kumpless idrawliku f'Shushtar, l-Iran From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Sistema Idrawlika Storika ta' Shushtar (bil-Persjan: سازههای آبی شوشتر) hija sistema kumplessa tal-irrigazzjoni tal-belt-gżira ta' Shushtar minn żmien is-Sassanidi. Tikkonsisti minn 13-il diga, pont, kanal u struttura li jaħdmu flimkien bħala sistema idrawlika.
Din is-sistema tinsab fil-Provinċja ta' Khuzestan, l-Iran.[1] Tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2009.[2] Dan il-kapulavur tal-inġinerija huwa uniku kemm fl-Iran kif ukoll fid-dinja. Is-Sassanidi, li l-ekonomija tagħhom kienet tiddependi l-iktar fuq l-agrikoltura, żviluppaw sistemi estensivi tal-irrigazzjoni f'dan ir-reġjun.
L-infrastruttura kienet tinkludi mtieħen tal-ilma, digi, mini u kanali. Il-Pont-Diga ta' Gargar inbena fuq l-imtieħen tal-ilma u l-kaskati. Il-Kanal ta' Bolayti jinsab fuq in-naħa tal-Lvant tal-imtieħen tal-ilma u l-kaskati, u l-funzjoni tiegħu hi li jipprovdi l-ilma minn wara l-Pont ta' Gargar għan-naħa tal-Lvant tal-imtieħen tal-ilma u li jiddirezzjona l-ilma f'kanal sabiex jipprevjeni li ssir il-ħsara lill-imtieħen tal-ilma. Il-Mina ta' Dahaneye Shahr hija waħda mit-tliet mini prinċipali li kienu jiddirezzjonaw l-ilma minn wara l-Pont-Diga ta' Gargar għall-mitħna tal-ilma biex imbagħad jitħaddmu diversi mtieħen tal-ilma.[3][4] Il-Kanal ta' Seh Kooreh jiddirezzjona l-ilma minn wara l-Pont ta' Gargar għan-naħa tal-Punent. L-imtieħen tal-ilma u l-kaskati jirrappreżentaw mudell perfett tal-użu tal-ilma għat-tħaddim ta' diversi mtieħen tal-ilma oħra.
Il-Band-e Kaisar ("Diga ta' Ċesri"), diga Rumana twila madwar 500 metru (1,600 pied) minn naħa għall-oħra tax-xmara Karun, kienet l-istruttura ewlenija tal-kumpless, li flimkien mad-Diga ta' Mizan (Band-e Mizan), żammet u ddevjat l-ilma tax-xmara lejn il-kanali tal-irrigazzjoni fl-inħawi.[5] Din id-diga nbniet minn forza tax-xogħol Rumana fis-seklu 3 W.K. skont l-ordnijiet tas-Sassanidi, u kienet l-iżjed pont Ruman u diga Rumana fil-Lvant, kif ukoll l-ewwel struttura fl-Iran li kienet tintuża bħala pont u diga f'daqqa.[6]
Partijiet mis-sistema tal-irrigazzjoni jingħad li oriġinarjament imorru lura għal żmien Darius il-Kbir, re Akemenid tal-Iran. Parzjalment tikkonsisti minn par kanali primarji ta' devjazzjoni fix-xmara Karun, u wieħed minnhom għadu jintuża sal-lum. Iwassal l-ilma lejn il-belt ta' Shushtar permezz ta' rotta ta' mini tal-provvista tal-ilma. Fl-inħawi hemm ukoll il-Kastell ta' Salasel, li huwa l-assi għat-tħaddim tas-sistema idrawlika. Jikkonsisti wkoll minn torri għall-kejl tal-livell tal-ilma, flimkien ma' pontijiet, digi, imtieħen tal-ilma u baċiri.
Is-sistema idrawlika mbagħad tidħol fil-pjanura fin-Nofsinhar tal-belt, fejn l-impatt tagħha jinkludi l-faċilitazzjoni tal-possibbiltà tal-biedja f'żona msejħa Mianâb u t-tħawwil tas-siġar tal-frott. Fil-fatt iż-żona kollha bejn iż-żewġ kanali tad-devjazzjoni tal-ilma (Shutayt u Gargar) fix-xmara Karun tissejjaħ Mianâb, bil-belt ta' Shushtar fin-naħa tat-Tramuntana tagħha.[7]
Is-Sistema Idrawlika Storika ta' Shushtar ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2009.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (v) Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2]
Is-Sistema Idrawlika Storika ta' Shushtar hija kumpless ta' digi, pontijiet, kanali u strutturi, magħmula minn 13-il sit li jaħdmu flimkien bħala sistema idrawlika. Dawn huma:[2][8]
1. Id-Diga ta' Mizan
2. It-Torri ta' Kolah-Farangi
3. Il-Kanal ta' Gargar
4. Il-Pont-Diga ta' Gargar
5. L-Inħawi tal-Imtieħen tal-Ilma u l-Kaskati
6. Il-Pont-Diga ta' Borj Ayar u s-Santwarju ta' Sabein
7. Il-Pont-Diga ta' Khoda-Afrain
8. Il-Kastell ta' Salasel
9. Il-Kanal ta' Dariun
10. Il-Pont-Diga ta' Shadorvan
11. Id-Diga ta' Band-e Khak
12. Il-Pont-Diga ta' Lashkar
13. Id-Diga ta' Sharabdar
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.