From Wikipedia, the free encyclopedia
Id-Dejma kienet milizzja Maltija magħmula min-nies ċivili. L-iżjed referenza bikrija għad-Dejma hi tal-1462[1].
L-attakki mill-furbani kienu xi ħaġa komuni fiż-żmien Medjevali. Dawn mhux biss kienu jaqbdu xi xwieni jew dgħajsa, imma kienu ukoll jinżlu f'xi xatt, joqtlu lil kull min jiqfilhom, u jisirqu dak kollu li jgħodd għalihom u saħansitra jaħtfu ħafna nies u jkaxxkruhom magħhom bħala lsira. Għalhekk il-Maltin kellhom iwaqqfu xi forma ta' difiża.
Lejn l-aħħar tas-seklu 15, l-arkivji Maltin jiddeskrivu żewġ tipi ta' milizzja: L-għassiesa tax-xtut deskritti fil-lista tal-milizzja msejħin "Guardia", "Maħras" jew "Għassa", u l-milizzja ibbażata fil-bliet imsejħa d-"Dejma". Hemm it-tendenza fost l-istoriċi popolari Maltin li jqisu d-Dejma bħala l-veru difensuri tal-gżejjer, però d-Dejma twaqqfet wara l-Guardia. Id-Dejma ssemmiet għall-ewwel darba fl-1462 u tidher li kienet magħmula min-nies li kellhom żiemel u armi u li kienu fewdatarji tal-isqof ta' Malta.
L-ewwel Dejma kienet tal-Imdina, però fl-aħħar tas-seklu 15, erba' rħula kellhom Dejma, kull wieħed immexxi minn kaptan: is-Siġġiewi, in-Naxxar, iż-Żurrieq u n-Nadur f'Għawdex. Skont xiehda f'każ ta' qtil fis-Siġġiewi fl-1473, is-Siġġiewi kellu Dejma ta' 10 min-nies li kienu jservu billejl fil-knisja ta' San Ġwann.[2][3] Fl-1498, tissemma d-Dejma f'Ħaż-Żabbar li tipproteġi r-raħal.[4]
Il-fatt li Dejma hi kelma semitika ma jfissirx li d-Dejma bdiet fi żmien l-Għarab. Aktarx kellha isem Malti billi l-Maltin kellhom jorganizzawha mingħajr l-għajnuna tal-ħakkiema Aragoniżi. Il-milizzja Maltija żviluppat mill-ħtieġa tal-Maltin li jħarsu ruħhom u m'hemm l-ebda xhieda li l-Aragoniżi żviluppawha jew rawmuha bħala istituzzjoni.[5]
Il-Professur Godfrey Wettinger għamel studju intensiv fuq il-listi tal-Milizzja li sab fil-Mużew tal-Katidral tal-Imdina. Dawn għandhom it-titlu Quaternu factu et ordinatu per li nobili capitaneo et Jurati [et] consiglu per la guardia de la hisula de mauta anni XIII Indicionis. Wettinger jirraġuna li l-eqdem kienet tal-1419-1420.[6] Kif għedna iżjed 'il fuq, id-Dejma issemmiet għall-ewwel darba fl-1492 u mela dawn il-listi huma aktarx tal-milizzja li kienet tgħasses ix-xtut.
Dawn il-listi huma importanti għall-Istorja ta' Malta għall-bosta raġunijiet. Il-listi jagħtuna tagħrif dwar kif kienet imqassma l-popolazzjoni Maltija fis-Seklu 15.
Fil-lista tal-1419-20 insibu mniżżlin 1667 raġel. Jekk tgħodd ukoll l-irġiel tal-Birgu li mhumiex fiha tasal għal madwar 2000 raġel. Jekk iżżid ukoll lin-nisa u lit-tfal il-popolazzjoni ta' Malta fl-1419 tasal għal madwar 10,000 ruħ. Il-lista tagħtina ukoll idea tal-ismijiet li kienu jingħataw dak iż-żmien. Il-lista tal-Milizzja fiha madwar 80 isem Nisrani. Bl-isem Antoni nsibu 104 rġiel, b'Johanni 94 u b'Cola 94. Insibu wkoll xi ismijiet strambi bħal Azimundinu, Ansaldinu u Apostoli. Ma jissemmewx Karmenu, Publiju u Ġużeppi nsibuh biss fost il-Lhud u fost dawn kien komuni ħafna. Hemm il-lista ta' żwiemel li kellhom lesti għat-taqbid.
Raħal | Isem antik | Numru ta' rġiel li kellhom żiemel |
Ħal Qormi | Curmi | 15 |
In-Naxxar | Naxaru | 9 |
Ħ'Attard | Atardu | 8 |
Ħal Tarxien | Mitarxen | 2 |
Ħal Għaxaq | Axac | 2 |
L-Imqabba | Micabibe | 1 |
Ħal Safi | Safi | 1 |
Xi osservazzjonijiet li joħorġu mil-lista tal-Milizja:
Il-lista tal-Milizja tiġbor fiha nies minn kull qasam tal-ħajja: Lhud u Insara, bdiewa u bejjiegħa tal-ħwienet, nies tas-sengħa, nutara, sidien ta' għelieqi u sidien fewdali.
Il-kittieb tal-istorja ta' l-Ordni ta' San Ġwann ta' Malta, Giacomo Bosio[7], jagħtina ħjiel fuq id-Dejma fl-1530. Isemmi kif il-Maltin laqgħu lill-Gran Mastru L'Isle Adam fis-26 ta' Ottubru:
Mhux anqas minnn ħames mitt ruħ, il-biċċa l-kbira rġiel bi stallett u sejf fuqhom; ilkoll bil-leħja u mimlija; il-libsa tagħhom geżwira tasal sa rkubbtejhom, miksijin kisja kkutunata bit-tajjar ta' Malta. rashom mgħottija bi brieret, muntieri, li jostrulhom rashom sewwa. |
Mal-miġja tal-Ordni ta' San Ġwann, billi l-milizzja Maltija ma' kinitx istituzzjonalizzata, il-Kavalieri assorbewha bħala parti mid-difiża tagħhom.[8] It-tmexxija kienet f'idejn il-Kavallieri li kienu jorganizzaw u jdaħħlu tibdil kif ikun hemm bżonn. Ir-riġmenti tal-kampanja kollha kienu jaqgħu taħt il-kmand ta' kavallier ta' grad għoli msejjaħ seneskalku.[9]
L-irġiel minn tmintax sa sittin sena kellhom jidħlu fid-dejma u jagħtu sehemhom fid-difiża bilfors. L-armata kienet maqsuma f'għadd ta' ġemgħat daqs kemm kien hemm parroċċi jew irħula dak iż-żmien. F'Settembru ta' kull sena kienu jinħatru l-kaptani tad-Dejma. Bejn dawn kien jitqassam il-ħarsien tax-xtut kollha. Il-kaptan tad-Dejma taż-żwiemel kien magħruf bħala Kavabuzz. In-nobbli, l-kbarat u l-għonja kellhom iżommu żwiemel għat-taqbid. Il-kapijiet tal-familji kellhom iżommu fi djarhom vleġeġ, żbandoli, lanez, sjuf, alabardi, xwabel, puntini u maż-żmien ukoll arkibuġji u joħorġu huma u uliedhom kull meta tissejjaħ in-nafra. In-nafra kienet is-sejħa għat-taqbid.
Id-dmirijiet tal-uffiċjali kellhom id-dover li jgħallmu lis-suldati kif jimmaniġġjaw l-armi sew, jisparaw tajjeb, jirtiraw wara l-ħitan tas-sejjieħ, u joħorġu minn warajhom bl-ordni biex jiffaċċjaw l-għadu. Kellhom ukoll jieħdu s-suldati fuq ix-xtut biex jidraw il-postijiet fejn kien ippjanat li jiġu stazzjonati f'każ ta' attakk. Il-kaptani kienu mistennija li jorqdu fl-irħula tagħhom mill-l ta' Marzu sa l-aħħar ta' Settembru, u jaraw li l-għases isiru kif suppost. L-għassiesa kienu jiġu spezzjonati regolarment, darba mill-kaptani tagħhom u darba mill-kavallerija tal-Ordni li kienu jissejħu "Turkopilieri".[10]
F'xi rħula twaqqfu armeriji fein kienu jinġabru l-armi tal-irħula tal-qrib biex ikunu aktar fiż-żgur u jiżammu f'kundizzjoni tajba. Wieħed mill-fizzjali kien jieħu ħsieb l-armerija u kien ikun hemm ukoll armatur ii jieħu ħsieb li l-armi jkunu servibbli f'każ ta' bżonn.[11]
Matul is-seba' xhur bejn l-ewwel ta' Marzu u l-aħħar ta' Settembru kienu jiżdiedu l-għases ma' bnadi oħra tax-xatt. Ta' min jinnota li fix-xitwa t-tbaħħir kien perikoluż ħafna u għalhekk is-sibbien kienu jnaqqsu mill-attività tagħhom. Għall-istess raġuni t-Torok ma kinux se jissograw jibagħtu armata fix-xitwa. Dawn l-għassiesa kienu jitħallsu żewġ skudi jew skud u nofs fix-xahar. Il-ħlas għall-għassiesa kienu joħorġuh iż-żewġ universitajiet tal-Belt Valletta u tal-lmdina. Mela l-Maltin stess kienu jħallsu għall-għassa madwar arthom.
Fl-l738 id-Dejma kienet maqsuma f'diversi riġmenti. [12] Kien hemm il-kumpaniji tal-ibliet u r-riġmenti tal-kampanja. Dawk tal-kampanja kienu Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ, Birkirkara, Naxxar, Żejtun u Ħal Luqa.
Biex nieħdu eżempju, ir-riġment ta' Ħal Luqa kien jiġbor fih il-kumpaniji ta' sebat irħula: il-Gudja, Ħal-Luqa, iż-Żurrieq, Ħal Safi, l-Imqabba, il-Qrendi u Ħal Kirkop. Dan ir-riġment kien jikkonsisti f'kurunell, tenent kurunell, maġġur u ajjutant tal-maġġur. Taħt dawn l-uffiċċjali għolja kien hemm 78 uffiċċjal ieħor, jiġifieri sitt kaptani, l2-il sotto tenent, l2-il surġent, l2-il sotto surġent, u 36 kapural. Is-suldati kienu 650.[13]
F'każ li jkun mistenni attakk kbir, kien hemm arranġamenti iżjed komplessi. L-ewwel pass kien li s-suldati tad-Dejma kienu jinġabru ħdejn is-Salib tad-Dejma biex jirċievu l-ordnijiet malli jisimgħu il-kanun jew il-qniepen. Dan kien salib fuq kolonna fit-tarf tar-raħal.
Bejn l-1981 u l-1989, taħt gvern Laburista, id-Dejma kienet korp fi ħdan il-Forzi Armati ta' Malta. Dan il-korp, li ġabar fih żewġ korpi, "Dirgħajn il-Maltin" u l-"korp tal-Pijunieri", kien korp tax-xogħol bl-iskop li jgħin fl-infrastuttura ta' Malta.[14]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.