Università Nazzjonali Awtonoma tal-Messiku
università fil-Belt tal-Messiku, il-Messiku / From Wikipedia, the free encyclopedia
L-Università Nazzjonali Awtonoma tal-Messiku jew l-UNAM (bl-Ispanjol: Universidad Nacional Autónoma de México, UNAM) hija università pubblika tar-riċerka fil-Belt tal-Messiku, il-Messiku. B'mod konsistenti tiġi kklassifikata bħala waħda mill-aqwa universitajiet fl-Amerka Latina[1][2][3], fejn hija wkoll l-ikbar f'termini ta' ammont ta' studenti.[4] Parti mill-kampus prinċipali tal-UNAM fil-Belt tal-Messiku, magħrufa bħala Ciudad Universitaria (Belt Universitarja), hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[5] Din il-parti ġiet iddisinjata minn uħud mill-iżjed arkitetti rinomati tal-Messiku tas-seklu 20 u ospitat il-Logħob Olimpiku tas-sajf tal-1968. Fil-kampus prinċipali ġew impittra affreski minn uħud mill-iżjed artisti rinomati fl-istorja tal-Messiku, fosthom Diego Rivera u David Alfaro Siqueiros. B'rati ta' aċċettazzjoni li normalment ikunu taħt l-10 %, l-UNAM hija magħrufa wkoll għall-proċess ta' aċċettazzjoni kompetittiv tagħha.[6] Ir-rebbieħa Messikani kollha tal-Premju Nobel kienu studenti jew għallmu fl-UNAM.[7]
L-UNAM ġiet stabbilita fil-forma moderna tagħha fit-22 ta' Settembru 1910 minn Justo Sierra[8][9][10][11] bħala alternattiva lajka għall-predeċessur tagħha, l-Università Rjali u Papali tal-Messiku (l-ewwel università bl-istil tal-Punent fl-Amerka ta' Fuq, stabbilita fl-1551).[12][13] L-UNAM kisbet awtonomija amministrattiva mill-gvern fl-1929. Dan wassal biex l-università jkollha l-libertà li tiddefinixxi l-kurrikulu tagħha stess u tamministra l-baġit tagħha mingħajr l-interferenza tal-gvern. Dan kellu effett qawwi fuq il-ħajja akkademika fl-università, fejn uħud isostnu li ta spinta lil-libertà u lill-indipendenza akkademika.[14] L-UNAM kienet ukoll il-post fejn twieled il-moviment tal-istudenti tal-1968.[15]