From Wikipedia, the free encyclopedia
Fil-futbol, il-gowler jokkupa pożizzjoni li tirrapreżenta l-aħħar linja difensiva bejn l-attakk tat-tim avversarju u l-lasta tat-tim tiegħu. L-irwol primarju tal-gowler hu li jiddefendi l-lasta tat-tim tiegħu u jevita li l-oppożizzjoni tiskorja. Il-gowler huwa l-uniku plejer li għandu permess li jmiss il-ballun b'idejh waqt il-logħba. Madanakollu dan jista' jsir biss fil-kaxxa tal-''penalty''. Kull tim għandu bżonn li jkollu gowler fil-grawnd il-ħin kollu matul il-partita. Jekk gowler ikun imġiegħel li jħalli l-grawnd minħabba li jew ikun weġġa' jew kien imkeċċi, plejer ieħor irid jieħu l-pożizzjoni tiegħu, anki jekk it-tim ma jkollux gowler bħala sostitut u/jew ikunu wżaw is-sostituzzjonijiet kollha.
Meta jingħataw in-numru tal-flokk lill-plejers tat-tim, jekk ma tkunx użata s-sistema tan-numru tal-iskwadra, in-numru 1 hu ġenerlament riservat għall-gowler. Eċċezzjonijiet sinjifikanti jinkludu lill-Arġentin Ubaldo Fillol, li libes in-numru 5 u 7 fit-Tazza tad-Dinja 1978 u fl-1982, u Vítor Baía, il-gowler Portugiż li libes in-numru 99 fl-aħħar parti tal-karriera.
Il-gowler hu figura separata mill-kumplament tat-tim. Minkejja li jkun 'il bogħod mill-azzjoni tal-attakk, hu hu dedikat għall-protezzjoni ta' żona definita tal-grawnd, dik tal-aħħar sittax-il metru ta' logħob, fejn hemmhekk hu hu – jew aħjar, ikun – il-kap assolut. Minkejja li ħafna jaħsbu li l-gowler hu plejer spettakolari u, f'ċertu sensi, drammatiku, kuntrarjament dan l-irwol għandu jittrażmetti trankwilità għad-difiża kollha.
L-ewwel gowler ta' importanza mondjali kien l-Ispanjol Ricardo Zamora, imsejjaħ id-Divin, li kien mogħni bi stil elastiku imma sigur. Wara l-gwerra, gowlers ta' valur kbir kienu s-Sovjetiku Lev Yashin, magħruf aktar bħala il-Brimba Sewda minħabba l-kuluri tal-ilbies tiegħu, l-Ingliż Gordon Banks, magħruf bħala Banks of England, il-Ġermaniż "Sepp" Maier, it-Taljan Dino Zoff u l-Arġentin Ubaldo Matildo Fillol magħruf aktar bħala el Pato (il-papra).
Is-snin sebgħin raw jifjorixxu ġenerazzjoni ta' gowlers tal-istil aktar disinvolt milli dak formali bħal Zoff u Maier. Fost dawn insibu lill-Iżvediż Ronnie Hellström, li kellu teknika kbira madanakollu ma tantx kellu l-aqwa atteġġjamenti kemm ġewwa u barra l-grawnd, u l-Olandiż Jan Jongbloed, famuż li kien iħalli spiss l-lasta u jipproponi l-logħob tiegħu għal sħabu. Fi żmien aktar riċenti, gowler li kien iġib ispirazzjoni u jentużjażma lil sħabu kien il-Kolombjan René Higuita, li fil-grawnd kien jesebixxi xi drabi bil-parata msejjħa "tal-iskorpjun", fejn hu jistrieħ fuq idejh waqt li jolqot il-ballun b'għarqubu.
Minkejja li minn dejjem kien hemm gowlers li kienu speċjalizzati li jagħtu l-penalties, huwa rari li wieħed isib l-isem ta' gowler fil-kategorija tal-gowls skurjati. Aktar rari minn hekk, jekk mhux ukoll singulari, li ssib gowler li skorja f'okkażjonijiet diversi minn penalty. Min-naħa l-oħra, ċerti gowlers bħal Rogério Ceni u José Luis Chilavert huma esperti minn free-kicks. Fil-fatt, Ceni skorja iktar minn 100 gowl għal São Paulo.
L-aktar gowler li qatt sewa flus kien Gianluigi Buffon, meta Juventus kienu ħallsu €52.29 miljun lil Parma. Ir-rekord Brittaniku hu miżmum mill-Ispanjol David de Gea li iffirma ma' Manchester United minn Atlético Madrid għas-somma ta' €22 miljun fl-2011.
L-aktar gowl veloċi skurjat minn gowler kien minn Paul Smith ta' Nottingham Forest wara 23 sekonda, fit-18 ta' Settembru 2007, meta Leicester City qablu li jagħtu gowl lil Nottingham Forest f'partita valida mit-tieni rawnd tal-Football League Cup. Dan wara li l-partita oriġinali kienet abbandunata minħabba li l-plejer ta' City Clive Clarke kien sofra attakk ta' qalb fi tmiem l-ewwel taqsima meta Forest kienu 1–0 minn fuq. Nottingham Forest tilfu l-logħba 3–2.
Xi gowlers saru prominenti minħabba n-numru ta' gowls li skurjaw; per eżempju, José Luis Chilavert hu l-uniku gowler li skorja tripletta f'partita waħda, u dan għamlu permezz ta' tliet penalties. Hu kien espert ukoll fil-free-kicks. Rogério Ceni iżomm ir-rekord tal-ikbar ammont ta' gowls skorjati minn gowler, bil-100 gowl tiegħu jasal fis-27 ta' Marzu 2011.
Il-lista segwenti turi l-aqwa 20 gowler minn sondaġġ tal-IFFHS għall-aqwa gowlers tas-seklu 21 (2001–2011).[1]
Din hi lista tal-aqwa gowlers magħżula mill-IFFHS kull sena mill-1987.[2]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.