belt fil-Bavarja, il-Ġermanja From Wikipedia, the free encyclopedia
Regensburg hija belt fil-Lvant tal-Bavarja, fil-konfluwenza tax-xmajjar Danubju, Naab u Regen. Hija l-belt kapitali tas-sottoreġjun Oberpfalz fin-Nofsinhar tal-Ġermanja. B'popolazzjoni ta' iżjed minn 150,000 abitant, Regensburg hija r-raba' l-ikbar belt fl-Istat tal-Bavarja wara Munich, Nuremberg u Augsburg. Mill-istabbiliment tagħha bħala forti imperjali Ruman ta' max-xmara, il-belt kienet iċ-ċentru politiku, ekonomiku u kulturali tar-reġjun tal-madwar; għadha magħrufa fil-lingwi Latini bħala "Ratisbona". Iktar 'il quddiem, taħt it-tmexxija tal-Imperu Ruman Sagru, ospitat id-Dieta Perpetwa ta' Regensburg.
Regensburg | |||
---|---|---|---|
Ġermanja | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Stat sovran | Ġermanja | ||
Federated state of Germany | Bavarja | ||
Regional district in Bavaria | Oberpfalz | ||
Kap tal-Gvern | Gertrud Maltz-Schwarzfischer (en) | ||
Isem uffiċjali | Regensburg | ||
Ismijiet oriġinali | Regensburg | ||
Kodiċi postali |
93047, 93049, 93051, 93053, 93055u 93057 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 49.02°N 12.08°E | ||
Superfiċjenti | 80.85 kilometru kwadru | ||
Għoli | 343 m | ||
Fruntieri ma' | Regensburgu Q854173 | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 157,443 abitanti (31 Diċembru 2022) | ||
Unitajiet domestiċi | 60,905 | ||
Informazzjoni oħra | |||
Kodiċi tat-telefon |
0941 | ||
Żona tal-Ħin | UTC+1u UTC+2 | ||
bliet ġemellati | Aberdeen, Bressanone, Clermont-Ferrand, Plzeň, Odessa, Qingdao, Distrett I ta' Budapestu Tempe | ||
regensburg.de |
Iċ-ċentru Medjevali tal-belt tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006[1] bis-saħħa tal-arkitettura ppreservata sew tagħha, peress li hija l-ikbar belt Medjevali fit-Tramuntana tal-Alpi[2], u l-importanza storika tal-belt għall-assemblej matul l-Imperu Ruman Sagru. Fl-2014, Regensburg kienet fost l-iżjed attrazzjonijiet tal-ivvjaġġar popolari fil-Ġermanja.[3]
L-ewwel insedjamenti fl-inħawi ta' Regensburg imorru lura għal Żmien il-Ħaġar. L-eqdem isem Ċeltiku li ngħata lil insedjament ħdejn Regensburg kien Radasbona, li kien sit fejn għall-ħabta tad-90 W.K. inbena forti Ruman.
Fil-179, inbena forti Ruman kbir ġdid, imsejjaħ Castra Regina ("fortizza max-xmara Regen"), għal-Legio III Italica matul ir-renju tal-Imperatur Marku Awrelju. Kien kamp importanti fl-iżjed punt fit-Tramuntana tad-Danubju; jikkorrispondi għal dik li llum il-ġurnata hija l-qalba taċ-Ċentru Storiku ta' Regensburg jew l-Altstadt fil-Lvant tal-Obere u l-Untere Bachgasse u fil-Punent tax-Schwanenplatz. Huwa maħsub li saħansitra mill-aħħar ta' Żmien ir-Rumani, il-belt kienet is-sede ta' isqof, u San Bonifaċju reġa' stabbilixxa l-Veskovat ta' Regensburg fis-739.
Mill-bidu tas-seklu 6, Regensburg kienet is-sede ta' familja fit-tmun magħrufa bħala l-Agilolfingi. Mill-ħabta tal-530 sal-ewwel nofs tas-seklu 13, kienet il-belt kapitali tal-Bavarja. Regensburg baqgħet belt importanti matul ir-renju ta' Karlu Manju. Fis-792, Regensburg ospitat is-sezzjoni ekkleżjastika tal-Assemblea Ġenerali ta' Karlu Manju, l-isqfijiet fil-kunsill li kkundanna l-ereżija tal-adozzjoniżmu mgħallem mill-kontropartijiet Spanjoli tagħhom, Elipandus ta' Toledo u Felix ta' Urgell. Wara l-qsim tal-Imperu Karolinġju fit-843, il-belt saret is-sede tal-mexxej Frank tal-Lvant, Lwiġi II il-Ġermaniż. Sentejn wara, erbatax-il prinċep tal-Boemja ġew f'Regensburg biex jiġu mgħammda hemmhekk. Il-belt kienet il-punt ta' tluq tal-Kristjanizzazzjoni taċ-Ċeki, u d-djoċesi ta' Regensburg saret id-djoċesi ewlenija tad-djoċesi ta' Praga. Dawn l-avvenimenti kellhom impatt wiesa' fuq l-istorja kulturali tal-artijiet Ċeki, għaliex konsegwentement saru parti mid-dinja Kattolika Rumana u mhux ta' dik Ortodossa-Slavika. Fil-Knisja ta' San Ġwann (fejn allegatament kienu jsiru l-magħmudijiet) ġiet żvelata plakka ta' mafkar xi ftit snin ilu, li tfakkar l-inċident biċ-Ċek u bil-Ġermaniż.
Fit-800 il-belt kellha popolazzjoni ta' 23,000 abitant, u sal-1000 żdiedet għal 40,000 ruħ.[4]
Fit-8 ta' Diċembru 899, Arnulf tal-Karinzja, dixxendent ta' Karlu Manju, miet f'Regensburg.[5]
Fl-1096, fi triqtu lejn l-Ewwel Kruċjata, Pietru l-Eremita mexxa grupp ta' ġellieda tal-kruċjati li ppruvaw iġiegħlu l-konverżjoni tal-massa tal-Lhud ta' Regensburg u qatlu lil dawk li rreżistew.[6]
Bejn l-1135 u l-1146, f'Regensburg inbena l-Pont tal-Ġebel minn naħa għall-oħra tad-Danubju. Dan il-pont fetaħ ir-rotot kummerċjali internazzjonali ewlenin bejn it-Tramuntana tal-Ewropa u Venezja, u dan witta t-triq għall-perjodu tad-deheb ta' Regensburg bħala residenza tal-familji tal-merkanti għonja. Regensburg saret iċ-ċentru kulturali tan-Nofsinhar tal-Ġermanja u kienet iċċelebrata għax-xogħol tad-deheb u għad-drappijiet tagħha.
Fl-1245 Regensburg saret Belt Imperjali Ħielsa u kienet ċentru kummerċjali qabel it-tibdil tar-rotot kummerċjali fil-Medju Evu aħħari. Regensburg dejjem kienet post fejn isiru l-laqgħat internazzjonali. Dan kien il-każ ukoll fl-1471 meta kellha tiġi deċiża gwerra kontra t-Torok. Fl-1486, Regensburg saret parti mid-Dukat tal-Bavarja, iżda l-indipendenza tagħha reġgħet ingħatat mill-Imperatur Ruman Sagru għaxar snin wara. L-ewwel Dieta ta' Regensburg seħħet fl-1541. Il-belt adottat ir-Riformazzjoni Protestanta fl-1542 u l-Kunsill tal-Belt baqa' Luteran għalkollox. Mill-1663 sal-1806, il-belt kienet is-sede permanenti tad-Dieta Imperjali tal-Imperu Ruman Sagru, li saret magħrufa bħala d-Dieta Perpetwa ta' Regensburg. B'hekk, Regensburg kienet waħda mill-bliet ċentrali tal-Imperu, u attirat għadd kbir ta' viżitaturi.
Minoranza tal-popolazzjoni baqgħet Kattolika Rumana, u l-Kattoliċi Rumani ġew miċħuda d-drittijiet ċiviċi (Bürgerrecht). Għalkemm il-belt imperjali kienet adottat ir-Riformazzjoni, il-belt baqgħet is-sede ta' isqof Kattoliku Ruman u ta' diversi abbaziji. Tlieta minnhom, l-Abbazija ta' San Emmeram, l-Abbazija ta' Niedermünster u l-Abbazija ta' Obermünster, kienu kostitwenzi imperjali ħielsa fi ħdan l-Imperu Ruman Sagru, li jfisser li ngħataw siġġu u vot fid-Dieta Imperjali (Reichstag). B'hekk kien hemm is-sitwazzjoni unika li l-belt ta' Regensburg kienet tħaddan ħames "stati" indipendenti (f'termini tal-Imperu Ruman Sagru): il-belt Protestanta nnifisha, il-veskovat Kattoliku Ruman, u t-tliet monasteri. Barra minn hekk, kienet titqies bħala l-belt kapitali tradizzjonali tar-reġjun tal-Bavarja (mhux l-istat), aġixxiet bħala l-kokapitali funzjonali tal-Imperu (it-tieni flimkien mal-qorti tal-Imperatur fi Vjenna) minħabba l-preżenza tad-Dieta Perpetwa, u kienet ir-residenza tal-Kummissarju-Prinċipal tal-Imperatur tal-istess Dieta, li b'eċċezzjoni qasira ħafna kien Prinċep ukoll (għal bosta snin il-Prinċep ta' Thurn u Taxis, residenti fil-belt).
Fl-1803 il-belt tilfet l-istatus tagħha bħala belt imperjali wara l-inkorporazzjoni tagħha fil-Prinċipat ta' Regensburg. Ingħatat lill-Arċisqof-Elettur ta' Mainz u lill-Arċikanċillier tal-Imperu Ruman Sagru Carl von Dalberg bħala kumpens għat-territorju tal-Elettorat ta' Mainz fuq ix-xatt tax-xellug tar-Renu li kien ġie anness minn Franza skont it-termini tat-Trattat ta' Lunéville fl-1801. L-Arċisqof ta' Mainz ġie ttrasferit formalment lejn Regensburg. Dalberg għaqqad il-veskovat, il-monasteri u l-belt innifisha, u sawwar il-Prinċipat ta' Regensburg (Fürstentum Regensburg). Dalberg immodernizza ferm il-ħajja pubblika. B'mod importanti wkoll, huwa ta drittijiet indaqs lill-Protestanti u lill-Kattoliċi Rumani. Fl-1810 Dalberg ċeda Regensburg lir-Renju tal-Bavarja, u hu stess ġie kkumpensat bl-għoti ta' Fulda u ta' Hanau lilu flimkien mat-titlu ta' "Gran Duka ta' Frankfurt".
Bejn id-19 ta' April u t-23 ta' April 1809, f'Regensburg seħħet il-Battalja ta' Ratisbona bejn il-forzi kkmandati minn Henri Gatien Bertrand u Napuljun innifsu u l-forzi Awstrijaki li kienu qed jirtiraw. Il-belt eventwalment ġiet mirbuħa, wara li l-provvisti u l-munizzjon spiċċaw. Il-belt ġarrbet ħsarat estensivi matul il-battalja, u nħarqu madwar 150 dar u oħrajn insterqu. Il-poeżija ta' Robert Browning Inċident fil-Kamp Franċiż tiddeskrivi l-battalja mill-perspettiva Franċiża, iżda hija miżgħuda żbalji storiċi.
Il-komunità Lhudija ġiet ippersegwitata wara li l-Partit Nażista kiseb il-poter fil-Ġermanja fl-1933; bosta Lhud ħarbu fis-snin ta' wara, u oħrajn tkeċċew lejn il-Polonja. Madankollu, bis-saħħa ta' ftehim bejn il-Polonja u l-Ġermanja tħallew jerġgħu lura fil-belt. Fid-9 ta' Novembru 1938, matul il-Kristallnacht, is-Sinagoga ta' Regensburg u diversi djar u ħwienet tal-Lhud inqerdu, u madwar 220 Lhud ġew arrestati, u wħud ġew deportati lejn il-kamp ta' konċentrament ta' Dachau. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, bosta Lhud emigraw lejn diversi pajjiżi u fl-1942, iktar minn 200 Lhud ġew deportati lejn Piaski fil-Polonja okkupata mill-Ġermaniżi jew fil-Getto ta' Theresienstadt fiċ-Ċekoslovakkja okkupata mill-Ġermaniżi. Fl-aħħar xhur tat-Tieni Gwerra Dinjija, f'Marzu u f'April 1945, is-sottkamp ta' Regensburg tal-kamp ta' konċentrament ta' Flossenbürg ġie stabbilit fil-belt, b'460 ħaddiem sfurzat ta' diversi nazzjonalitajiet, 40 minnhom mietu.
Regensburg kienet tospita fabbrika tal-inġenji tal-ajru Messerschmitt Bf 109 u raffinerija taż-żejt, li ġew ibbumbardjati mill-Alleati fis-17 ta' Awwissu 1943, fil-missjoni ta' Schweinfurt-Regensburg, u fil-5 ta' Frar 1945, matul il-Kampanja taż-Żejt tat-Tieni Gwerra Dinjija. Għalkemm iż-żewġ binjiet fil-mira ġarrbu ħsarat estensivi, Regensburg innifisha ġarrbet ftit ħsarat mill-kampanja strateġika ta' bbumbardjar tal-Alleati, u ċ-ċentru storiku Medjevali kważi intatt iktar 'il quddiem tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. It-telfa kulturali l-iktar importanti li ġarrbet il-belt kienet dik tal-Knisja Rumaneska ta' Obermünster, li nqerdet f'attakk mill-ajru f'Marzu 1945 u ma reġgħetx inbniet (il-kampnar baqa' jeżisti). Barra minn hekk, l-irkupru ekonomiku kajman ta' Regensburg wara l-gwerra żgura li l-binjiet storiċi ma twaqqgħux u ma ġewx sostitwiti b'oħrajn iktar ġodda. Meta l-mewġa tar-restawr waslet f'Regensburg fl-aħħar tas-snin 60 tas-seklu 20, il-ħsieb prevalenti kien dak tal-preservazzjoni tal-wirt tal-belt.
Bejn l-1945 u l-1949, Regensburg kienet is-sit tal-ikbar kamp ta' persuni spustjati fil-Ġermanja. Fl-aqwa tiegħu fl-1946-1947, id-distrett tal-ħaddiema ta' Ganghofersiedlung kien jospita kważi 5,000 persuna spustjata u refuġjat Ukreni u 1,000 refuġjat u persuna spustjata mhux Ukreni. Bl-approvazzjoni tal-Gvern Militari tal-Istati Uniti fiż-Żona Amerikana tal-Okkupazzjoni tal-Alleati, Regensburg u kampijiet oħra ta' persuni spustjati organizzaw is-servizz tal-posta tal-kampijiet stess. F'Regensburg, is-servizz postali tal-kamp beda jopera fil-11 ta' Diċembru 1946.
Fil-bidu tas-snin 60 tas-seklu 20, Regensburg investiet ferm fl-infrastruttura teknika u soċjali biex tattira l-industrijay. Is-Siemens kienet l-ewwel kumpanija multinazzjonali li stabbiliet ruħha f'Regensburg, li kien pass sinifikanti fl-iżvilupp tal-blet wara t-Tieni Gwerra Dinijija. Fl-1965 ġiet stabbilita l-Università ta' Regensburg; l-Università tax-Xjenzi Applikati ta' Regensburg ġiet stabbilita fl-1971. It-tieni kumpanija multinazzjonali, il-BMW, waslet fl-1986 u stabbiliet impjant kbir tal-produzzjoni. Mis-snin 90 tas-seklu 20, diversi kumpaniji magħrufa sew tat-teknoloġija avvanzata stabbilew ruħhom f'Regensburg, fosthom Infineon u OSRAM, u dawn ikkontribwew għall-ġid attwali tal-belt.
Fl-1997, Regensburg ingħatat il-Premju Ewropew għall-kisbiet straordinarji tagħha fl-integrazzjoni Ewropea.
Il-Kumitat tal-Wirt Dinji niżżel iċ-Ċentru Storiku ta' Regensburg fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Lulju 2006.[1] Huwa wieħed mill-ikbar ċentri storiċi Medjevali fit-Tramuntana tal-Alpi u huwa ppreservat sew ħafna, tant li l-belt hija mlaqqma bħala "l-iżjed belt fit-Tramuntana tal-Italja". Qrib il-Pont tal-Ġebel, il-belt ta' Regensburg stabbiliet Ċentru tal-Wirt Dinji fis-Salzstadl storiku fl-2007, fejn tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-istorja ta' 2,000 sena ta' Regensburg.
Regensburg tinsab fil-parti l-iktar fit-Tramuntana tax-xmara Danubju f'salib it-toroq ġeoloġiku ta' erba' pajsaġġi distinti:
Regensburg għandha klima li tvarja bejn klima kontinentali umduża (Dfb) u klima oċeanika (Cfb) skont il-klassifikazzjoni ta' Köppen. Filwaqt li t-temperatura medja ta' 8.5 °C (47.3 °F) fil-perjodu mill-1971 sas-sena 2000 kienet kemxejn ogħla mill-medja Ġermaniża (7.8 °C jew 46.0 °F), ħames bliet biss minn 80 belt fil-Ġermanja b'iktar minn 100,000 abitant kienu iksaħ. Il-preċipitazzjoni medja ta' 636 millimetru (25.0 pulzier) fis-sena tvarja kemxejn taħt il-medja Ġermaniża (madwar 700 millimetru jew 28 pulzier). Għall-perjodu mill-1981 sal-2010 it-temperatura u l-preċipitazzjoni medja telgħu sa 8.9 °C (48.0 °F) u 658 millimetru (25.9 pulzier) rispettivament. Peress li din iż-żieda fit-temperatura medja kienet preżenti fil-bliet l-oħra, Regensburg għadha fil-ħames post (flimkien ma' Ingolstadt u Kiel) fil-klassifika msemmija iktar 'il fuq. B'total ta' 1,670 siegħa ta' xemx fis-sena, Regensburg ikollha madwar 120 siegħa ta' xemx iżjed mill-medja Ġermaniża.[7]
L-iżjed xahar sħun tas-sena, bħala medja, huwa Lulju. L-iżjed xahar kiesaħ tas-sena, bħala medja, huwa Jannar.
Data klimatika għal Regensburg | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 2.6
(36.7) |
4.1
(39.4) |
10.5
(50.9) |
17.3
(63.1) |
20.6
(69.1) |
24.2
(75.6) |
26.3
(79.3) |
24.5
(76.1) |
20.6
(69.1) |
14.4
(57.9) |
7.2
(45.0) |
2.9
(37.2) |
14.6
(58.3) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | −2.6
(27.3) |
−2.8
(27.0) |
0.1
(32.2) |
4.4
(39.9) |
8.1
(46.6) |
11.8
(53.2) |
13.6
(56.5) |
12.5
(54.5) |
9.3
(48.7) |
5.1
(41.2) |
1.8
(35.2) |
−1.7
(28.9) |
5.0
(41.0) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 51
(2.0) |
34
(1.3) |
37
(1.5) |
41
(1.6) |
76
(3.0) |
77
(3.0) |
81
(3.2) |
79
(3.1) |
43
(1.7) |
38
(1.5) |
45
(1.8) |
56
(2.2) |
658
(25.9) |
Umdità relattiva medja (%) | 88 | 84 | 78 | 72 | 71 | 71 | 70 | 74 | 79 | 84 | 88 | 89 | 79 |
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar | 44 | 73 | 140 | 194 | 211 | 226 | 240 | 194 | 158 | 105 | 45 | 37 | 1,667 |
Sors 1: L-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija.[8] | |||||||||||||
Sors 2: Is-Servizz Ġermaniż tat-Temp.[9] |
Iċ-Ċentru Storiku ta' Regensburg ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.