kapitali tal-provinċja ta’ Sivilja u l-komunità awtonoma tal-Andalusija fi Spanja From Wikipedia, the free encyclopedia
Sivilja (bl-Ispanjol: Sevilla) hija l-kapitali artistika, kulturali u finanzjarja tan-Nofsinhar ta' Spanja. Hi l-belt kapitali tal-komunità awtonoma tal-Andalusija u tal-provinċja ta' Sivilja. Tinsab fil-pjanura tax-xmara Guadalquivir, f'elevazzjoni medja ta' seba' metri 'l fuq mill-baħar. L-abitanti tal-belt jissejħu sevillanos (forma femminili: sevillanas) jew hispalenses mill-isem Ruman tal-belt, Hispalis. Fl-2009, il-popolazzjoni tal-belt kienet tammonta għal 703,206 ruħ, ir-raba' l-ikbar belt ta' Spanja. Il-popolazzjoni taż-żona metropolitana (iż-żona urbana bil-bliet satelliti magħha) kienet ta' 1,493,416 ruħ fl-2009.
Sivilja | |||
---|---|---|---|
Spanja | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Stat sovran | Spanja | ||
Autonomous community of Spain | Andalusija | ||
Provinċja ta' Spanja | Provinċja ta' Sivilja | ||
Kap tal-Gvern | Juan Espadas Cejas (en) | ||
Isem uffiċjali | Sevilla | ||
Ismijiet oriġinali | Sevilla | ||
Kodiċi postali |
41000–41099 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 37.3886°N 5.9956°W | ||
Superfiċjenti | 140.8 kilometru kwadru | ||
Għoli | 12 m | ||
Fruntieri ma' | Alcalá de Guadaíra (en) , La Algaba (en) , Camas (en) , Carmona (en) , Dos Hermanas (en) , Gelves (en) , La Rinconada (en) , Salteras (en) , San Juan de Aznalfarache (en) , Santiponce (en) , Tomares (en) u Palomares del Río (en) | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 684,025 abitanti (2023) | ||
Informazzjoni oħra | |||
Kodiċi tat-telefon |
95 | ||
Żona tal-Ħin | UTC+1u UTC+2 | ||
bliet ġemellati | Angers, Baler, Tarija, Barċellona, Buenos Aires, Columbus (en) , Guadalajara, Ħavana, Kansas City (en) , Rabat, Tifariti, Ho Chi Minh, Krakovja, Cartagena de Indias, Caltanissetta, Ruma, Jerez de la Frontera, Belt ta' Kansas, Popayán, Isla Cristina, Berlin, Iquiqueu Rostov | ||
sevilla.org |
Il-Katidral, il-kastell magħruf bħala Alcázar u l-Archivo de Indias (l-Arkivju tal-Indji) f'Sivilja tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[1]
Sivilja għandha aktar minn 2,000 sena. Il-mogħdija ta' bosta ċiviltajiet, fundamentali fit-tkabbir tagħha, ħallewha b'personalità distinta, u b'ċentru storiku kbir u kkonservat tajjeb. Għalkemm għandha wirt għani medjevali, rinaxximentali u barokk, l-influwenza qawwija tal-kultura Għarbija għadha tidher fil-belt.
Fiż-żminijiet Rumani l-belt kienet magħrufa bħala Hispalis. Il-belt Rumana ta' Italica fil-qrib, li dak iż-żmien kienet belt prinċipalment reżidenzjali, hi kkonservata tajjeb u tista' tagħti impressjoni ta' kif Hispalis x'aktarx kienet tidher tard fil-perjodu Ruman, speċjalment meta wieħed jieħu fil-kuntest ix-xiehda mill-iskavi fil-belt viċina ta' Carmona. Fost il-bini Ruman f'Sivilja li għadu jeżisti insibu l-fdalijiet ta' akkwedott. Matul is-sekli 5 u 6, kien hemm konkwisti wara xulxin tal-provinċja Ruman ta' Hispania Baetica mill-Vandali u l-Viżigoti.
Sivilja ttieħdet mill-Misilmin fis-712 u ngħatat l-isem ġdid ta' Ixbilija (إشبيلية) li ġej minn Hispalis u li minnu ġie l-isem attwali ta' "Sevilla". Kienet il-belt kapitali tar-rejiet tal-Kalifat Umajjad, id-dinastija tal-Almoravidi, u d-dinastija tal-Almohad (mill-Għarbi الموحدون al-Muwaħħidun, jiġifieri, "l-monoteisti"), mis-seklu 8 sas-seklu 13. Fl-1248 il-forzi tar-re Ferdinandu III ħadu Sivilja, parti mir-Reconquista (rikonkwista) Kattolika tal-peniżola. Baqa' ħafna elementi Għarbin oriġinali, fosthom bini pubbliku, l-istruttura urbana fid-distrett storiku, u partijiet kbar tas-swar tal-belt. L-influwenzi estetiċi u urbani Għarbin għadhom jidhru sewwa f'Sivilja tallum.
Wara l-ispedizzjoni ta' Kristofru Kolombu tal-1492 lejn id-Dinja l-Ġdida, il-belt bdiet tipprofitta mit-territorji ġodda u l-kummerċ fil-Karibew billi kull ma kien jiġi importat mid-Dinja l-Ġdida kellu jgħaddi mid-dwana tal-Casa de Contratacion qabel ma jinfierex mal-bqija ta' Spanja. Għalhekk bdiet "Età mdehba ta' żvilupp" minħabba li dan il-port biss ingħata l-monopolju rjali għall-kummerċ u għana dejjem jikbru mill-kolonji Spanjoli fl-Ameriki. Peress li biss ix-xwieni li jitilqu minn u jirritornaw lejn Sivilja setgħu jieħdu sehem fil-kummerċ mal-Ameriki Spanjoli, in-negozjanti mill-Ewropa u minn ċentri oħra tal-kummerċ kellhom imorru Sivilja biex jiksbu prodotti mid-Dinja l-Ġdida. Il-popolazzjoni tal-belt kibret għal kważi miljun ruħ fl-ewwel mitt sena wara Kolombu. L-iżvilupp tal-belt kompla, prinċipalment minħabba l-pożizzjoni ekonomika tagħha fir-Renju ta' Kastilja, bil-kostruzzjoni ta' bini pubbliku fosthom knejjes, li ħafna minnhom huma fl-istil Mudéjar. Il-Palazz tal-Għarab b'xi żiedet li r-rejiet għamlu għall-bżonnijiet tagħhom, sar ir-residenza rjali Kastiljana, l-Alkażar ta' Sivilja. Is-sulari ta' fuq tal-Alkażar għadhom jintużaw mill-familja rjali bħala r-residenza uffiċjali f'Sivilja u huma amministrati mill-Patrimonio Nacional. Il-Katidral ta' Sivilja nbena fuq l-art tal-moskea l-kbira matul is-seklu 15. Il-kampnar tiegħu, il-Giralda, inbena mill-minarett tal-moskea[2].
Tard fis-seklu 16, Sivilja tilfet il-monopolju u l-port ta' Cádiz ġie awtorizzat ukoll bħala port tal-kummerċ. Il-Pesta l-Kbira ta' Sivilja fl-1649 naqqset il-popolazzjoni bi kważi n-nofs, u din ma reġgħitx irkuprat sa kmieni fis-seklu 19[3]. Peress li l-Imperu Spanjol ġie unifikat taħt rejiet minn dinastiji Ewropej, ir-Renju ta' Kastilja tilef l-influwenza li kellu qabel. Mis-seklu 18 l-importanza internazzjonali tiegħu marret lura. Wara li l-port insadd bil-ħama mix-xmara Guadalquivir, il-vapuri ma baqgħux jitilgħu max-xmara u l-belt majnat ekonomikament. L-iżvilupp ta' Sivilja tard fis-seklu 19 u kmieni fis-seklu 20 kien ikkaratterizzat minn tkabbir fil-popolazzjoni u fl-industrijalizzazzjoni, b'kuntrast mal-bqija tal-Andalusija.
Sivilja waqgħet malajr ħafna fil-bidu tal-Gwerra Ċivili Spanjola fl-1936. Il-Ġeneral Queipo de Llano b'kolp ta' stat fil-belt, malajr ħa ċ-ċentru tagħha[4]. Radju Sivilja oppona l-kolp u sejjaħ lir-raħħala biex jiġu l-belt għall-armi, filwaqt li xi gruppi ta' ħaddiema waqqfu l-barrikati [4]. De Llano mbagħad ħa f'idejh Radju Sivilja, li uża biex ixxandar il-propaganda favur il-forzi ta' Franco[4]. Wara li ttieħdet il-belt, ir-reżistenza kompliet għal xi żmien fl-inħawi fejn kienu joqgħodu n-nies tal-klassi tax-xogħol, sakemm kien hemm sensiela ta' tpattijiet ħorox[5].
Il-Katidral, il-kastell magħruf bħala Alcázar u l-Archivo de Indias (l-Arkivju tal-Indji) f'Sivilja ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”; il-kriterju (ii) “Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”; u l-kriterju (vi) “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju”.[1]
Fl-1929 Sivilja kienet ospiti għall-Wirja Spanjola-Amerikana u ttella' ħafna bini għall-wirja fil-famuż Park Maria Luisa" (Parque de María Luisa) iddisinjat minn Jean-Claude Nicolas Forestier[8]. Il-Plaza de España fi stil Għarbi, tfasslet minn Aníbal González [9]. Din inbniet f'tarf il-Park bħala vetrina tal-industrija u t-teknoloġija Spanjola..
Il-Mużew tal-Belle Arti ta' Sivilja twaqqaf fl-1835 fejn qabel kien hemm il-Kunvent ta' la Merced. Fih hemm murija ħafna kapulavuri ta' Murillo, Pacheco, Zurbarán, Valdés Leal, u pitturi kbar oħra tal-Iskola Siviljana, flimkien ma' xogħlijiet ta' pitturi Fjammingi tas-sekli 15 u 16.
F'Sivilja hemm ukoll dawn il-mużewijiet:
Fost il-parkijiet u l-ġonna prominenti l-oħra hemm:
Sivilja | ||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Karta klimatika | ||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
| ||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
Sivilja għandha klima Mediterranja b'sajf sħun (CSA fil-Klassifikazzjoni tal-klima ta' Koppen)[10] influwenzata minn klima semiarida (BSH). It-temperatura medja annwali hija ta' 18.6oC.
Medji tat-temperaturi għal Sivilja | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | |
Medja tal-ogħla temperatura °C (°F) | 15.9 (61) |
17.9 (64) |
21.2 (70) |
22.7 (73) |
26.4 (80) |
31.0 (88) |
35.3 (96) |
35.0 (95) |
31.6 (89) |
25.6 (78) |
20.1 (68) |
16.6 (62) | |
Temperatura medja ta' kuljum °C (°F) | 10.55 (51) |
12.3 (54) |
14.7 (58) |
16.4 (62) |
19.75 (68) |
23.85 (75) |
27.35 (81) |
27.25 (81) |
24.55 (76) |
19.55 (67) |
14.7 (58) |
11.75 (53) | |
Medja tal-inqas temperatura °C (°F) | 5.2 (41) |
6.7 (44) |
8.2 (47) |
10.1 (50) |
13.1 (56) |
16.7 (62) |
19.4 (67) |
19.5 (67) |
17.5 (64) |
13.5 (56) |
9.3 (49) |
6.9 (44) | |
Preċipitazzjoni mm (pulzier) | 65 (2.56) |
54 (2.13) |
38 (1.5) |
57 (2.24) |
34 (1.34) |
13 (0.51) |
2 (0.08) |
6 (0.24) |
23 (0.91) |
62 (2.44) |
84 (3.31) |
95 (3.74) | |
Sors #1: Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (ĠM)[11] Awwissu 2010 |
Il-Ġimgħa Mqaddsa u l-Fiera ta' Sivilja, La Feria de Sevilla (imsejħa wkoll il-Feria de Abril, "Fiera ta' April") huma l-aktar ż-żewġ festi magħrufin ta' Sivilja. Sivilja hi magħrufa internazzjonalment għall-purċissjonijiet solenni u sbieħ li jsiru matul il-Ġimgħa Mqaddsa u l-fiera ferrieħa u storbjuża li ssir ġimgħatejn wara. Matul il-Feria, il-familji, in-negozji u l-organizzazzjonijiet iwaqqfu casetas jew tined, fejn jgħaddu l-ġimgħa jiżfnu, jixorbu u jpaċpċu. Tradizzjonalment, in-nisa jilbsu l-ilbies mimli tiżjin tal-Flamenco u l-irġiel jilbsu pulit kemm jistgħu. It-tined jittellgħu f'post permanenti apposta li fih kull triq hija msemmija għal xi torero famuż.
Sivilja hi ċentru gastronomiku, bi kċina bbażata fuq il-prodotti tal-provinċji ta' madwar, inklużi frott tal-baħar minn Cádiz, żejt taż-żebbuġa minn Jaén, u sherry minn Jerez de la Frontera.
L-atmosfera tat-tapas hi waħda mill-attrazzjonijiet kulturali ewlenin tal-belt: in-nies imorru minn bar għall-ieħor, jieħdu pjaċir bl-ikliet fi platti żgħar imsejħin tapas (letteralment "għotjien" bl-Ispanjol x'aktarx għax oriġinalment kienu snacks servuti fi platti żgħar użati biex jgħattu t-tazzi tax-xorb).
Fost l-ispeċjalitajiet lokali insibu frott tal-baħar moqli u mixwi (inklużi klamari, siċċ, pixxispad u mazzola), laħmijiet mixwijin fiz-zlazi, spinaċi u ċiċri, perżut tal-Andalusija (Jamón ibérico), kliewi tal-ħaruf fiz-zalza tax-sherry, bebbux, u gazpacho.
Fost il-ħlewwiet tipiċi ta' din il-provinċja hemm il-polvorones u l-mantecados mill-belt ta' Estepa, tip ta' galettini magħmulin mill-lewż tal-għarusa, zokkor u xaħam, Pestiños, għaġina moqlija miksija bl-għasel, Torrijas, ħobż moqli bl-għasel; fritos Roscos, qagħaq moqlijin fiż-żejt miksijin biz-zokkor, magdalenas jew kejkijiet żgħar; yemas de San Leandro, li jipprovdu l-kunventi tal-belt b'sors ta' dħul, u Tortas de aceite, kejkijiet irqaq magħmulin biż-żejt taż-żebbuġa u miksijin biz-zokkor. Ħlief il-polvorones u l-mantecados, li huma ikel tradizzjonali tal-Milied, l-oħrajn jittiklu matul is-sena kollha.
Il-larinġ ta' Sivilja li jinsab kullimkien mal-belt, hu morr wisq għall-gosti tallum u s-soltu jintuża biss għall-marmellata u l-lozjonijiet. Skont il-leġġenda, is-siġar ġew importati meta mbniet il-moskea sabiex jipprovdu d-dell għaliha u jgħattu r-riħa tal-belt medjevali.
Iż-żifna Sevillanas, li s-soltu hi meqjusa bħala Flamenco, mhijiex maħsuba li hi ta' oriġni Siviljana. Iżda l-kanzunetti tradizzjonali imsejħin Sevillanas huma Siviljani awtentiċi, kif ukoll hi ż-żifna f'erba' partijiet li takkumpanjaha.
Sivilja, u b'mod partikulari il-barrio ta' Triana li hu tradizzjonalment fejn joqgħodu ż-żingari kien ċentru important fl-iżvilupp tal-Flamenco.
"NO8DO" huwa l-motto uffiċjali u wieħed mill-bosta leġġendi ta' Sivilja. Il-motto jdher kullimkien madwar il-belt.
Il-motto huwa rebus, li jikkombina s-sillabi Spanjoli (NO u DO) u disinn bejniethom - il-figura "8". Il-figura tirrappreżenta merilla ħajt, bl-Ispanjol, "madeja". Meta tinqara, "No madeja do" tinstama' "No me ha dejado", li tfisser "(Sivilja) Ma abbandunatnix".
L-istorja ta' kif NO8DO saret il-motto tal-belt bla dubju dejjem iżżejnet matul is-sekli, imma l-leġġenda tgħid li wara r-rikonkwista ta' Sivilja min taħt il-Misilmin fl-1248, ir-Re Ferdinandu III ta' Kastilja u León mexxa l-qorti tiegħu għall-palazz li kien qabel tal-Misilmin, l-Alkażar ta' Sivilja. Wara l-mewt ta' Fernandu fl-Alkażar Irjali, laħaq fuq it-tron, ibnu Alfonsu X. Alfonsu X kien re studjuż, u għalhekk jissejjaħ l-Għaref. Kien poeta, astronomu, astrologu, mużiċista u lingwista. Bin Alfonsu, Sancho IV ta' Kastilja, ipprova jaħtaf it-tron f'idejh minn għand missieru, imma l-poplu ta' Sivilja baqa' leali lejn ir-re l-għaref u dan minn fejn hu ġej NO8DO, skont il-leġġenda, billi Alfonsu X ppremja l-fedeltà tas-Siviljani bil-kliem li issa jidhru fuq l-emblema uffiċjali tal-belt tagħhom.
L-attività ekonomika ta' Sivilja ma tistgħax tinfired mill-kuntest ġeografiku u urban tal-belt; il-belt kapital tal-Andalusija hi ċ-ċentru ta' żona metropolitana li qiegħda tikber. Apparti mill-nħawi tradizzjonali bħal Santa Cruz, Triana u Macarena, dawk aktar 'il bogħod miċ-ċentru, bħal Nervión, Sevilla Este, u El Porvenir reċentement kibru ekonomikament. Matul l-aħħar għoxrin sena, din iż-żona urbana kellha żieda sinifikanti fil-popolazzjoni u fl-iżvilupp ta' żoni industrijali u kummerċjali ġodda.
Minħabba d-daqs u l-post tagħha, Sivilja hi l-aktar b'saħħitha ekonomikament mill-ibliet tal-Andalusija. L-infrastruttura li għandha l-belt tikkontribwixxi għat-tkabbir fl-ekonomija li hi ddominata mis-settur tas-servizzi, iżda li fiha l-industrija għad għandha sehem konsiderevoli.
Fis-snin 1990 kien hemm tkabbir enormi fl-investiment fl-infrastruttura f'Sivilja, l-aktar minħabba li fl-1992 ospitat il-Wirja Universali ta' Sivilja. Dan l-investiment ġab żvilupp ekonomiku fil-belt u fiż-żona urbana tagħha. Il-belt għandha trasport tajjeb għall-bliet l-oħra Spanjoli, inklużi linja tal-ferrovija ta' veloċità għolja (AVE) għall Madrid, u ajruport internazzjonali ġdid.
Barra minn hekk:
Il-belt ta' Sivilja u l-agglomerazzjoni tagħha, minħabba s-sitwazzjoni tagħhom fuq ix-xmara Guadalquivir, għad għandhom attività agrikola ħajja. Waqt li l-industrija agroalimentarja hi produttivia, ir-reġjun ilu hares il-quddiem u jinvesti bil-kbir fl-attivitajiet industrijali, mgħejunin mill-infrastruttura eżistenti. Is-settur tas-servizzi u teknoloġiji ġodda qiegħed dejjem isir iżjed importanti. Fl-2004, f'Sivilja kien hemm ikkonċentrati, 31 % tal-kumpaniji kbar Andalusi u 128 mis-6000, l-akbar kumpaniji nazzjonali. Fl-2005, fiż-żona metropolitana in-numru ta' ħaddiema kien ta' 471,947 ruħ, li minnhom 329,471 (69.81 %) kienu jaħdmu fiċ-ċentru tal-belt.
Il-belt ta' Sivilja tagħmel kontribut sinifikanti għar-riċerka xjentifika, billi fiha hemm l-ewwel u l-akbar bank tal-ADN fi Spanja fi ħdan il-kumpannija lokali Neocodex. Neocodex iżżomm 20,000 kampjun tal-ADN u hi rikonoxxuta internazzjonalment. Barra minn hekk, Sivilja hi meqjusa wkoll bħala ċentru importanti għat-teknoloġija u riċerka fl-oqsma tal-enerġiji rinnovabbli u l-industrija aeronawtika.
Permezz taċ-ċentri ta' teknoloġija għolja u l-kumpaniji innovattivi li fiha, il-belt kapitali tal-Andalusija waslet biex saret fost il-bliet Spanjoli l-aktar importanti fil-qasam ta' żvilupp u riċerka. Barra minn hekk, irridu nżidu l-attività xjentifika u teknoloġika tat-tliet universitajiet ta' Sivilja, li l-laboratorji u ċ-ċentri ta' riċerka tagħhom jaħdmu id f'id mal-kurrent soċjo-ekonomiku lokali. Għaldaqstant, il-Parque Tecnológico Científico Cartuja 93 jiġbor fih xjenzati mis-settur privat u pubbliku f'bosta oqsma ta' riċerka.
Id-direzzjonijiet ewlenin fl-innovazzjoni u r-riċerka huma t-telekomunikazzjoni, it-teknoloġiji ġodda, il-bijoteknoloġiji (f'dak li jirrigwarda problemi speċifiċi fl-agrikoli lokali), l-ambjent u l-enerġija rinnovabbli.
Il-servizz TUSSAM (Transportes Urbanos de Sevilla) jipprovdi xibka ta' rotot tal-karożżi tal-linja mal-firxa tal-belt kif ukoll maż-żoni ta' madwar Sivilja. El Metrocentro Tranvia hija linja tat-tram li tagħmel erba' waqfiet; tibda mill-istazzjon tax-xarabank el Prado, tgħaddi minn quddiem l-Università u l-Katidral, u tieqaf fil-Plaza Nueva fejn terġa' lura.
Fit-2 ta' April, 2009, infetħet l-ewwel linja tal-metrò fil-belt, [19] kważi 28 xahar aktar tard milli kien ippjanat oriġinarjament. Il-proġett esperjenza ħafna dewmien ikkawżat minn diversi raġunijiet, fosthom ir-rilokazzjoni ta' xi sejbiet arkeoloġiċi u l-ħtieġa li l-mina taħt ix-Xmara Guadalquivir tinżel iżjed fil-fond biex żgur li ma tibdiex tnexxi l-ilma.
L-istazzjon tal-ferrovija Santa Justa hu moqdi minn sistema ferrovjarja ta' veloċità għolja AVE u mmexxi mill-kumpanija Renfe li qabel kienet tal-Gvern Spanjol.
Il-programm komunitarju tar-roti Sevici qiegħed jintegra r-rota fin-network tat-trasport pubbliku. Madwar il-belt, hemm roti għall-kiri bi prezz baxx u wieħed jista' jsib passaġġi ħodor għar-roti fil-parti l-kbira tat-toroq ewlenin. Din ix-xibka ta' passaġġi (carriles) qiegħda dejjem tinfirex.
L-Ajruport ta' Sivilja huwa ajruport ta' daqs medju li jservi l-belt u r-reġjun ta' madwarha.
Fi Spanja l-edukazzjoni hi obbligatorja minn 6 snin sa 16-il sena u l-edukazzjoni statali hi b'xejn. Is-sistema ta' edukazzjoni attwali tissejjaħ LOGSE (Ley de Ordenación General del Sistema Educativo).[20]
F'Sivilja hemm bosta universitajiet. L-Università ta' Sivilja, l-Universidad de Pablo Olavide (UPO) u l-Universidad Internacional de Andalucía [21] huma istituzzjonijiet pubbliċi. Barra minn hekk, l-Università Internazzjonali Menéndez Pelayo, ibbażata f' Santander, għandha kampus fergħa f'Sivilja [22].
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.