park nazzjonali fit-Turkija From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Park Nazzjonali Storiku ta' Göreme (pronunzjata [ˈɟœɾeme]; bit-Tork: Göreme Tarihî Milli Parkı) huwa park nazzjonali fit-Turkija ċentrali. Jokkupa erja ta' kważi 100 km2 u jinsab fil-Provinċja ta' Nevşehir. Sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985 bit-titlu ta' Park Nazzjonali ta' Göreme u s-Siti fil-Blat ta' Cappadocia.[1] Il-park fih pajsaġġ tal-blat li ġie msawwar bl-erożjoni mill-ilma u mir-riħ u fih network ta' insedjamenti antiki interkonnessi taħt l-art.[2]
Il-park nazzjonali jinsab fir-reġjun vulkaniku tal-muntanja Hasan u tal-muntanja Erciyes fl-Anatolja Ċentrali, qrib Ürgüp, Çavuşin u Göreme. Iż-żona tal-park tikkonsisti minn promontorji u għoljiet kbar, li minnhom inixxu n-nixxigħat u x-xmajjar fil-widien ta' madwarhom imsawra bl-ilma, b'xaqlibiet weqfin. Parti minn din iż-żona tikkonsisti minn saffi tal-bażalt u saffi ħoxnin tat-tufu. It-tufu huwa r-riżultat tal-irmied mill-iżbroffi tal-vulkani miljuni ta' snin ilu, li ssolidifika fi blat artab, u minn dak iż-żmien ġie miksi bil-lava ssolidifikata li ffurmat għata protettiva. Din l-għata ġiet imnawra tul il-millenji u ġew iffurmati rdumijiet b'bosta kuluri, torrijiet tal-blat, pilastri tal-blat, blat wieqaf ippuntat u formazzjonijiet tal-blat qishom ċmieni fi ħdan il-park.[2][3] Din iż-żona tesperjenza preċipitazzjoni annwali ta' 380 mm (15-il pulzier) u ma tantx fiha veġetazzjoni għajr fl-inħawi tax-xmajjar.[4]
L-iżjed sinjali bikrin ta' attività monastika f'Cappadocia jmorru lura għas-seklu 4 W.K. meta komunitajiet żgħar li kienu jsegwu t-tagħlim ta' Basileios il-Kbir, l-Isqof ta' Kayseri, bdew jgħixu f'ċelel imħaffrin ġol-blat. Iktar 'il quddiem, il-komunitajiet stkennew flimkien f'villaġġi sħaħ taħt l-art sabiex jevitaw l-attakki mill-Għarab.[1]
In-nies ta' dawn il-komunitajiet sfruttaw il-blat artab tat-tufu biex iħaffru abitazzjonijiet taħt l-art. L-iżjed attività monastika bikrija f'Cappadocia x'aktarx li tmur lura għas-seklu 4 W.K. meta l-ankoriti bdew iħaffru ċ-ċelel ġol-blat. Sabiex jirreżistu kontra l-Għarab, ikkollegaw dawn iċ-ċelel u ħolqu komunitajiet sħaħ taħt l-art, b'kappelli, b'imħażen u b'kwartieri residenzjali. B'dan il-mod ġew żviluppati villaġġi u rħula żgħar sħaħ, u sat-842, il-knejjes ta' taħt l-art kienu qed jiġu mżejna b'mod rikk b'pitturi kkuluriti mal-ħitan.[1]
Illum il-ġurnata n-nies ma għadhomx jgħixu daqshekk fil-fond taħt l-art bħal fl-imgħoddi meta kienu jistaħbew jew jaħarbu mill-għadu. Madankollu, għad hemm nies li jgħixu f'abitazzjonijiet ġo għerien imħaffrin ġol-blat, b'bieb/fetħa għad-dawl tax-xemx fil-pjan terran. B'xorti ħażina nstab li dawk li jgħixu fit-tul f'dawn l-abitazzjonijiet fl-għerien jesperjenzaw inċidenza għolja ta' mesoteljoma, li hija forma ta' kanċer. Din ġiet marbuta mal-inalazzjoni ta' fibri tal-erjonit, li huwa mineral komuni fil-formazzjonijiet tat-tufu.[4]
Il-Park Nazzjonali ta' Göreme u s-Siti fil-Blat ta' Cappadocia ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; u l-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali".[1]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.