From Wikipedia, the free encyclopedia
Ġorġ Pisani (twieled fis-6 ta' Mejju 1909 – miet fl-24 ta' Frar 1999) kien kittieb Malti.
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Dan l-artiklu jew sezzjoni hu mmarkat għall-kontroll.
Raġuni: Kontentut ikkupjat minn http://www.sanfrangisk.com/15Kultura%20u%20Art/kul24-Gorg%20Pisani.htm
Ipparteċipa fid-diskussjoni u/jew ikkorreġi l-artiklu. |
Ġorġ Pisani jibqa' magħruf l-aktar għall-importanza li jagħti lil Għawdex bħala post sabiħ u mimli sliem. Waqt li jitkellem dwar bosta problemi soċjali u umani, l-aħjar xogħlijiet tiegħu huma mnebbħa mill-imqades u mill-imkejjen tal-qedem. Aktarx għalhekk li Ġużè Chetcuti jsejjaħlu "[i]l-poeta tal-istorja" għax għadd ġmielu ta' poeżiji li kiteb għandhom tema preistorika bħal Ħaġar Qim, il-Ġgantija t'Għawdex u Għar Dalam. Imma kien magħruf ukoll bħala l-poeta taż-żgħożija, kif kiteb il-Professur Ġużè Aquilina fl-1945 fil-prefazju tal-ktieb ta' Pisani, Il-Għid taż-Żgħożija – "Tneħħi… l-waqtiet suwed ta' qtigħ il-qalb jew disperazzjoni, l-akbar motiv tal-poeżija ta' Pisani tibqa' ż-żgħożija qalbiena li tħares 'il quddiem mimlija ħeġġa u mgħaġġla fit-tiġrija tal-ħajja."
Ġorġ Pisani twieled ir-Rabat, minn Pawlu, negozjant tal-inbid Għawdxi, u Tereża mwielda Calleja, Maltija, li kienet tgħix Għawdex flimkien mal-familtha. Għex it-tfulija tiegħu f'dar kbira fi Triq it-Tiġrija, illum magħrufa bħala Triq ir-Repubblika, li tista' tgħid hi l-arterja prinċipali tal-gżira. Ċensu Tabone li sar President tar-Repubblika ta' Malta, kien kuġinuh u kien joqgħod bieb ma bieb miegħu. Attenda l-iskola primarja tal-Gvern, imbagħad daħal il-Liċeo t'Għawdex.
Fl-adoloxxenza, Pisani ħass is-sejħa reliġjuża u beda n-novizzjat mal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini. Fl-Ordni Franġiskan, Pisani kellu l-isem ta' Fra Alipju. Hemmek huwa għamel studji avvanzati fil-letteratura klassika u t-teoloġija. Kien f'dan iż-żmien li beda jikteb poeżiji bil-Malti fir-rivista tal-Franġiskani Kapuċċini L-Immakulata. Iżda dan ma' kienx l-ewwel attentat għall-kitba tal-poeżija ta' Pisani. Huwa stess jistqarr li l-ewwel attentat ta' poeżija tiegħu kienet “sunett” tal-festa fl-okkażjoni tal-festa tal-Assunta. Kien ghamillu inkoraġġiment sabiex jikteb, Monsinjur Luigi Vella, rumanzier, poeta, teologu u kittieb Għawdxi.
Wara li ħalla l-kunvent, Pisani beda l-karriera tiegħu ta' għalliem. F'dan iż-żmien ikkolabora ma' E.B. Vella fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex jinġabar materjal didattiku ghall-kotba tat-tgħalim tal-Malti Ġabra ta' Ward li gew stampati fl-1930. Pisani nħatar l-ewwel surmast tal-Malti fil-Liċeo t'Għawdex fl-1935. Kien f'dan l-istess żmien li Ġorġ Pisani introduċa l-istudju tal-Malti fis-Seminarju t'Għawdex u fl-1936 introduċa t-tagħlim tal-Malti lill-għalliema Għawdxin tal-iskejjel primarji. Fl-1935 inħatar l-ewwel surmast tal-Malti fil-Liċeo.
Fl-1940 daħal jaħdem bħala traduttur u aktar tard bħala ko-editur tal-Information Service Bulletin bil-Malti fl-Uffiċċju tal-Informazzjoni, il-Belt Valletta. Fl-istess żmien għallem it-Taljan u l-Malti fl-iskola sekondarja tal-Bniet, fil-Belt u lill-istudenti bniet tas-Sacred Heart f'San Ġiljan. Ġorġ Pisani sar Assistent Uffiċjal tal-Informazzjoni għal Għawdex fl-1942, u ħmistax-il sena wara laħaq Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi. Fl-1957 sar l-ewwel Uffiċjal għall-Informazzjoni.
Fl-4 ta' Novembru 1963 Pisani żżewweġ lil Mary Rose Formosa u kellhom tifel wieħed. Pisani baqa' fis-servizz mal-gvern sa Ġunju 1972.
Ġorġ Pisani miet ta' disgħin sena wara ħajja twila mimlija attività fil-ħajja kulturali Għawdxija.
Pisani miss bosta fergħat tal-letteratura:
Wara mewtu, fis-sena 2000, il-Professur Oliver Friggieri ħareġ antoloġija mill-kotba kollha ta' Pisani bl-isem Ġorġ Pisani - Poeżiji.
Pisani rebaħ għadd ta' premjijiet letterarji, fosthom dawk imnedija mill-Għaqda tal-Malti għal-Leħen il-Malti u l-Pronostku Malti fl-ewwel snin tat-tletinijiet. Fl-1977 ħa l-ewwel post fil-Malta Literary Award għar-rumanz Beraq u Qawsalli u sitt snin wara t-tieni post bir-rumanz Żerniq fuq l-Għoljiet. Ingħata l-premju Città di Valletta fl-1983 u f'għeluq it-tmenin sena tiegħu l-Akkademja tal-Malti tatu ġieh f'lejla mużiko-letterarja.
Fl-2001, twaqqaf monument bl-istatwa ta' Ġorġ Pisani fi Triq Putirjal, ir-Rabat, Ghawdex. L-istatwa tal-bronż hija x-xogħol tal-iskultur Alfred Camilleri Cauchi.
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.