![cover image](https://wikiwandv2-19431.kxcdn.com/_next/image?url=https://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/7/71/Riversleigh.jpg/640px-Riversleigh.jpg&w=640&q=50)
Riversleigh
sit tal-fossili fl-Awstralja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Riversleigh huwa l-iżjed sit famuż tal-Awstralja għall-fossili, u huwa rikonoxxut għal sensiela ta' fossili ppreservati tajjeb li ġew depożitati mill-Oligoċen Aħħari sa perjodi ġeoloġiċi iktar reċenti. Is-sistema fossilifera tal-ġebla tal-ġir tinsab qrib ix-xmara Gregory fil-Majjistral ta' Queensland, ambjent li fl-imgħoddi mbiegħed kien foresta tropikali fejn kienet tinżel ħafna xita u li sar iktar aridu meta l-mases tal-art ta' Gondwana sseparaw minn xulxin u l-kontinent Awstraljan iċċaqlaq lejn it-Tramuntana. Iż-żona ta' Riversleigh fiha madwar 100 kilometru kwadru u fiha fdalijiet ta' fossili ta' mammiferi, għasafar u rettili tal-qedem tal-Oligoċen u tal-Mijoċen. Ħafna minn dawn il-fdalijiet ġew skoperti hemmhekk biss u ma jeżistu mkien iktar; l-ispeċijiet li kienu jgħixu fl-imgħoddi hemmhekk huma magħrufa bħala l-fawna ta' Riversleigh.[1]
![Thumb image](http://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/7/71/Riversleigh.jpg/640px-Riversleigh.jpg)
Il-fossili ta' Riversleigh mhumiex tas-soltu għaliex instabu fil-ġebla tal-ġir ratba tal-ilma ħelu li ma ġietx ikkumpattata.[2] Dan ifisser li l-fdalijiet tal-annimal żammew l-istruttura tridimensjonali tagħhom, u mhux ġew parzjalment mgħafġin bħal fil-biċċa l-kbira tas-siti tal-fossili. Iż-żona ta' Riversleigh tinsab fi ħdan il-baċir tal-iskular tax-xmara Gregory. Ħafna mis-siti tal-fossili kienu xquq u għerien tal-ġebla tal-ġir li nħolqu bl-azzjoni ta' ammonti kbar ta' ilma fuq il-formazzjonijiet karstiċi, u b'hekk ħolqu fosos li kienu qishom nases u postijiet fejn kienu jiġu jieklu l-predaturi li minn żmien għal żmien u x'aktarx ħesrem inqabdu jew intradmu hemm u l-fdalijiet tagħhom ġew ippreservati; dawn il-kundizzjonijiet wasslu għall-gruppi kbar ta' friefet il-lejl fossilizzati u l-ħmieġ tagħhom għen fil-konservazzjoni tal-fdalijiet tagħhom stess u ta' annimali oħra.[3]
L-ewwel fossili nstabu fiż-żona fl-1901.[4] Stħarriġ inizjali ta' esplorazzjoni sar fl-1963. Mill-1976, iż-żona kienet soġġetta għal esplorazzjoni sistemika.[4] Is-sit ġie ddeżinjat b'mod konġunt mal-Park Nazzjonali tal-Għerien ta' Naracoorte fin-Nofsinhar tal-Awstralja bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994. Barra minn hekk, is-sit huwa estensjoni tal-Park Nazzjonali ta' Boodjamulla.[5]