![cover image](https://wikiwandv2-19431.kxcdn.com/_next/image?url=https://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/e/ea/Tiryns_-_Cyclopean_masonry.jpg/640px-Tiryns_-_Cyclopean_masonry.jpg&w=640&q=50)
Tiryns
belt antika u sit arkeoloġiku fil-Greċja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Tiryns (pronunzjata /ˈtɪrɪnz/ jew /ˈtaɪrɪnz/; bil-Grieg Antik: Τίρυνς; bil-Grieg Modern: Τίρυνθα) huwa sit arkeoloġiku tal-perjodu ta' Mycenae li jinsab f'Argolis fir-reġjun Peleponniż tal-Greċja, u huwa l-post li skont il-leġġenda l-eroj mitoloġiku Erakle wettaq it-Tnax-il Sfida tiegħu.
![Thumb image](http://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/e/ea/Tiryns_-_Cyclopean_masonry.jpg/640px-Tiryns_-_Cyclopean_masonry.jpg)
Tiryns kien forti fuq għolja b'okkupazzjoni li tmur lura sebat elef sena, saħansitra qabel il-bidu ta' Żmien il-Bronż. Laħaq il-qofol tal-importanza tiegħu bejn l-1400 u l-1200 Q.K., meta sar wieħed mill-iżjed ċentri importanti tad-dinja ta' Mycenae, u b'mod partikolari f'Argolis. L-iktar karatteristiċi notevoli tiegħu kienu l-palazz, il-mini Ċiklopiċi, u speċjalment is-swar tiegħu, li wasslu għall-epitet Omeriku tal-belt ta' "Tiryns setgħana mdawra bis-swar". Tiryns sar assoċjat mal-miti dwar Erakle, bħala l-belt li kienet ir-residenza tal-eroj fejn wettaq l-isfidi tiegħu, u xi sorsi jikkwotaw il-belt bħala l-post fejn twieled.[1]
Il-megaron famuż tal-palazz ta' Tiryns għandu sala kbira ta' lqugħ, u l-kamra prinċipali tiegħu kellha tron mal-ħajt tal-lemin u fuklar ċentrali b'erba' kolonni tal-injam maġenbu bi stil Minoan li kienu jservu bħala riffieda għas-saqaf. Żewġ ħitan minn tlieta tal-megaron kienu inkorporati f'tempju arkajku ta' Hera.
Is-sit qabad it-triq tan-niżla fl-aħħar tal-perjodu ta' Mycenae, u kien ġie abbandunat għalkollox sa żmien iż-żjara ta' Pausanias fis-seklu 2 W.K. Dan is-sit, li ġie skavat minn Heinrich Schliemann fl-1884-1885, għadu fil-mira ta' skavi kontinwi mill-Istitut Arkeoloġiku Ġermaniż f'Ateni u mill-Università ta' Heidelberg.
Fl-1300 Q.K., iċ-ċittadella u r-raħal ta' taħtha kellhom popolazzjoni ta' 10,000 ruħ fuq spazju ta' 20-25 ettaru. Minkejja l-qerda tal-palazz fl-1200 Q.K., il-popolazzjoni tal-belt baqgħet tikber u sal-1150 Q.K. il-popolazzjoni kibret għal 15,000 ruħ.[2][3][4]
L-UNESCO ddeżinjat lil Tiryns u Mycenae bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-1999.[3][5]