Tinqix ta' Bisotun
tinqix fuq il-blat f'Bisotun / From Wikipedia, the free encyclopedia
It-Tinqix ta' Bisotun (magħruf ukoll bħala t-Tinqix ta' Behistun, Bisitun jew Bisutun; bil-Persjan: بیستون; bil-Persjan Antik: Bagastana, li tfisser "post Alla") huwa tinqix irjali tal-Akemenidi b'kitba multilingwi u riljievi kbir fuq il-blat ta' rdum fl-Għolja ta' Bisotun fil-Provinċja ta' Kermanshah, qrib il-belt ta' Kermanshah fil-Punent tal-Iran, li ġie stabbilit minn Darius il-Kbir (li rrenja mill-522 sal-486 Q.K.). Kien importanti biex tiġi ddeċifrata l-kitba kunejformi, peress li fih l-itwal kitba kunejformi trilingwi magħrufa, miktuba bil-Persjan Antik, bl-Elamit u bil-Babiloniż (varjetà tal-Akkadjan).
L-awtur tat-tinqix kien Darius il-Kbir f'xi żmien bejn l-inkurunament tiegħu bħala re tal-Imperu Persjan fis-sajf tal-522 Q.K. u mewtu fil-ħarifa tal-486 Q.K. It-tinqix jibda b'awtobijografija qasira dwar Darius, u jinkludi tagħrif dwar l-antenati u l-arblu tar-razza tiegħu. Iktar 'il quddiem qalb it-tinqix, Darius jirrakkonta fit-tul sekwenza ta' avvenimenti li seħħew wara l-mewt ta' Cambyses II fejn huwa ġġieled dsatax-il battalja fi żmien sena (li ntemmet f'Diċembru 521 Q.K.) biex irażżan diversi rewwixti li feġġew madwar l-Imperu Persjan. It-tinqix jiddikkjara fid-dettal li r-rewwixti ġew orkestrati minn diversi imposturi u oħrajn li kkonfoffaw magħhom f'bosta bliet madwar l-imperu, u kull wieħed minnhom taparsi pproklama lilu nnifsu re matul it-taqbid wara l-mewt ta' Cambyses II. Darius il-Kbir ipproklama lilu nnifsu rebbieħ fil-battalji kollha matul il-perjodu tar-rewwixti, u attribwixxa s-suċċess tiegħu lill-"grazza ta' Ahura Mazda".
It-tinqix huwa twil madwar 15-il metru (49 pied), wiesa' 25 metru (82 pied) u għoli 100 metru (330 pied) fuq irdum tal-ġebla tal-ġir qrib triq antika li kienet tikkollega l-bliet kapitali tal-Babilonja u ta' Ecbatana. Il-kitba mnaqqxa bil-Persjan Antik fiha 414-il linja f'ħames kolonni; il-kitba mnaqqxa bl-Elamit fiha 260 linja fi tmien kolonni, u l-kitba mnaqqxa bil-Babiloniż fiha 112-il linja.[1][2] Kopja tal-kitba mnaqqxa bl-Aramajk, miktuba matul ir-renju ta' Darius II, instabet fl-Eġittu.[3] Flimkien mal-kitba mnaqqxa kien hemm it-tinqix ta' bassoriljiev ta' Darius I il-Kbir ta' daqs reali, b'qaws f'idejh bħala sinjal li hu re, b'siequ x-xellugija fuq sider figura li tinsab taħtu. Din il-figura x'aktarx li kienet l-avversarju tiegħu, Gaumata. Maġenb Darius jidhru żewġ qaddejja fuq ix-xellug, u disa' figuri ta' metru fuq il-lemin, b'idejhom marbutin u b'mażra ma' għonqhom, li jirrappreżentaw il-popli maħkuma. Fuq nett jidher Faravahar, li qed ibierek lir-re. Figura partikolari milli jidher ġiet miżjuda wara li l-oħrajn kienu tlestew, l-istess bħad-daqna ta' Darius, li hija blokka separata tal-ġebel imwaħħla bl-imsiemer tal-ħadid u ċ-ċomb.