Siti preistoriċi bil-puntali madwar l-Alpi
sensiela ta’ siti preistoriċi bil-puntali qrib l-Alpi li huma Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti preistoriċi bil-puntali madwar l-Alpi huma sensiela ta’ insedjamenti preistoriċi (jew djar) bil-puntali fl-Alpi jew madwar iż-żona tal-Alpi li nbnew bejn il-5000 u l-500 Q.K. fix-xtut tal-lagi u tax-xmajjar jew fl-artijiet mistagħdra. Fl-2011, 111-il sit li jinsabu mifruxin fl-Iżvizzera (56), fl-Italja (19), fil-Ġermanja (18), fi Franza (11), fl-Awstrija (5), u fis-Slovenja (2) tniżżlu fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Fis-Slovenja, iż-żewġ siti preistoriċi kienu l-ewwel Sit ta’ Wirt Dinji kulturali.[2]
Mill-iskavi li twettqu f’uħud mis-siti nstabet evidenza rigward il-ħajja preistorika u l-mod kif il-komunitajiet tal-qedem kienu jinteraġixxu mal-ambjent tagħhom fiż-Żmien Neolitiku u fi Żmien il-Bronż fl-Ewropa Alpina. Dawn l-insedjamenti huma grupp uniku ta’ siti arkeoloġiċi kulturali li huma ppreservati pjuttost tajjeb, li jikkostitwixxu wieħed mill-iktar sorsi importanti għall-istudju tas-soċjetajiet agrarji bikrin fir-reġjun.[1]
Kuntrarjament għat-twemmin komuni, l-insedjamenti bil-puntali ma kinux mibnija fuq l-ilma iżda fuq l-art bassasa fil-qrib. Kienu mibnija fuq il-puntali biex ikunu protetti kontra l-għargħar okkażjonali. Minħabba li l-lagi kibru fid-daqs tagħhom tul is-snin, ħafna mill-puntali oriġinali issa jinsabu taħt l-ilma, li spiss iwasslu biex l-osservaturi moderni jkollhom l-impressjoni żbaljata li minn dejjem kienu hekk.[1]