedia
Remove ads
kumpless arkeoloġiku ta' tempji megalitiċi f'Ħal Tarxien, Malta From Wikipedia, the free encyclopedia
It-Tempji ta' Ħal Tarxien (pronunzja bil-Malti: [tɐrˈʃɪːn]) huma kumpless arkeoloġiku f'Ħal Tarxien, fir-reġjun tal-port ta' Malta. Imorru lura għall-ħabta tat-3150 Q.K.[1] Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992 flimkien mat-Tempji Megalitiċi l-oħra ta' Malta u Għawdex.[2]
It-Tempji ta' Ħal Tarxien jikkonsistu minn tliet strutturi ta' tempji separati iżda mehmuża ma' xulxin. Id-daħla prinċipali hija rikostruzzjoni li tmur lura għall-1956, meta s-sit kollu ġie rrestawrat. Fl-istess żmien, ħafna mill-ħaġar imżejjen li ġie skopert fis-sit ġie rilokat fi ħdan il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta biex jiġi protett. L-ewwel tempju jmur lura għall-ħabta tat-3100 Q.K. u huwa l-iżjed tempju mżejjen b'mod elaborat f'Malta. It-tempju nofsani jmur lura għall-ħabta tat-3000 Q.K., u huwa uniku għaliex għad-differenza tal-bqija tat-tempji f'Malta, fih tliet pari ta' apsidi fil-pjanta tiegħu minflok it-tnejn tas-soltu. It-tempju tal-Lvant imur lura għall-ħabta tat-3100 Q.K. Il-fdalijiet ta' tempju ieħor, iżgħar u eqdem, imorru lura għat-3250 Q.K., u huma viżibbli iktar lejn il-Lvant.[3]
Ta' interess partikolari fis-sit tat-tempji huwa x-xogħol mirqum u rikk fil-ħaġar, li jinkludi t-tinqix u r-riljievi ta' annimali domestiċi, artali u freġji b'disinni spirali u disinni oħra. Bħala turija tal-ħila tal-bennejja tat-tempji hemm kompartiment partikolari fi ħdan il-ħxuna tal-ħajt bejn it-tempji tan-Nofsinhar u Ċentrali, li fih riljiev ta' barri u ta' ħanżira.
L-iskavi fis-sit żvelaw li kien jintuża b'mod estensiv għar-ritwali, li x'aktarx kienu jinvolvu l-qtil tal-annimali għas-sagrifiċċji. Ta' interess speċjali fit-Tempji ta' Ħal Tarxien huma l-isferi tal-ġebel 'il barra mit-tempju tan-Nofsinhar li x'aktarx kienu jintużaw għat-trasport tal-ħaġar megalitiku. Barra minn hekk, l-evidenza ta' kremazzjoni nstabet fiċ-ċentru tat-tempju tan-Nofsinhar. Din hija indikatur li s-sit reġa' ntuża bħala ċimiterju tal-kremazzjoni fi Żmien il-Bronż.
Il-ħaġar megalitiku tat-tempji ġie skopert fl-1914 minn bdiewa lokali li kienu qed jaħartu għalqa. Wara l-iskoperta inċidentali 300 metru 'l bogħod mill-Ipoġew ta' Ħal Saflieni fl-1913, sid l-art li taħtha kienu mirdumin it-tempji ħaseb li l-ħaġar megalitiku li spiss kien jintlaqat minn xi moħriet tal-bdiewa jaf kellu wkoll xi valur arkeoloġiku. B'hekk, ikkuntattja lid-direttur tal-Mużew Nazzjonali, Temi Zammit, li beda jiskava diġà fl-ewwel spezzjoni tas-sit, fejn skopra ċ-ċentru tal-kumpless tat-tempji. Ftit żmien wara Zammit sab lilu nnifsu bilwieqfa f'dik li kienet tidher bħala apsida ffurmata minn nofs ċirku ta' ġebel enormi. Fuq perjodu ta' tliet snin, Zammit kiseb l-għajnuna ta' bdiewa lokali u raħħala għal proġett ta' skavi ta' skala bla preċedent f'Malta. Sal-1920, Zammit kien identifika u wettaq xogħol ta' restawr fuq ħames tempji separati iżda interkonnessi, li kollha kien fihom kollezzjoni notevoli ta' artefatti, inkluż l-istatwa famuża tal-"Mara l-Ħoxna", rappreżentazzjoni ta' divinità femminili jew tal-fertilità (skont il-Mużew Nazzjonali Arkeoloġiku ta' Malta, l-istatwa tal-"Mara l-Ħoxna" ma għandhiex ġeneru, u jaf tirrappreżenta kemm mara kif ukoll raġel), u diversi eżempji uniċi ta' riljievi preistoriċi, inkluż bastimenti.
Fl-1923 kampjun żgħir ta' artefatti mis-sit ġew mogħtija b'donazzjoni minn Zammit lill-Mużew Brittaniku (bl-Ingliż: British Museum). It-tempji kienu inklużi fuq il-Lista tal-Antikitajiet tal-1925. Iktar skavi fit-tempji twettqu fi żmien ta' wara t-Tieni Gwerra Dinjija taħt it-tmexxija ta' J.G. Baldacchino.
Fl-2015 inbnew tined protettivi, simili għal dawk ta' Ħaġar Qim u tal-Imnajdra, madwar it-Tempji ta' Ħal Tarxien, u tlestew f'Diċembru ta' dik is-sena.
L-iskoperta tal-kumpless kompliet issaħħaħ l-identità nazzjonali ta' Malta, u kkonfermat bil-fatti l-eżistenza ta' kultura tal-qedem li kienet qed tiffjorixxi fuq il-gżira. Barra minn hekk, l-interess ġenerali li tqajjem mis-sejbiet wassal għall-ewwel darba għal tħassib pubbliku għall-protezzjoni tat-teżori storiċi ta' Malta, inkluż il-ħtieġa għall-ġestjoni tas-siti, għall-promulgazzjoni tal-liġijiet, u għal miżuri oħra għall-protezzjoni u għall-preservazzjoni tal-monumenti. Fl-istess żmien, il-metodu rigoruż ta' Temi Zammit fl-iskavi tas-sit witta t-triq għal approċċ xjentifiku ġdid fl-arkeoloġija.
Fl-1980, it-tempji ta' Ġgantija (f'Għawdex) ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji wieħed tal-UNESCO. Imbagħad, fl-1992, il-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO estenda dan is-sit billi inkluda ħames tempji megalitiċi oħra. Dawn huma t-tempji ta' Ħaġar Qim (il-Qrendi, Malta), tal-Imnajdra (il-Qrendi, Malta), Ta' Ħaġrat (l-Imġarr, Malta), ta' Skorba (iż-Żebbiegħ, Malta) u ta' Ħal Tarxien (Ħal Tarxien, Malta).
L-UNESCO ddeżinjat dawn is-sitt tempji megalitiċi ta' Malta u Għawdex bħala Sit ta' Wirt Dinji wieħed abbażi tal-kriterju (iv) tal-kriterji tal-għażla tal-UNESCO, jiġifieri “Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”. It-Tempji Megalitiċi ta' Malta u Għawdex huma notevoli mhux biss minħabba li jispikkaw l-oriġinalità, il-kumplessità u l-proporzjonijiet enormi tagħhom, iżda anke minħabba l-ħila teknika konsiderevoli meħtieġa fil-kostruzzjoni tagħhom.[4] Is-sitt tempji jiġu ġestiti minn Heritage Malta, filwaqt li s-sjieda tal-art tal-madwar tvarja minn sit għall-ieħor.[5][6]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.