![cover image](https://wikiwandv2-19431.kxcdn.com/_next/image?url=https://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/3/38/Tutanchamun_Maske.jpg/640px-Tutanchamun_Maske.jpg&w=640&q=50)
Tutankhamun
faragħun Eġizzjan tat-18-il dinastija Eġizzjana / From Wikipedia, the free encyclopedia
Tutankhamun (/ˌtuːtənkɑːˈmuːn/, bl-Eġizzjan Antik: twt-ꜥnḫ-jmn; bil-pronunzja Eġittoloġika: Tutankhamen; /ˌtuːtənˈkɑːmɛn/; twieled għall-ħabta tal-1341 Q.K. – miet għall-ħabta tal-1323 Q.K.), spiss imlaqqam ir-Re Tut, kien faragħun tal-Eġittu Antik u kien l-aħħar wieħed mill-familja rjali tiegħu li rrenja matul l-aħħar tat-18-il dinastija (irrenja mill-1332 Q.K. sal-1323 Q.K. skont il-kronoloġija konvenzjonali) matul ir-Renju l-Ġdid tal-istorja Eġizzjana. Missieru jingħad li kien il-faragħun Akhenaten, identifikat bħala l-mumja li nstabet fil-qabar KV55. Ommu kienet oħt missieru, identifikata permezz tal-ittestjar tad-DNA bħala mumja mhux magħrufa mlaqqma bħala "Is-Sinjura ż-Żgħira" li nstabet fil-qabar KV35.
Tutankhamun | |||
---|---|---|---|
![]() | |||
1332 "BCE" - 1323 "BCE" ← Smenkhkare, Neferneferuaten - Ay → | |||
Ħajja | |||
Isem propju | Tutankhaten | ||
Twelid | Amarna, c. 1341 BC | ||
Nazzjonalità | Renju Ġdid tal-Eġittu | ||
Residenza | unknown value | ||
Mewt | Memphis, 1323 "BCE" | ||
Post tad-dfin | Qabar KV62 | ||
Kawża tal-mewt | kawżi naturali (malarja) | ||
Familja | |||
Missier | Akhenaten | ||
Omm | The Younger Lady | ||
Konjuga/i | Ankhesenamun | ||
Ulied |
uri
| ||
Aħwa | |||
Tribù | Tmintax-il Dinastija tal-Eġittu | ||
Edukazzjoni | |||
Lingwi |
Middle Egyptian (en) ![]() | ||
Okkupazzjoni | |||
Okkupazzjoni | mexxej |
Tutankhamun tela' fuq it-tron meta kellu tmien snin jew disa' snin taħt il-viżier tas-suċċessur eventwali tiegħu, xi ħaġa li kienet bla preċedent. Dan il-viżier kien Ay, u x'aktarx kien jiġi minnu. Huwa żżewweġ lill-oħtu tar-rispett Ankhesenamun. Matul iż-żwieġ tagħhom tilfu żewġt ibniet, waħda wara ħames jew sitt xhur ta' tqala u l-oħra ftit wara t-twelid wara tqala sħiħa. L-ismijiet tiegħu — Tutankhaten u Tutankhamun — jingħad li jfissru "Xbiha ħajja ta' Aten" u "Xbiha ħajja ta' Amun", u Aten ġiet sostitwita b'Amun wara l-mewt ta' Akhenaten. Għadd żgħir ta' Eġittologi, inkluż Battiscombe Gunn, jemmnu li t-traduzzjoni jaf hija żbaljata u fil-fatt għandha tkun "Il-ħajja ta' Aten hija sodisfaċenti" jew, skont il-Professur Gerhard Fecht, "Wieħed li għex ħajja perfetta huwa Aten".
Tutankhamun reġa' stabbilixxa r-reliġjon tal-Eġittu Antik wara li kienet ġiet xolta minn missieru, arrikkixxa u ta lill-ordnijiet tal-qassisin żewġ setet importanti u beda jirrestawra monumenti antiki li kienu ġew danneġġati matul il-Perjodu ta' Amarna preċedenti. Huwa ttrasferixxa l-fdalijiet ta' missieru fil-Wied tar-Rejiet u ttrasferixxa wkoll il-belt kapitali minn Akhetaten għal Tebe. Tutankhamun kien fiżikament diżabbli b'deformità f'siequ x-xellugija u kellu nekrożi tal-għadam, u minħabba f'hekk kellu juża bastun, fil-fatt instabu diversi bsaten fil-qabar tiegħu. Huwa kellu problemi oħra tas-saħħa, fosthom l-iskoljożi u kien laqqat diversi tipi ta' malarja.
L-iskoperta tal-1922 minn Howard Carter tal-qabar kważi intatt ta' Tutankhamun, fl-iskavi ffinanzjati minn Lord Carnarvon, dehret fl-istampa dinjija. B'iżjed minn 5,000 artefatt, qanqlet interess pubbliku mġedded fl-Eġittu Antik, u l-maskra ta' Tutankhamun, li issa tinsab fil-Mużew Eġizzjan fil-Kajr, għadha simbolu popolari. L-imwiet ta' wħud li kienu involuti fl-iskoperta tal-mumja ta' Tutankhamun qanqlu l-għajdut li kien hemm xi seħta tal-faragħuni. Mill-iskoperta tal-qabar intatt tiegħu, ġie mlaqqam bħala r-"Re Tut".
Ftit mit-teżori tiegħu vvjaġġaw mad-dinja kollha u kisbu rispons bla preċedent. Il-Kunsill Suprem Eġizzjan tal-Antikitajiet ippermetta li jsiru tours mill-1962 bil-wirja fil-Louvre f'Pariġi, Franza, segwit mill-Mużew tal-Arti Muniċipali ta' Tokyo, il-Ġappun. Il-wirjiet attiraw miljuni ta' viżitaturi. Il-wirja bejn l-1972 u l-1979 intweriet fl-Istati Uniti, fl-Unjoni Sovjetika, fil-Ġappun, fi Franza, fil-Kanada, u fil-Punent tal-Ġermanja. Ma reġax hemm wirjiet internazzjonali qabel l-2005-2011. Din il-wirja kienet tinkludi l-predeċessuri ta' Tutankhamun mit-18-il dinastija, fosthom Hatshepsut u Akhenaten, iżda ma kinitx tinkludi l-maskra funebri tad-deheb. It-tour tat-teżori tal-2019-2022 beda f'Los Angeles u se jintemm fl-2022 fil-Mużew Eġizzjan il-ġdid fil-Kajr, li għall-ewwel darba se jkun qed juri l-kollezzjoni sħiħa ta' Tutankhamun, miġbura flimkien mill-mużewijiet u mill-imħażen kollha tal-Eġittu.