sit arkeoloġiku fl-Etjopja From Wikipedia, the free encyclopedia
Tiya huwa sit arkeoloġiku fl-Etjopja ċentrali. Jinsab f'Soddo Woreda, fiż-Żona ta' Gurage tar-Reġjun tan-Nazzjonijiet, Nazzjonalitajiet u Popli tan-Nofsinhar fin-Nofsinhar ta' Addis Ababa. Huwa magħruf l-iktar għall-ħaġar wieqaf kbir, li ħafna minnhom għandhom xi forma ta' tiżjin. Is-sit arkeoloġiku ta' Tiya tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980, minħabba n-natura unika tal-monumenti monolitiċi tiegħu.[1]
Skont Joussaume (1995), li mexxa x-xogħol arkeoloġiku f'Tiya, is-sit arkeoloġiku huwa relattivament reċenti. Imur lura għal perjodu ta' żmien bejn is-sekli 11 u 13 W.K.[2] Sorsi oħra jsostnu li l-kostruzzjoni tal-isteli tmur lura għal xi żmien bejn is-sekli 10 u 15 W.K. Madankollu, il-kostruzzjoni tal-ħaġar megalitiku fl-Etjopja hija tradizzjoni tal-qedem ħafna, u bosta monumenti simili jmorru lura għal qabel l-Era Komuni.[3]
Il-menħir jew steli fis-sit arkeoloġiku ta' Tiya, "li 32 minnhom huma mnaqqxa b'simboli enigmatiċi, l-iktar xwabel", x'aktarx li jimmarkaw kumpless funebri preistoriku kbir.[4] Spedizzjoni etnografika Ġermaniża żaret is-sit f'April 1935, u xi siegħa 'l bogħod lejn in-Nofsinhar tal-kamp tal-karovani sabet il-ħaġar monolitiku bis-simbolu tax-xwabel, li kienu ntlemħu qabel minn Neuville u Père Azaïs.[5]
Fost is-sejbiet fis-superfiċe ta' Tiya kien hemm għażla ta' għodod ta' Żmien il-Ħaġar Nofsani li teknoloġikament huma simili għall-għodod li nstabu f'Gademotta u f'Kulkuletti. Minħabba proċess uniku tal-produzzjoni fejn kienu jintużaw l-hekk imsejħa "nefħiet", l-għodod ta' Tiya jaf imorru lura għall-istess żmien taż-żewġ siti l-oħra. Barra minn hekk, permezz tal-iskavi arkeoloġiċi f'Tiya nstabu wkoll xi oqbra.[6]
Is-Sit Arkeoloġiku ta' Tiya ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Is-sit arkeoloġiku ta' Tiya huwa wieħed minn disa' siti tal-ħaġar megalitiku fiż-Żona ta' Gurage. Mill-1997 ġew irrapportati 118-il steli fl-inħawi. Flimkien mal-isteli fiż-Żona ta' Hadiya, l-istrutturi jiġu identifikati mir-residenti lokali bħala Yegragn Dingay jew "ħaġar ta' Gran", b'referenza għall-Imam Ahmad ibn Ibrahim al-Ghazi (Ahmad "Gurey" jew "Gran"), il-mexxej tas-Sultanat ta' Adal.
L-isteli ta' Gurage huma maqsuma fi tliet tipi: l-isteli antropomorfiċi b'figuri umani, l-isteli falliċi, u steli oħra mhux antropomorfiċi u mhux falliċi. L-isteli antropomorfiċi u mhux antroporfiċi/mhux falliċi għandhom għamla ċatta, u huma l-unika steli b'din l-għamla fir-reġjun tan-Nofsinhar. Il-biċċa l-kbira ta' dawn l-isteli, inkluż is-46 tas-sit arkeoloġiku ta' Tiya, li huma l-ikbar fost l-isteli
kollha, għandhom ukoll tiżjin elaborat u distintiv. Fost dawn id-disinni hemm xwabel, simboli qishom pjanti, u figura umana bilwieqfa b'dirgħajh fil-pożizzjoni akimbo. L-emblemi tal-pjanti u tax-xwabel jinsabu fuq l-istess steli. Jingħad li d-disinn tax-xwabel huwa tat-tip "Galla" lokali, kif prodott mill-poplu Oromo. Barra minn hekk, il-ħaġar ta' Tiya spiss għandhom simbolu b'għamla tal-ittra T.
L-isteli fis-sit arkeoloġiku ta' Tiya u żoni oħra fl-Etjopja ċentrali huma simili għal dawk tul ir-rotta bejn il-Belt ta' Djibouti u Loyada fil-Djibouti. F'din iż-żona tal-aħħar, hemm għadd ta' steli antropomorfiċi u falliċi li huma assoċjati ma' oqbra b'għamla rettangolari b'ħaġar vertikali maġenbhom. L-isteli ta' Djibouti u ta' Loyada saru għall-ħabta tal-istess żmien, u wħud minnhom huma mżejna b'emblema analoga bl-għamla tal-ittra T.[7][8][9][10][11]
Ma tantx saret wisq riċerka fis-sit arkeoloġiku ta' Tiya, u hemm diversi diffikultajiet fil-fehim ta' dawn it-tipi ta' siti minn perspettiva arkeoloġika. L-ewwel nett, diffiċli li tiġi ddeterminata l-identità tal-bennejja megalitiċi abbażi tal-ħaġar megalitiku biss. It-tieni, l-arkeologi ħabblu rashom mhux ftit bir-rikostruzzjoni ta' kronoloġiji etniċi abbażi ta' rakkonti storiċi bil-fomm, iżda f'bosta każijiet dawn mhumiex disponibbli jew mhumiex informattivi.[12]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.