Is-Seowon (bil-Korean: 서원; bil-Hanja: 書院) kienu l-iktar istituzzjonijiet edukattivi komuni fil-Korea matul nofs u l-aħħar tad-dinastija Joseon. Dawn kienu istituzzjonijiet privati, u kienu jagħqdu flimkien il-funzjonijiet ta' santwarju tal-Konfuċjoniżmu u ta' skola preparatorja. F'termini edukattivi, is-seowon kellhom l-għan ewlieni li jħejju lill-istudenti għall-eżamijiet tas-servizz ċivili nazzjonali. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, is-seowon kienu jaqdu lill-istudenti tal-klassi aristokratika tal-yangban biss. Fis-6 ta' Lulju 2019, l-UNESCO rrikonoxxiet ġabra ta' disa' seowon bħala Sit ta' Wirt Dinji.[1][2]

Thumb
Is-Seowon ta' Dosan f'Andong li deher ukoll fuq in-naħa ta' wara tal-karta tal-flus tal-1,000 won tal-Korea t'Isfel mill-1975 sal-2007

Storja

Thumb
An Hyang, il-filosfu Neo-Konfuċjan li għalih ġie ddedikat l-ewwel seowon li qatt ġie stabbilit

Is-seowon tfaċċaw għall-ewwel darba fil-Korea fil-bidu tad-dinastija Joseon. Ġew imsawra skont l-akkademji Ċiniżi privati bikrin tat-tagħlim klassiku magħruf bħala shuyuan. Dawn tal-aħħar oriġinaw fis-seklu 8 taħt id-dinastija Tang u iktar 'il quddiem tneħħew taħt id-dinastija Yuan sabiex isiru skejjel preparatorji għall-eżamijiet imperjali taħt il-kontroll tal-gvern.[3]

Għalkemm is-sena eżatta tal-introduzzjoni tas-seowon fil-Korea mhix magħrufa fiċ-ċert, fl-1418 ir-Re Sejong ħareġ premjijiet lil żewġ studjużi għall-ħidma tagħhom fit-twaqqif tas-seowon f'Gimje u f'Gwangju.[4] L-ewwel seowon li rċieva l-appoġġ irjali kien is-Seowon ta' Sosu f'Punggi, ippresedut minn Toegye, li ngħata tavla tat-tagħlim mir-Re Myeongjong fl-1550.[5]

Bosta seowon ġew stabbiliti minn litterati ewlenin, jew minn gruppi lokali ta' familji yangban. Pereżempju, Ju Se-bong stabbilixxa s-Seowon ta' Sosu, li baqa' jopera ferm wara mewtu. Uħud mis-seowon inbnew minn studjużi Sarim li rtiraw fil-villaġġi fid-dawl tat-"tisfija" mil-litterati fis-seklu 16 u ntużaw bħala l-bażijiet politiċi tagħhom.

Il-biċċa l-kbira tas-seowon ġew magħluqa permezz ta' editt ta' Daewon-gun fl-aħħar snin turbolenti tas-seklu 19. Huwa pprojbixxa l-kostruzzjoni mhux awtorizzata tas-seowon fl-1864, u neħħa l-eżenzjoni li kellhom mit-taxxa fl-1868. Finalment, fl-1871, huwa ordna li s-seowon kollha jingħalqu ħlief xi ftit minnhom. Il-yangban provinċjali kienu mgħaddbin b'dawn il-miżuri, u din kienet waħda mid-diversi raġunijiet li wasslu biex Daewon-gun jitneħħa mill-poter fl-1873; madankollu, is-seowon baqgħu magħluqin.[6]

Sit ta' Wirt Dinji

Thumb
Is-Seowon ta' Byeongsan

Is-"Seowon, Akkademji Neo-Konfuċjani Koreani" huma ġabra ta' disa' seowon li ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2019.[2] Dawn li ġejjin huma d-disa' seowon:

  • is-Seowon ta' Sosu, Yeongju, Gyeongsangbuk-do
  • is-Seowon ta' Namgye, il-Kontea ta' Hamyang, Gyeongsangnam-do
  • is-Seowon ta' Oksan, Gyeongju, Gyeongsangbuk-do
  • is-Seowon ta' Dosan, Andong, Gyeongsangbuk-do
  • is-Seowon ta' Piram, il-Kontea ta' Jangseong, Jeollanam-do
  • is-Seowon ta' Dodong, il-Kontea ta' Dalseong, il-Belt Metropolitana ta' Daegu
  • is-Seowon ta' Byeongsan, Andong, Gyeongsangbuk-do
  • is-Seowon ta' Museong, Jeongeup, Jeollabuk-do
  • is-Seowon ta' Donam, Nonsan, Chungcheongnam-do
Thumb
Eżempju ta' sala tat-tagħlim

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[2]

Referenzi

Wikiwand in your browser!

Seamless Wikipedia browsing. On steroids.

Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.

Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.